"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Suq uniku diġitali għall-Ewropa

L-istrateġija tas-suq uniku diġitali għandha l-għan li tiżgura li l-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà tal-Ewropa jieħdu vantaġġ sħiħ mill-era diġitali ġdida. Flimkien ma' soluzzjonijiet elettroniċi u data, u servizzi diġitali transfruntiera, hija parti integrali mill-proġett tal-UE għal Ewropa diġitali.

L-UE diġà bdiet toħloq suq uniku diġitali liberu u sigur fejn in-nies ikunu jistgħu jixtru online lil hinn mill-fruntieri u n-negozji jkunu jistgħu jbigħu online madwar l-UE.

Proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015, l-istrateġija tas-suq uniku diġitali stipulat il-pedamenti ta' soċjetà diġitali Ewropea magħquda u sostenibbli. Għadd ta' kisbiet importanti segwew fl-2016 u l-2017:

  • it-tmiem tat-tariffi tar-roaming
  • il-modernizzazzjoni tal-protezzjoni tad-data
  • il-portabbiltà transfruntiera ta' kontenut online
  • il-qbil għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ elettroniku billi jitwaqqaf l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

Għall-ġejjieni, din l-istrateġija tipprova tespandi aktar l-ekonomija diġitali tal-UE u tħott il-ħitan regolatorji bejn l-istati membri tal-UE.

L-UE fl-era diġitali ġdida

  • it-teknoloġija tista' diġà tawtomatizza 45% tal-kompiti mwettqa min-nies kuljum fuq ix-xogħol
  • 65% tat-tfal li jidħlu l-iskola bħalissa ser jaħdmu f'tipi ta' impjieg kompletament ġodda fil-ġejjieni

  • 7% biss tan-negozji żgħar u ta' daqs medju jbigħu online f'pajjiż ieħor tal-UE

  • it-tneħħija tal-ostakli ta' lokalizzazzjoni tad-data tagħti spinta annwali ta' €8 biljun lill-PDG tal-UE

Għalfejn għandna bżonnha?

It-trasformazzjoni teknoloġika taffettwa l-oqsma kollha tal-ħajja moderna, mill-edukazzjoni u l-impjiegi għas-sistema ta' għajnuna soċjali. Il-bidla diġà qed isseħħ, u b'pass mgħaġġel. Pereżempju, f'ċerti kategoriji ta' impjieg sa 90% tar-rwoli jeħtieġu ħiliet diġitali.

L-Ewropa teħtieġ li tilqa' dawn il-bidliet sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha kif ukoll biex tippermettilhom jaħtfu l-opportunitajiet ġodda. Pereżempju, id-diġitalizzazzjoni tal-manifattura hija stmata li ser iġġib lill-UE €1,25 triljun sal-2025.

L-UE trid issawwar il-futur diġitali madwar temi bħall-fiduċja, is-sigurtà u l-gvern elettroniku. Hemm ħafna lok għall-progress. Pereżempju, bħalissa 15% biss taċ-ċittadini jixtru online minn pajjiż ieħor .

Suq diġitali li jaħdem b'mod sħiħ jista' jżid sa €415 biljun fl-ekonomija tal-UE kull sena. Jista' jippermetti wkoll li l-UE ssir attur globali ewlieni fis-settur diġitali. Biex tisfrutta dan il-potenzjal, l-UE qed tagħmel riformi kbar, li jvarjaw minn qafas ġdid dwar id-drittijiet tal-awtur għal regolament dwar l-imblukkar ġeografiku.

  • 2020

    9 ta' Ġunju

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: It-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jindirizzaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali tal-UE. L-oqsma koperti mill-konklużjonijiet jinkludu:

    • il‑konnettività
    • il-ktajjen tal-valur diġitali
    • is-Saħħa elettronika
    • l-ekonomija tad-data
    • l-intelliġenza artifiċjali
    • il-pjattaformi diġitali

    It-test jenfasizza wkoll l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, u r-rwol kritiku tagħha fl-irkupru ta' wara l-COVID-19.

    It-trasformazzjoni diġitali mhux biss ser tgħin biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa li għaddejja bħalissa, iżda ser tkun ukoll mutur ewlieni għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir ekoloġiku u l-awtonomija strateġika tal-UE. Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja, presidenza tal-Kunsill
  • 2019

    14 ta' Ġunju

    L-UE tintroduċi obbligi ta' trasparenza għall-pjattaformi online

    L-UE qed tintroduċi regoli ġodda li ser jipprovdu lin-negozji b'ambjent online aktar trasparenti, ġust u prevedibbli, kif ukoll sistema effiċjenti biex ifittxu kumpens jew tiswija.

    Il-Kunsill adotta regolament li jindirizza r-relazzjonijiet bejn pjattaformi u negozji online.

    Il-pjattaformi online koperti mir-regolament jinkludu:

    • postijiet tas-suq online
    • ħwienet online ta' applikazzjonijiet tas-software u/jew media soċjali online

    Il-magni tat-tiftix online huma inklużi wkoll - irrispettivament mill-post fejn huma stabbiliti - dment li jservu lill-utenti kummerċjali li huma stabbiliti fl-UE u li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu wkoll fl-UE.

  • 2019

    7 ta' Ġunju

    Viżjoni tal-UE għal Ewropa diġitalizzata: Ħadd ma jitħalla barra

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-futur ta' Ewropa b'diġitalizzazzjoni għolja wara l-2020. Id-dokument relatat huwa intitolat "Tingħata spinta lill-kompetittività diġitali u ekonomika mal-Unjoni kollha u lill-koeżjoni diġitali''.

    Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-prijoritajiet u l-isfidi ewlenin għal Ewropa b’saħħitha, kompetittiva, innovattiva u diġitalizzata ħafna. Huma jirreferu għal:

    • appoġġ għall-innovazzjoni u inkoraġġiment tat-teknoloġiji diġitali Ewropej ewlenin
    • ħarsien tal-prinċipji u l-valuri etiċi fl-intelliġenza artifiċjali
    • tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-Ewropa
    • titjib tal-ħiliet elettroniċi
    • żvilupp tas-soċjetà tal-gigabits, inkluż 5G

    Huma jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' nisa fis-settur u li l-gruppi vulnerabbli kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni - sabiex ħadd ma jitħalla barra.

  • 2019

    6 ta' Ġunju

    Innovazzjoni diġitali: L-UE żżid id-disponibbiltà tad-data tas-settur pubbliku

    L-UE qed tagħmel ammont kbir ta' data li għandu s-settur pubbliku disponibbli aktar faċilment biex terġa' tintuża bħala materja prima għall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u avvanzi oħra fit-teknoloġiji diġitali.

    Illum, il-Kunsill adotta regoli ġodda dwar data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' data tas-settur pubbliku. Dan mistenni li jsaħħaħ l-ekonomija tad-data tal-UE billi:

    • jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ soċjetà bbażata fuq id-data
    • jistimula t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi fis-setturi kollha tal-ekonomija

    L-att legali issa ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Hija ser tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni. L-istati membri mbagħad ser ikollhom sentejn żmien biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali tagħhom.

  • 2019

    15 ta' April

    Il-Kunsill jadotta d-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur: regoli ġodda għall-era diġitali

    L-UE qed taġġorna r-regoli tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur biex ikunu adattati għall-ambjent diġitali tal-lum.

    F’dan is-sens, il-Kunsill adotta direttiva li twitti t-triq lejn suq uniku diġitali veru. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw protezzjoni adegwata għall-awturi u l-artisti, filwaqt li jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-aċċess u l-kondiviżjoni ta’ kontenut online protett bid-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni Ewropea kollha.

    Id-direttiva tindirizza kwistjonijiet varji, li jistgħu jinġabru flimkien taħt tliet kategoriji:

    • adattament tal-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur għall-ambjent diġitali u transfruntier
    • titjib ta' prattiki ta' ħruġ ta' liċenzji biex ikun żgurat aċċess aktar mifrux għall-kontenut kreattiv
    • post tas-suq li jiffunzjona tajjeb għad-drittijiet tal-awtur

    Wara l-firma u l-pubblikazzjoni tad-direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-istati membri ser ikollhom 24 xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali tagħhom.

  • 2019

    13 ta' Marzu

    Programm Ewropa Diġitali: l-ambaxxaturi għall-UE japprovaw il-qbil

    L-UE qed tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħha bl-istabbiliment ta' programm ġdid ta' finanzjament għall-2021 sal-2027, Ewropa Diġitali.

    L-ambaxxaturi għall-UE kkonfermaw il-fehim komuni li ntlaħaq bejn il-presidenza Rumena u l-Parlament Ewropew dwar il-proposta. Hija għandha l-għan tippromwovi l-introduzzjoni u l-adozzjoni fuq skala wiesgħa ta' teknoloġiji diġitali ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali u l-għodod taċ-ċibersigurtà.

    Il-fehim komuni jeskludi kwistjonijiet relatati mal-baġit jew kwistjonijiet oħra li qed jiġu diskussi bħala parti min-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss tal-UE għall- 2021-2027.

  • 2019

    20 ta' Frar

    L-UE ser ittejjeb it-trasparenza fin-negozju permezz ta' pjattaformi online

    L-UE qed tintroduċi regoli ġodda li joffru lin-negozji ambjent ta' pjattaforma online aktar trasparenti, ġust u prevedibbli.

    Illum, l-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-qbil proviżorju milħuq fit-13 ta' Frar mal-Parlament Ewropew dwar abbozz ta' regolament li jindirizza r-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi online u n-negozji.

    L-għan prinċipali tar-regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali li jiggarantixxi termini u kondizzjonijiet trasparenti għall-utenti kummerċjali ta' pjattaformi online.

  • 2019

    14 ta' Frar

    Riforma tad-drittijiet tal-awtur: qbil proviżorju biex ir-regoli jiġu adattati għall-era diġitali

    L-UE qed taġġorna r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur biex ittejjeb id-drittijiet ta' dawk li joħolqu l-kontenut, tiċċara l-qafas legali għall-pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut u tiffaċilita l-edukazzjoni elettronika, fost affarijiet oħra. Il-presidenza tal-Kunsill laħqet qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew.

  • 2019

    6 ta' Frar

    L-UE tagħti spinta lill-ekonomija tad-data tagħha: Il-Kunsill japprova l-ftehim dwar użu mill-ġdid aktar mifrux ta' data pubblika

    Ammonti vasti ta' data miżmuma mis-settur pubbliku, bħal data meteoroloġika u ambjentali, ser ikunu disponibbli aktar malajr u faċilment għall-ħolqien ta' prodotti u servizzi ġodda.

    L-ambaxxaturi għall-UE kkonfermaw il-ftehim bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar riforma li ser timmodernizza r-regoli tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku. Dan ser ikompli jistimula l-innovazzjoni diġitali, speċjalment fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.

  • 2019

    4 ta' Frar

    Il-liġi tal-kumpaniji tal-UE adattata għall-era diġitali

    L-UE ddeċidiet li tirrevedi r-regoli tal-liġi tal-kumpaniji tagħha ħalli jibqgħu adatti għall-iskop tagħhom fl-era diġitali. L-għan hu li tinkiseb aktar effiċjenza, trasparenza u ċertezza legali permezz tal-użu ta' għodod diġitali.

    Il-presidenza tal-Kunsill laħqet qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar abbozz ta' direttiva li ser tiffaċilita l-użu ta' soluzzjonijiet online fil-kuntatti ta' kumpanija mal-awtoritajiet pubbliċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha.

  • 2019

    22 ta' Jannar

    Użu mill-ġdid aktar mifrux tad-data tas-settur pubbliku: qbil proviżorju

    L-UE qiegħda żżid id-disponibbiltà u l-użu mill-ġdid ta' data ffinanzjata pubblikament. Dan ser jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea tad-data. Ser jistimula wkoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-cloud computing.

    Il-presidenza laħqet qbil preliminari mal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda maħsuba biex:

    • iżidu l-provvista ta' data biex tappoġġa l-ekonomija u soċjetà moderna bbażata fuq id-data
    • tippromwovi l-użu ta' data miftuħa fl-UE

    Il-qbil preliminari tal-lum għad irid jiġi approvat mill-Kunsill.

  • 2018

    19 ta' Diċembru

    Il-Kunsill japprova qbil dwar regoli aġġornati dwar id-dominju .eu

    L-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-qbil proviżorju dwar ir-riforma tar-regoli ta' governanza ta' .eu. Dan il-qbil intlaħaq mill-presidenza tal-Kunsill mal-Parlament Ewropew fil-5 ta' Diċembru.

    .eu hu l-isem tad-dominju tal-internet tal-ogħla livell tal-UE li taħtu kull persuna, organizzazzjoni jew negozju bbażat fl-UE – u dalwaqt iċ-ċittadini Ewropej li jgħixu barra l-UE wkoll – jistgħu jirreġistraw l-isem tad-dominju tagħhom. Huwa kkunsidrat bħal element essenzjali fil-bini ta' identità online Ewropea.

  • 2018

    13 ta' Diċembru

    Aċċess transfruntier imsaħħaħ għall-kontenut online: L-UE taqbel dwar regoli ġodda

    L-UE qed tieħu passi biex tagħmel il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju online aktar faċilment disponibbli fit-territorju kollu tagħha. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar id-direttiva futura.

    Id-direttiva ser tipprovdi lill-utenti fi kwalunkwe stat membru tal-UE għażla usa' ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju online li joriġinaw f'pajjiżi oħra tal-UE. Din ser tagħmel dan billi tiffaċilita l-liċenzjar ta' materjal f'dawn il-programmi protett bid-drittijiet tal-awtur.

  • 2018

    5 ta' Diċembru

    Il-liġi tal-kumpaniji adattata għall-era diġitali: il-pożizzjoni tal-Kunsill maqbula

    L-UE qed timmodernizza r-regoli dwar il-liġi tal-kumpaniji sabiex tagħmilhom adattati għall-iskop fl-era diġitali.

    L-ambaxxaturi tal-istati membri qablu dwar regoli ġodda li ser jiffaċilitaw l-użu ta' għodod diġitali u proċessi online fil-kuntatti ta' kumpanija mal-awtoritajiet pubbliċi matul iċ-ċiklu ta' ħajja tagħha.

  • 2018

    4 ta' Diċembru

    Programm Ewropa Diġitali: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

    L-UE qed tistabbilixxi programm ġdid ta' finanzjament, Ewropa Diġitali, li għandu jiġi varat fl-2021 biex jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-Ewropa.

    Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu ("approċċ ġenerali parzjali") rigward il-proposta, li għandha l-għan li żżid l-iskjerament fuq skala kbira ta' teknoloġiji diġitali ewlenin u li tħeġġeġ l-użu tagħhom.

  • 2018

    29 ta' Novembru

    Twettiq ta' negozju permezz ta' pjattaformi online: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

    L-UE qed tintroduċi regoli ġodda li ser joffru lill-utenti kummerċjali fl-UE ambjent ta' pjattaformi online aktar trasparenti, ġust u prevedibbli. Ser iġibu wkoll sistema effettiva biex wieħed ifittex kumpens jew riparazzjoni.

    Ir-regolament propost huwa l-ewwel att leġislattiv tal-UE li jindirizza r-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi online u n-negozji li jużawhom.

  • 2018

    9 ta' Novembru

    Fluss liberu tad-data: l-UE tadotta regoli ġodda

    Illum il-Kunsill approva r-riforma li mistennija tnaqqas l-ostakli għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-UE.

    Ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex jagħtu spinta lill-ekonomija tad-data u l-iżvilupp ta' teknoloġiji emerġenti bħal pereżempju sistemi awtonomi transfruntiera u intelliġenza artifiċjali.

  • 2018

    7 ta' Novembru

    L-UE ser issaħħaħ il-kondiviżjoni tad-data tas-settur pubbliku: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

    L-UE qed tagħmel aktar faċli l-użu mill-ġdid tad-data miżmuma mis-settur pubbliku. L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill għan-negozjati dwar riformi li jikkontribwixxu għall-isforzi usa' tal-UE biex tiżdied il-provvista ta' data li ser tappoġġa l-ekonomija.

    Pereżempju, ir-regoli l-ġodda ser:

    • jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ġodda bbażati fuq id-data bħall-intelliġenza artifiċjali
    • jikkontribwixxu biex jifirxu l-aċċessibbiltà tad-data miftuħa fl-UE
  • 2018

    6 ta' Novembru

    Inqas diskors ta' mibegħda u aktar kontenut Ewropew fuq il-video streaming: il-Kunsill jadotta regoli ġodda tal-UE

    Ir-regoli l-ġodda tal-UE ser joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn it-televiżjoni tradizzjonali u servizzi ġodda bħax-xandir on-demand.

    Għall-ewwel darba l-pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' videos ser ikunu soġġetti għal regoli li jiżguraw li l-ispettaturi, u b'mod partikolari l-minorenni, ser ikunu protetti aħjar minn kontenut vjolenti jew ta' ħsara jew diskors ta' mibegħda.

    Il-Kunsill adotta d-direttiva l-ġdida fis-6 ta' Novembru. Dan huwa l-aħħar pass fil-proċess leġislattiv.

  • 2018

    24 ta' Ottubru

    Regoli aġġornati għad-dominju .eu: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

    Il-pożizzjoni maqbula tal-Kunsill għandha l-għan li tagħmel id-dominju .eu aktar trasparenti filwaqt li testendi wkoll id-dritt ta' reġistrazzjoni għal ċittadini tal-UE li jgħixu barra mill-UE.

    Barra minn hekk, din ir-reviżjoni proposta tallinja mar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR).

    Bi kważi erba' miljun reġistrazzjoni, id-dominju tal-ogħla livell .eu huwa wieħed mill-akbar dominji internazzjonali tal-ogħla livell ta' kodiċi ta' pajjiżi. Huwa jikkontribwixxi għal ambjent online sikur u sigur u jiżgura preżenza pan-Ewropea fis-suq diġitali globali.

  • 2018

    27 ta' Settembru

    Portal diġitali uniku: Il-Kunsill jadotta regolament

    Illum il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi portal diġitali uniku. Dan ġie wara qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'Ġunju.

    Il-portal il-ġdid ser jagħti aċċess għal informazzjoni online u proċeduri, assistenza u s-servizzi ta' soluzzjoni għall-problemi lill-individwi u l-kumpaniji.

    Il-portal diġitali uniku ser ikun għodda b'saħħitha oħra li tkun disponibbli għall-individwi u n-negozji li qed iħaddmu l-libertà ta' moviment u stabbiliment tagħhom fi stat membru ieħor. L-aċċess online għall-informazzjoni u l-proċeduri ser isir faċilment disponibbli għal kulħadd bl-istess mod. Margarete Schramböck, Ministru Federali Awstrijak għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi
  • 2018

    20 ta' Ġunju

    Portal diġitali uniku: l-ambaxxaturi jagħtu l-approvazzjoni

    L-ambaxxaturi għall-UE llum approvaw qbil biex jiġi stabbilit portal diġitali uniku li ser jipprovdi aċċess għall-informazzjoni online dwar is-suq intern tal-UE. Il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew kienu preċedentement laħqu dan il-qbil.

    Il-portal diġitali uniku ser jaġixxi bħala punt ta' dħul faċli biex jintuża mill-utent li għandu jkun ta' għajnuna għaċ-ċittadini u l-kumpaniji biex isibu informazzjoni dwar suġġetti bħax-xogħol, l-irtirar, l-istudju jew attivitajiet kummerċjali f'pajjiż ieħor tal-UE.

  • 2018

    25 ta' Mejju

    Drittijiet tal-awtur għall-era diġitali: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

    Il-Kunsill laħaq qbil dwar l-abbozz ta' direttiva li għandha l-għan li tadatta r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-ambjent diġitali.

    Dan il-qbil ser iservi ta' mandat biex jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tiffoka fuq aspetti bħal:

    • il-protezzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa - billi jinħoloq dritt ġdid li jirreferi għall-użu online
    • id-diskrepanza fil-valur tar-remunerazzjoni - billi jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ħlasijiet lill-awturi u l-qligħ tal-pjattaformi fuq l-internet
    • il-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri li jikkondividu kontenut - billi jiġi rregolat li fornituri bħal dawn għandhom jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet.
  • 2018

    12 ta' April

    Il-Kunsill jadotta regoli dwar il-konsenja tal-pakketti transfruntiera

    L-UE qed tagħti spinta lill-kummerċ-e billi tagħmilha iktar faċli biex il-konsumaturi u n-negozji jqabblu l-prezzijiet differenti tal-konsenji fl-Unjoni kollha. Ir-regolaturi ser ikollhom ukoll aktar setgħat biex jimmonitorjaw dan is-suq kumpless. Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda wara li ntlaħaq qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew fit-13 ta' Diċembru 2017.

    Dan huwa l-ikkompletar ta' element ieħor tas-suq uniku diġitali tal-UE.

    "Permezz ta' dawn ir-regoli l-informazzjoni dwar l-alternattivi differenti għall-konsenja tal-pakketti - inkluż servizzi ta' traċċar u rintraċċar - ser tkun iktar faċilment disponibbli." Ivaylo Moskovski, il-Ministru Bulgaru għat-Trasport, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni
  • 2018

    27 ta' Frar

    Imblukkar ġeografiku: Il-Kunsill jadotta regolament biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ elettroniku

    Il-Kunsill jadotta regolament biex jipprojbixxi l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat fis-suq intern.

    L-imblukkar ġeografiku huwa prattika diskriminatorja li tipprevjeni lill-klijenti online milli jaċċessaw jew jixtru prodotti jew servizzi minn sit web ibbażat fi stat membru ieħor.

    Il-liġi l-ġdida ser tneħħi l-ostakli għall-kummerċ elettroniku billi tiġi evitata d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post ta' stabbiliment tal-konsumaturi.

  • 2017

    20 ta' Diċembru

    It-tneħħija tal-ostakli għall-fluss liberu tad-data: Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni

    L-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa regoli ġodda li jippermettu li data mhux personali tiċċaqlaq liberament u faċilment bejn il-fruntieri tal-pajjiżi.

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar mandat għall-presidenza biex jibdew negozjati mal-Parlament Ewropew dwar din il-proposta. L-għan tagħha huwa li tagħti spinta lill-ekonomija tad-data tal-UE billi titneħħa kwalunkwe restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-post ġeografiku għall-ħżin jew l-ipproċessar tad-data.

    Fl-istess ħin, il-liġi l-ġdida ser tiżgura li l-awtoritajiet ikollhom aċċess għal data maħżuna jew ipproċessata fi stat membru ieħor sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom.

    Fi ftit kliem, ir-regoli l-ġodda ser joħolqu suq uniku għal servizzi ta' ħżin u ta' pproċessar ta' data, bħall-cloud computing.

  • 2017

    20 ta' Diċembru

    Il-Kunsill japprova l-qbil dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

    Illum l-ambaxxaturi għall-UE approvaw regoli ġodda biex jittejbu s-servizzi ta' konsenja transfruntiera tal-pakketti billi t-tariffi jsiru aktar trasparenti u billi r-regolaturi jingħataw aktar setgħat biex jissorveljaw is-suq.

    Il-presidenza laħqet qbil proviżorju dwar l-abbozz ta' regolament mal-Parlament Ewropew fit-13 ta' Diċembru.

  • 2017

    15 ta' Diċembru

    Trażmissjonijiet ta' xandiriet transfruntiera: Mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew

    L-ambaxxaturi għall-UE llum qablu rigward il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar proposta biex jiġu ffaċilitati t-trażmissjonijiet u r-ritrażmissjonijiet diġitali ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju fis-suq intern.

    Din il-pożizzjoni sservi bħala mandat għall-Kunsill biex jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew.

    "Id-drittijiet tal-awtur jistgħu jkunu kumplessi u diffiċli biex jinftiehmu, iżda l-għan tagħna b'dan ir-regolament huwa sempliċi: li ċ-ċittadini jingħataw aċċess aħjar għal programmi tar-radju u tat-televiżjoni minn pajjiżi oħra. Biex jintlaħaq dan, jenħtieġ li nagħmluha aktar faċli għax-xandara li jikklerjaw id-drittijiet neċessarji." Urmas Reinsalu, Ministru għall-Ġustizzja tal-Estonja

    Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi tixrid usa' tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi stati membri tal-UE oħra għall-benefiċċju tal-utenti. Dan jista' jinkiseb billi jiġi ffaċilitat il-liċenzjar ta' materjal protett bid-drittijiet tal-awtur li jinsabu f'tali programmi awdjoviżivi.

    B'dan il-mod, l-UE tissodisfa għan ewlieni ieħor tas-suq uniku diġitali: l-iżgurar ta' aċċess online mtejjeb għal programmi tat-televiżjoni u tar-radju fl-UE kollha.

  • 2017

    14 ta' Diċembru

    Servizz ta' konsenja transfruntiera tal-pakketti: Qbil proviżorju għal regoli ġodda

    Il-Presidenza Estonjana llum laħqet qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda sabiex tagħmel aktar trasparenti t-tariffi ta' konsenja transfruntiera tal-pakketti. Din l-inizjattiva tagħti wkoll aktar setgħat lir-regolaturi biex jissorveljaw is-suq tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti.

    Rati ta' konsenja transfruntiera aktar trasparenti ser iħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu minn firxa usa' ta' prodotti u jixtru aktar online. Ser joffru wkoll possibbiltajiet ġodda għall-bejjiegħa bl-imnut, speċjalment għal negozji żgħar li m'għandhomx is-setgħa li jinnegozjaw rati aħjar.

  • 2017

    30 ta' Novembru

    Portal diġitali uniku: il-Kunsill jaqbel li l-aċċess għal informazzjoni u servizzi jsir aktar faċli

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta' portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri u assistenza online liċ-ċittadini u l-kumpaniji.

    Din il-pożizzjoni - approċċ ġenerali - tippermetti l-bidu ta' negozjati mal-Parlament Ewropew.

    Il-portal diġitali uniku ser jintegra diversi netwerks u servizzi li twaqqfu fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jassistu liċ-ċittadini u lin-negozji fl-attivitajiet transfruntieri tagħhom. Dawn jinkludu: iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, il-Helpdesk għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, Europe Direct u n-Netwerk Enterprise Europe.

    "Jenħtieġ li nagħmluha aktar faċli li n-nies u l-kumpaniji tagħna jsibu l-informazzjoni li jeħtieġu, kulfejn jgħixu, jaħdmu jew jagħmlu negozju fl-UE. Il-ħolqien ta' punt uniku ta' servizz online huwa mod konvenjenti kif isir dan. Huwa pass ġdid lejn id-diġitalizzazzjoni transfruntiera tas-servizzi pubbliċi u pass ieħor fil-proċess biex l-Ewropa diġitali ssir realtà." Kadri Simson, Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Infrastruttura tal-Estonja
  • 2017

    30 ta' Novembru

    Il-protezzjoni tal-konsumatur fl-era diġitali: il-Kunsill isaħħaħ il-kooperazzjoni madwar l-UE

    Il-Kunsill adotta regolament biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

    Protezzjoni effettiva tal-konsumatur jeħtieġ li tirrispondi għall-isfidi tal-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tal-kummerċ bl-imnut transfruntier fl-UE.

    Huwa għalhekk li r-regolament il-ġdid għandu l-għan li jimmodernizza l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni biex tkompli titnaqqas il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi minn ksur transfruntier tal-liġi tal-UE dwar il-konsumaturi.

    Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu biex tiżdied il-fiduċja fil-kummerċ elettroniku fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji. Din ir-reviżjoni tal-qafas eżistenti tal-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali, bħala parti mill-iżvilupp tas-suq uniku diġitali.

  • 2017

    29 ta' Novembru

    Imblukkar ġeografiku: L-ambaxxaturi għall-UE jikkonfermaw qbil għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ elettroniku

    Il-presidenza Estonjana tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil dwar il-projbizzjoni tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat.

    L-abbozz ta' regolament dwar l-imblukkar ġeografiku, li jeħtieġ jiġi adottat miż-żewġ istituzzjonijiet, għandu l-għan li jneħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza u l-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi.

    L-imblukkar ġeografiku huwa prattika diskriminatorja li tipprevjeni lill-klijenti online milli jaċċessaw jew jixtru prodotti jew servizzi minn sit web ibbażat fi stat membru ieħor.

  • 2017

    20 ta' Novembru

    Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali appella għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà Ewropea u t-titjib tar-reżiljenza informatika madwar l-UE. Dawn l-għanijiet huma konformi mal-prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2017.

    Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa għall-pajjiżi kollha tal-UE li jagħmlu disponibbli r-riżorsi u l-investimenti meħtieġa biex jindirizzaw iċ-ċibersigurtà. Huma laqgħu wkoll serje ta' pjanijiet konkreti bħal:

    • it-twaqqif ta' netwerk ta' ċentri ta' kompetenza fiċ-ċibersigurtà madwar l-UE
    • l-introduzzjoni ta' qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà
    • l-għoti tal-għodda tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità
    • l-iżvilupp ta' rispons ikkoordinat għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira fil-livell tal-UE

    Il-Kunsill enfasizza wkoll ir-rabta importanti bejn il-fiduċja fl-Ewropa diġitali u l-ksib tar-reżiljenza ċibernetika madwar l-UE.

  • 2017

    25 ta' Ottubru

    Ċerimonja tal-firma elettronika: l-ewwel leġislazzjoni tal-UE ffirmata elettronikament

    L-ewwel iffirmar elettroniku ta' att leġislattiv tal-UE sar fil-25 ta' Ottubru fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Il-President tal-PE Antonio Tajani u Matti Maasikas, tal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill, iffirmaw b'mod elettroniku r-regolament rivedut dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, biex b'hekk twittiet it-triq għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Din iċ-ċerimonja turi li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu flimkien sabiex it-trasformazzjoni diġitali ssir realtà. Turi l-impenn li għandha l-UE biex timplimenta l-"eIDAS", ir-regolament għall-UE kollha li jipprevedi ambjent regolatorju prevedibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru interazzjonijiet elettroniċi sikuri u mingħajr xkiel bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi.

    "Ninsab konvint li dan huwa l-mod kif aħna dalwaqt ser niffirmaw l-atti legali kollha tagħna, sempliċiment għaliex jagħmel sens. Il-firma elettronika tiffranka l-karti, il-ħin u l-flus." Matti Maasikas, Presidenza Estonjana tal-Kunsill
    Il-firem bil-miktub lesti li jsiru kompletament diġitali fl-Unjoni Ewropea kollha

    Il-firem elettroniċi jsiru prattika ta’ kuljum (Infografika)

  • 2017

    24 ta' Ottubru

    Suq diġitali uniku: Prijoritajiet li fadal għall-2017

    Il-Kunsill Telekomunikazzjoni impenja ruħu li jagħti spinta lill-ħidma dwar is-suq uniku diġitali tal-UE sabiex tiġi żgurata t-tlestija tal-istrateġija sal-aħħar tal-2018.

    Bħala parti minn dan il-proċess, il-ministri stabbilixxew l-objettiv li jintlaħaq qbil - sal-aħħar tal-2017 - dwar tliet inizjattivi importanti: l-imblukkar ġeografiku, il-media awdjoviżiva u l-konsenja ta' pakketti.

  • 2017

    19 ta' Ottubru

    Il-Kunsill stabbilixxa prijoritajiet għal Ewropa diġitali ta' suċċess

    Il-Kunsill Ewropew enfasizza li huwa "lest jagħmel dak kollu meħtieġ biex l-Ewropa ssir diġitali", filwaqt li jibni fuq il-konklużjonijiet tas-Summit Diġitali ta' Tallinn tad-29 ta' Settembru.

    Il-mexxejja eżaminaw kif l-UE tista' taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni. Huma qablu dwar sensiela ta' prijoritajiet bħal:

    • li l-gvernijiet u s-setturi pubbliċi jidħlu b'mod sħiħ fl-era diġitali
    • li titlesta l-istrateġija għal suq uniku diġitali sa tmiem l-2018
    • li jinbena netwerk ta' infrastruttura u komunikazzjoni tal-ogħla livell
    • li jiġi adottat approċċ komuni għaċ-ċibersigurtà
    • li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità online
    • li tinkiseb sistema ta' tassazzjoni effettiva u ġusta li tixraq lill-era diġitali.
  • 2017

    9 ta' Ottubru

    Il-Kunsill adotta l-iskema "WiFi4EU" għal internet bla ħlas f'postijiet pubbliċi

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali sabiex l-UE tisponsorja punti ta' aċċess għal internet mingħajr fili bla ħlas f'postijiet pubbliċi.

    Taħt l-iskema ġdida, bl-isem WiFi4EU, portal multilingwi li huwa faċilment rikonoxxibbli ser jipprovdi aċċess għal konnessjoni sigura ta' veloċità għolja f'mill-inqas 6000 komunità lokali madwar l-UE sal-2020. Urve Palo, il-Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni tal-Estonja, qal:

    "L-iskema WiFi4EU ser tagħmel aktar aċċessibbli internet ta' kwalità għolja għal ħafna ċittadini. Ser tagħti l-opportunità lill-muniċipalitajiet lokali, il-libreriji u korpi pubbliċi oħra biex jippromwovu s-servizzi diġitali tagħhom."

    L-ewwel sejħa għal proġetti ser titnieda lejn tmiem is-sena jew kmieni fl-2018.

    Il-finanzjament totali tal-UE għall-iskema jista' jilħaq €120 miljun sal-2019.

  • 2017

    29 ta' Settembru

    Is-Summit Diġitali ta' Tallinn: il-mexxejja tal-UE jiffokaw fuq ir-"rivoluzzjoni diġitali"

    Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu fis-Summit Diġitali ta' Tallinn biex jiddiskutu t-triq 'il quddiem biex jintlaħqu l-prijoritajiet stabbiliti mill-istrateġija għal suq uniku diġitali tal-UE.

    Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk iddeskrivih bħala "avveniment ferm speċjali għall-futur tal-Ewropa". Donald Tusk żied jgħid li d-diskussjonijiet ta' Tallinn ser jintużaw bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru.

    Kellna dan is-summit għaliex l-Ewropa trid tuża l-opportunitajiet maħluqa minn avvanzi kbar, fl-oqsma kollha mir-robotika sal-intelliġenza artifiċjali. Jeħtieġ li nsawru b'mod attiv il-futur tagħna u nimmaniġġaw ir-riskji għas-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna minħabba r-rivoluzzjoni diġitali. Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2017

    22 ta' Ġunju

    Il-mexxejja tal-UE jitolbu viżjoni diġitali "ambizzjuża"

    Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza globali ta' viżjoni diġitali ambizzjuża għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa. Fid-dawl tas-Summit Diġitali ta' Tallinn tad-29 ta' Settembru, il-mexxejja tal-UE appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija għal suq uniku diġitali:

    "Jenħtieġ approċċ olistiku għal dak li hu diġitali biex jiġu ffaċċati l-isfidi tar-raba' rivoluzzjoni industrijali u jintużaw l-opportunitajiet li jirriżultaw minnha."

    Il-mexxejja tal-UE laqgħu wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel rieżami tal-istrateġija taċ-ċibersigurtà u li tipproponi azzjoni ulterjuri qabel tmiem is-sena.

  • 2017

    21 ta' Ġunju

    Ir-riforma tal-kooperazzjoni madwar l-UE rigward il-ħarsien tal-konsumatur

    Il-presidenza Maltija laħqet qbil preliminari mal-Parlament Ewropew sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE dwar l-infurzar tal-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumatur.

    It-temi ewlenin involuti:

    • il-ġlieda kontra l-ksur transfruntier - ir-reviżjoni tal-kooperazzjoni attwali għall-ħarsien tal-konsumatur ser tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali
    • il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku - l-awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar għandhom iżidu l-armonizzazzjoni u jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva
    • l-immodernizzar tal-ħarsien tal-konsumatur - il-proposta relatata tal-Kummissjoni ta' Mejju 2016 inkludiet riforma tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti.
    Il-fiduċja fil-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini u l-kumpaniji hija kondizzjoni essenzjali biex is-suq uniku diġitali jsir aktar attraenti u dinamiku. Il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi ser ikun ippreservat aħjar. Chris Cardona, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ta' Malta
  • 2017

    14 ta' Ġunju

    It-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE: storja ta' suċċess

    Mill-15 ta' Ġunju 2017, it-tariffi tar-roaming ma baqgħux japplikaw fl-Unjoni Ewropea. Din il-kisba ġiet deskritta bħala ''tassew storja Ewropea ta' suċċess'' f'dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

    Minn issa 'l quddiem, iċ-ċittadini li jivvjaġġaw fl-UE ser ikunu jistgħu jċemplu, jibagħtu test u jagħmlu kuntatt permezz tal-apparat mobbli tagħhom bl-istess prezz li jħallsu f'pajjiżhom. It-tneħħija tat-tariffi tar-roaming hija waħda mill-akbar u mill-aktar suċċessi tanġibbli tal-UE. It-tmiem tat-tariffi tar-roaming huwa fil-qofol tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u huwa pass ieħor lejn il-bini ta' soċjetà diġitali Ewropea magħquda u sostenibbli, li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tagħna. Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta' Malta f'isem il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea
  • 2017

    29 ta' Mejju

    Wifi4EU: Internet mingħajr ħlas f'postijiet pubbliċi

    Il-Presidenza Maltija laħqet qbil mal-Parlament Ewropew dwar skema sponsorjata mill-UE, "WiFi4EU", biex tippromwovi internet mingħajr ħlas fl-uffiċċji muniċipali, sptarijiet, ġonna pubbliċi u f'postijiet pubbliċi oħra.

    Skont l-iskema, muniċipalitajiet, libreriji, sptarijiet u korpi pubbliċi oħrajn ser ikunu jistgħu japplikaw għal finanzjament għall-installazzjoni ta’ punti ta' aċċess lokali bla fili permezz ta’ proċeduri amministrattivi sempliċi. Ser jiġu pprovduti għodod ta' finanzjament sempliċi, bħal kupuni, biex ikopru sa 100% tal-ispejjeż eliġibbli. Il-korp pubbliku nnifsu ser ikun responsabbli għaż-żamma tal-konnessjoni għal mhux inqas minn tliet snin.

    L-objettiv huwa li jintlaħaq qbil dwar il-baġit tal-iskema, u li l-ħidma teknika tiġi ffinalizzata fil-ħin sabiex l-iskema tkun daħlet fis-seħħ sa tmiem l-2017.

    WiFi4EU ser jagħmel l-internet b'veloċità għolja disponibbli għal ħafna ċittadini li mingħajr l-iskema jista' ma jkollhomx l-opportunità li jesperjenzaw konnettività ta' kwalità għolja. Emmanuel Mallia, il-Ministru Malti għall-Kompetittività u l-Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi
  • 2016

    28 ta' Novembru

    Imblukkar ġeografiku: il-Kunsill ser ineħħi l-ostakli għall-kummerċ-e

    Il-Kunsill Kompetittività qabel dwar abbozz ta' regolament biex jiġi pprojbit l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat bejn l-istati membri. L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi jew il-kumpaniji fir-rigward tal-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kondizzjonijiet ta' pagament meta jinxtraw prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE.

    Ladarba l-Parlament Ewropew jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu, ser jibdew negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni.

  • 2016

    28 ta' Ġunju

    Il-mexxejja tal-UE appellaw għal suq uniku diġitali "aktar approfondit"

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew appellaw lill-ministri biex jirrapportaw kull sena dwar il-progress fl-approfondiment tas-suq uniku, inkluż l-aġenda diġitali tiegħu, minn Ġunju 2017 'il quddiem.

    Ir-rieżami ta' monitoraġġ li jmiss mill-mexxejja tal-UE huwa skedat għas-summit tal-UE f'Ġunju 2018.

  • 2016

    24 ta' Mejju

    Riforma tal-protezzjoni tad-data

    Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data daħal fis-seħħ u ser japplika mill-25 ta' Mejju 2018. Ir-regolament il-ġdid jipprovdi bażi legali speċifika għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxuta fit-Trattat tal-2009 ta' Lisbona bħala dritt fundamentali skont il-liġi tal-UE.

    Ir-riforma tal-protezzjoni tad-data twieġeb għall-iżviluppi teknoloġiċi rapidi fil-fluss u l-kondiviżjoni tad-data billi tistabbilixxi d-drittijiet, l-obbligi u r-regoli ta' konformità għal individwi u entitajiet involuti fl-ipproċessar ta' data.

    Fil-5 ta' Mejju 2016, daħlet fis-seħħ ukoll id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data personali proċessata għall-iskop tal-infurzar tal-liġi kriminali. L-istati membri għandhom sas-6 ta' Mejju 2018 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali.

    Din id-direttiva twieġeb ħtieġa dejjem tikber li l-awtoritajiet fl-istati membri jipproċessaw u jiskambjaw data bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali u t-terroriżmu. Għaldaqstant għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-individwi filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà pubblika.

    Dawn il-bidliet qed isiru bil-ħsieb li jiġu aġġornati r-regoli tad-direttiva tal-1995 dwar il-protezzjoni tad-data u d-deċiżjoni qafas tal-2008 dwar il-protezzjoni tad-data fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija.

  • 2015

    25 ta' Ġunju

    Il-mexxejja tal-UE: Is-suq uniku diġitali jista' jsostni t-tkabbir inklużiv

    Il-mexxejja tal-UE wrew l-appoġġ tagħhom għall-istrateġija għal suq uniku diġitali u qalu li għandha tintuża biex jiġi promoss tkabbir inklużiv f'kull reġjun tal-UE. Huma ħeġġew li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq, tinbena l-infrastruttura diġitali meħtieġa u tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea.

    Il-mexxejja tal-UE appellaw ukoll għal adozzjoni rapida ta' regoli ġodda dwar it-telekomunikazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.

  • 2015

    11 ta' Ġunju

    Il-ministri għat-telekomunikazzjoni appoġġaw l-ekonomija diġitali

    Il-ministri għat-telekomunikazzjoni ddiskutew l-istrateġija għas-suq uniku diġitali f'laqgħa tal-Kunsill TTE fil-11 u t-12 ta' Ġunju 2015. Huma laqgħu l-objettivi tagħha u tennew l-importanza ta' ekonomija diġitalizzata li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u li ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

    Il-kwistjonijiet enfasizzati mill-ministri inkludew:

    • ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni biex tistimula l-intraprenditorija u t-tkabbir tal-SMEs
    • il-ħtieġa li tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u li tinbena l-fiduċja fis-servizzi elettroniċi
    • il-ħtieġa ta' infrastruttura aħjar u ta' titjib fl-aċċess għall-broadband għaċ-ċittadini kollha
    • il-ħtieġa li l-prezzijiet għall-konsenji tal-pakketti jsiru aktar trasparenti fl-UE kollha

    Il-ministri ssottolinjaw ukoll li għandu jkun hemm koordinazzjoni tajba fil-livell nazzjonali biex ikun żgurat li l-istrateġija tiġi implimentata b'mod effettiv.

  • 2015

    28 ta' Mejju

    Il-prijoritajiet għas-suq uniku diġitali

    Il-ministri għall-kompetittività ssottolinjaw l-importanza ta' għadd ta' inizjattivi fl-ambitu tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Huma enfasizzaw ir-regoli adatti għall-ħtieġa tad-drittijiet tal-awtur, l-aġġornament tar-regoli tal-kummerċ elettroniku, u t-tisħiħ tal-fiduċja, l-għarfien u l-protezzjoni tal-konsumatur.

    Il-ministri saħqu wkoll dwar il-bżonn ta' azzjoni biex jissaħħu l-ħiliet diġitali u r-regoli tal-protezzjoni tad-data.

    Huma identifikaw sensiela ta' prijoritajiet:

    • li jinħolqu l-kondizzjonijiet adatti għan-negozji żgħar u ta' daqs medju, speċjalment in-negozji l-ġodda
    • li tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
    • li tiġi applikata u estiża l-governanza elettronika fl-amministrazzjoni pubblika
    • li jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura u n-netwerks diġitali
    • li jiġi vvalutat l-impatt tar-regoli fiskali fuq l-għodod diġitali
    • li jiġi kkunsidrat li kull leġislazzjoni ġdida tal-UE tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' 'awtomatikament diġitali'.
  • 2015

    18 ta' Mejju

    Suq uniku diġitali għall-Ewropa: aspetti awdjoviżivi

    Il-ministri għall-kultura ddiskutew l-aspetti awdjoviżivi tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Huma appoġġaw il-portabbiltà transfruntiera tal-kontenut, il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ adatt dwar id-drittijiet tal-awtur.

    Il-ministri qablu li d-direttiva attwali dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tiġi adattata għall-bidliet teknoloġiċi. Dan ir-rieżami għandu:

    • jiggarantixxi l-libertà tal-media u l-promozzjoni tad-diversità kulturali
    • iżomm il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (kull fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat membru wieħed biss)
    • jissimplifika l-proċedura li jsegwu l-istati membri meta jkunu l-mira ta' kontenut mhux aċċettabbli li jkun ġej minn stat membru ieħor.