Skip to content

Riforma tal-UE fit-telekomunikazzjoni

L-Unjoni Ewropea qed tipprepara għall-era ta' konnettività mifruxa u b'veloċità għolja ħafna li ser iġġibteknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss bħall-5G.

Huwa għalhekk li l-UE introduċiet regoli ġodda għall-industrija tat-telekomunikazzjoni. Dawn ir-regoli diġà llimitaw ir-rata għas-sejħiet internazzjonali u saħħew il-protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea. Għall-futur, l-objettivi ewlenin jinkludu:

  • li tiġi żgurata l-introduzzjoni rapida u estensiva tal-5G u teknoloġiji oħra tal-ġenerazzjoni li jmiss
  • li tingħata spinta lill-innovazzjoni mill-aktar avvanzata

Fl-4 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni - fl-għamla ta' żewġ atti leġislattivi:

  • il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi
  • mandat rivedut għall-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC)

Fid-19 u l-20 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew iddeskriva l-Kodiċi għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi bħala importanti għall-istrateġija għal suq uniku diġitali. Huwa l-uniku att leġislattiv li jittratta l-infrastruttura l-ġdida meħtieġa għall-ekonomija diġitali.

Għalfejn għandna bżonnu?

Il-konsumaturi u n-negozji qed jiddependu dejjem aktar fuq id-data u l-aċċess għall-internet minflok fuq netwerks fissi tradizzjonali bħat-telefons.

Jeħtieġ li l-UE tadatta għal din ir-realtà ġdida fejn is-servizzi emerġenti bbażati fuq l-internet jikkompetu ma' servizzi ta' telekomunikazzjoni eżistenti, filwaqt li tkompli tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u kompetizzjoni fis-suq.

Iżda sabiex dan isir b'mod effiċjenti, iridu jingħelbu għadd ta' sfidi sinifikanti, bħal:

  • il-fatt li l-konnettività b'veloċità għolja ħafna għal infrastrutturi fissi u mobbli madwar l-UE hi limitata
  • ir-riskji li ma jkunx hemm kapaċità biżżejjed biex jiġu indirizzati l-bidliet rapidi teknoloġiċi u fis-suq bħall-avvanz tal-"Internet tal-Oġġetti"
  • il-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw minn regolamentazzjoni żejda u nuqqas ta' koerenza

Ir-riżultat mistenni huwa l-adozzjoni rapida u mifruxa ħafna tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss bħat-teknoloġiji fibre-to-the-home u broadband mobbli (5G). Dan il-livell għola ta' konnettività jista' wkoll jiffaċilita l-ħolqien ta' negozji u mudelli ta' negozju ġodda, u għalhekk jikkostitwixxi xprun importanti ħafna għat-tkabbir.

F'Ġunju 2016, din l-infrastruttura tal-konnettività ġiet deskritta mill-Kunsill Ewropew bħala prekondizzjoni għall-kompetittività tal-UE fil-futur.

Skont stima tal-Kummissjoni Ewropea, jekk il-miżuri proposti marbuta mal-introduzzjoni tal-5G madwar l-Ewropa kellhom jiġu implimentati sal-2020-2025, l-UE tista' tiggwadanja madwar €146.5 biljun kull sena. Dawn il-miżuri jistgħu wkoll iwasslu sabiex jinħolqu sa 2.4 miljun impjieg.

Pakkett dwar il-konnettività

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikseb l-istadji importanti li ġejjin sal-2025:

  • konnettività fil-livell ta' gigabits għal muturi ekonomiċi ewlenin - bħall-iskejjel, l-intrapriżi medji u kbar, u l-fornituri ewlenin tas-servizzi pubbliċi
  • konnettività ta' mill-inqas 100 Mb kull sekonda għal kull unità domestika Ewropea, li tista' tiżdied
  • kopertura 5G għal kull żona urbana u għar-rotot ewlenin kollha tat-trasport fuq l-art.
    • 1 ta' Jannar

      Fid-dettall

  • 2019

    • 21 u 22 ta' Marzu

      Is-sigurtà tan-netwerks tal-5G, fuq l-aġenda tal-mexxejja tal-UE

      Il-mexxejja tal-UE qablu li bażi ekonomika b'saħħitha hija ta' importanza kruċjali għall-ġid u l-kompetittività tal-Ewropa.

      Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew appella biex l-azzjoni mill-UE u mill-istati membri tagħha tkun tinkludi l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali.

      Il-mexxejja tal-UE jistennew b'interess ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sigurtà tan-netwerks tal-5G.

  • 2018

    • 4 ta' Diċembru

      Konnettività aħjar: l-UE tadotta riforma fit-telekomunikazzjoni

      Il-Kunsill adotta regoli ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni li jippromwovu l-introduzzjoni rapida tal-5G u teknoloġiji oħra tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss madwar l-Ewropa kollha, jinkoraġġixxu l-innovazzjoni mill-aktar avvanzata u jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

      Dan jirreferi għal żewġ atti leġislattivi, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u mandat rivedut għall-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

      Il-Kodiċi jinkludi miżuri bħal:

      • l-inkoraġġiment tal-kompetizzjoni
      • l-istimulazzjoni tal-investiment f'netwerks ta' kapaċità għolja ħafna
      • it-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur - b'regoli relatati mfassla biex japplikaw ukoll għal servizzi bħal apps tal-messaġġi
      • l-introduzzjoni tas-sistema ta' twissija pubblika "reverse 112" fil-livell nazzjonali - li tavża lin-nies, direttament fuq il-mobiles tagħhom, b'emerġenzi kbar bħal diżastri naturali jew attakki terroristiċi

      Barra minn hekk, bl-adozzjoni taż-żewġ atti leġislattivi l-ġodda, ir-regoli l-ġodda dwar telefonati irħas ġewwa l-UE ser jillimitaw il-prezz għall-konsumaturi ta' telefonati mobbli jew fissi minn pajjiżhom għal pajjiż ieħor tal-UE għal 19-il ċenteżmu l-minuta. Il-limitu għal messaġġi bil-miktub ġewwa l-UE ser ikun ta' sitt ċenteżmi l-messaġġ. Il-limiti l-ġodda ser japplikaw mill-15 ta' Mejju 2019.

    • 29 ta' Ġunju

      L-istati membri japprovaw ir-riforma tat-telekomunikazzjoni madwar l-UE

      L-ambaxxaturi għall-UE approvaw sett komprensiv ta' regoli ġodda għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika Ewropew.

      Din ir-riforma ser iġġib magħha bidliet bħalma huma:

      • l-introduzzjoni rapida u estensiva tal-5G u teknoloġiji oħra tal-ġenerazzjoni li jmiss madwar l-Ewropa
      • protezzjoni tal-konsumatur aktar b'saħħitha
      • rata massima għat-telefonati internazzjonali fl-UE
  • 2017

    • 4 ta' Diċembru

      L-iżgurar ta' regoli konsistenti tat-telekomunikazzjoni

      Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-aġġornament tar-regoli għall-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Dan il-ftehim iwitti t-triq għan-negozjati mal-Parlament Ewropew.

      Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill żgura li r-regoli l-ġodda proposti għall-BEREC huma skont il-mandat tiegħu dwar il-Kodiċi għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

      BEREC ġie stabbilit fl-2009 u beda l-ħidma fl-2010. Il-mira ewlenija tiegħu huwa li jiżgura l-implimentazzjoni konsistenti ta' regoli tat-telekomunikazzjoni madwar l-UE u jipprovdi għarfien espert tekniku lil regolaturi nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.

    • 24 ta' Ottubru

      Il-Kunsill iżomm il-mira 2020 għall-ispettru 5G

      Matul il-Kunsill Telekomunikazzjoni, il-presidenza Estonjana pprovdiet informazzjoni dwar il-passi prattiċi biex tinkiseb konnettività 5G.

      Il-Ministri ddiskutew l-aħjar mod kif tista' tintlaħaq l-ambizzjoni stabbilita mill-Kunsill Ewropew li l-ispettru meħtieġ ikun disponibbli sas-sena 2020.

      "Ilkoll qbilna li kien importanti ħafna li noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għall-introduzzjoni rapida u estensiva ta' netwerks 5G fl-Ewropa." Urve Palo, Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni tal-Estonja
    • 11 ta' Ottubru

      Regoli ġodda dwar it-telekomunikazzjoni: Il-Kunsill jibda taħditiet mal-Parlament Ewropew

      Il-Kunsill ta mandat ġenerali lill-presidenza Estonjana biex tibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

      Dawn ir-regoli se jħejju l-Ewropa għall-era tal-5G permezz tal-promozzjoni tal-investiment, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda.

      Jeħtieġ li tingħata spinta lill-investiment sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tissodisfa d-domanda li dejjem qed tikber għall-konnettività f'gigabits, li tagħmel parti essenzjali mir-rivoluzzjoni diġitali.

    • 18 ta' Lulju

      Dikjarazzjoni dwar il-5G

      Il-ministri għat-telekomunikazzjoni iffirmaw Dikjarazzjoni dwar il-5G li tikkonferma r-rieda tagħhom li l-Ewropa ssir is-suq globali ewlieni għall-5G. Dan l-objettiv għandu jintlaħaq permezz ta' miżuri ewlenin bħal:

      • li jsir disponibbli aktar spettru 5G mingħajr dewmien u b'mod prevedibbli
      • li tiġi żgurata kopertura mobbli komprensiva ta' standard għoli madwar l-Ewropa
      • li jiġi ffaċilitat l-użu tal-fibrottika
    • 8 u 9 ta' Ġunju

      Dibattitu dwar ir-riforma tat-telekomunikazzjoni

      Il-ministri għat-telekomunikazzjoni kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq il-livell mixtieq ta' koordinazzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi b'rabta mal-konnettività.

    • 25 ta' April

      L-UE tagħti spinta lill-konnettività fit-tħejjija għall-5G

      Il-Kunsill adotta deċiżjoni biex isiru disponibbli radjufrekwenzi ta' kwalità għolja għal servizzi broadband bla fili fl-istati membri kollha tal-UE. Din il-miżura titqies li hi essenzjali biex tingħata spinta lill-konnettività mobbli u lill-introduzzjoni tat-teknoloġija 5G.

      B'riżultat ta' dan, l-operaturi mobbli ser jiksbu aċċess esklużiv għall-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz sat-30 ta' Ġunju 2020. L-użu kkoordinat tal-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz, li toffri veloċitajiet għoljin u kopertura eċċellenti, ser jippermetti konnessjonijiet mal-internet aħjar u aktar rapidi madwar l-Ewropa.