Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-baġit fit-tul 2021-2027 tal-UE
Il-baġit fit-tul tal-UE huwa msaħħaħ b'€64.6 biljun addizzjonali biex jiġi kopert il-finanzjament għal prijoritajiet bħall-appoġġ għall-Ukrajna, it-teknoloġiji strateġiċi u l-migrazzjoni. Il-finanzjament ġej minn taħlita ta' fondi eżistenti u ġodda.
Għaliex ser issir reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE?
Wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill adotta l-baġit fit-tul attwali tal-UE, jew il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027 f'Diċembru 2020. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UE ffaċċat sfidi bla preċedent u mhux mistennija, mill-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna sa aċċellerazzjoni fl-inflazzjoni u fir-rati tal-imgħax u l-isfidi relatati mal-migrazzjoni. Dan poġġa l-baġit tal-UE taħt pressjoni.
Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ssaħħaħ il-baġit tal-UE f'għadd limitat ta' oqsma ta' prijorità. Dan jinkludi:
- il-ħolqien ta' Faċilità għall-Ukrajna
- it-twaqqif tal-pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa (STEP)
- mekkaniżmu biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali għall-finanzjament tal-istrument għall-irkupru Next Generation EU, li jirriżultaw minn rati tal-imgħax ogħla
- finanzjament addizzjonali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u s-sħubijiet internazzjonali
- it-tisħiħ ta' xi strumenti speċjali
Finanzjament għal prijoritajiet ġodda
Permezz ta' taħlita ta' fondi ġodda u eżistenti, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu żżid €64.6 biljun mal-baġit fit-tul tal-UE.
Il-finanzjament addizzjonali jkopri l-appoġġ għall-Ukrajna, il-migrazzjoni u d-dimensjoni esterna, il-pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa (STEP) u strumenti speċjali. Ser jitqassam kif ġej:
- €50 biljun għall-Faċilità għall-Ukrajna (€17-il biljun f'għotjiet u €33 biljun f'self)
- €2 biljun għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri
- €7.6 biljun għall-viċinat u d-dinja
- €1.5 biljun għall-Fond Ewropew għad-Difiża taħt l-istrument il-ġdid, STEP
- €2 biljun għall-istrument ta' flessibbiltà
- €1.5 biljun għar-riżerva ta' solidarjetà u għajnuna ta' emerġenza
Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tibni fuq proposta tal-Kummissjoni minn Ġunju 2023. Il-mexxejja tal-UE approvaw il-finanzjament addizzjonali f'laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fl-1 ta' Frar 2024. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu, inkluż il-Faċilità għall-Ukrajna u STEP, fis-7 ta' Frar 2024.
Fit-28 ta' Frar, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-baġit fit-tul tal-UE. It-tisħiħ tal-baġit japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2024.
- Baġit fit-tul tal-UE 2021-2027: il-Kunsill jikkonkludi r-reviżjoni ta' nofs it-terminu (stqarrija għall-istampa, 28 ta' Frar 2024)
- Spjegazzjoni tan-negozjati dwar il-baġit fit-tul (informazzjoni ġenerali)
- Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-baġit tal-UE fit-tul biex tiffaċċa l-iktar sfidi urġenti (stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea, 20 ta' Ġunju 2023)
Faċilità għall-Ukrajna
Il-Faċilità għall-Ukrajna hija strument ġdid tal-UE biex il-pajjiż jiġi megħjun fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tiegħu fit-triq tiegħu lejn l-UE.
Din ser tiġbor l-appoġġ bilaterali tal-UE fi strument wieħed u tagħti appoġġ finanzjarju matul il-perjodu 2024-2027, abbażi ta' għotjiet, self u garanziji.
Il-faċilità għandha l-għan li tipprovdi prevedibbiltà, trasparenza u responsabbiltà, u għaldaqstant tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-finanzi tal-Ukrajna u tipproteġi l-baġit tal-UE.
Mit-total ta' €50 biljun disponibbli, €33 biljun huma f'self, u €17-il biljun huma f'għotjiet (taħt strument tematiku ġdid, magħruf bħala r-Riżerva għall-Ukrajna).
Fis-6 ta' Frar 2024, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta biex titwaqqaf il-Faċilità għall-Ukrajna.
Il-Kunsill adotta l-att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna fit-28 ta' Frar 2024. Dan jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa
Biex l-UE ssir aktar kompetittiva fil-qasam tat-teknoloġiji kritiċi, ser titwaqqaf il-pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa (STEP). Dawn it-teknoloġiji emerġenti, bħat-teknoloġija diġitali u profonda, it-teknoloġija nadifa u l-bijoteknoloġija, huma importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u jikkontribwixxu għas-sovranità strateġika tal-UE.
Biex tiffinanzja l-prijoritajiet relatati ma' STEP, il-pjattaforma ser tagħmel użu mill-finanzjament eżistenti, inkluż minn:
- fondi tal-politika ta' koeżjoni
- InvestEU
- Orizzont Ewropa
- il-Fond Ewropew għad-Difiża
- il-Fond għall-Innovazzjoni
- il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Taħt STEP, finanzjament addizzjonali ta' €1.5 biljun ser imur għall-Fond Ewropew għad-Difiża, biex tingħata spinta lill-kapaċità ta' investiment fid-difiża.
STEP ser jintroduċi wkoll tikketta ta' kwalità ġdida għal proġetti ta' sovranità, imsejħa s-siġill tas-sovranità, li ser tgħin biex jiġi aċċessat il-finanzjament tal-UE u jiġu attirati investimenti oħra. Biex tinstab l-informazzjoni kollha dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament għal proġetti relatati ma' STEP, ser jitwaqqaf portal ta' sovranità.
Sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjattaforma u tippreżenta rapport biex tgħin fit-tħejjija ta' modi ġodda biex jiġu appoġġati s-sovranità u l-kompetittività f'setturi strateġiċi.
Fis-7 ta' Frar 2024, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar STEP. Il-Kunsill adotta l-att leġiżlattiv li jistabbilixxi STEP fit-28 ta' Frar 2024. Dan jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
- Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa: ftehim proviżorju biex tingħata spinta lill-investimenti f'teknoloġiji kritiċi (stqarrija għall-istampa, 7 ta' Frar 2024)
- Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Kummissjoni Ewropea)
- Orizzont Ewropa (informazzjoni ġenerali)
- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (informazzjoni ġenerali)
Il-migrazzjoni u d-dimensjoni esterna
Biex jiġu appoġġati l-istati membri u jiġu indirizzati l-isfidi urġenti relatati mal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, il-baġit tal-UE ser jissaħħaħ b'€2 biljun.
Fil-kuntest ta' tensjonijiet ġeopolitiċi straordinarji, il-finanzjament ta' €7.6 biljun ser jgħin biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet relatati mal-viċinat tal-UE u d-dinja. Il-finanzjament għandu jgħin biex:
- tinżamm kooperazzjoni effettiva dwar il-migrazzjoni barra mill-UE
- jingħata appoġġ lir-refuġjati Sirjani fit-Turkija u fir-reġjun usa'
- jingħata appoġġ lill-Balkani tal-Punent, il-viċinat tan-Nofsinhar u l-Afrika
- jiġi żgurat biżżejjed finanzjament għall-istrument tal-UE ta' viċinat, ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' kooperazzjoni internazzjonali (NDICI)
Pagamenti tal-imgħax ta' Next Generation EU
Biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali u jiġi ssodisfat l-obbligu legali tal-UE relatat mal-pagamenti tal-imgħax ta' Next Generation EU (NGEU), ser jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kaskata. Dan jinkludi l-mobilizzazzjoni ta' strument ġdid u eċċezzjonali jekk il-finanzjament għall-pagamenti tal-imgħax ma jkunx jista' jinstab fil-baġit eżistenti tal-UE.
Bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, il-Kunsill ser jivvaluta jekk is-soluzzjonijiet ta' finanzjament għall-pagamenti tal-imgħax ta' NGEU, inkluż l-istrument il-ġdid u l-applikazzjoni ta' garanzija ta' kontinġenza, humiex xierqa, qabel ma jadotta l-pożizzjoni tiegħu.
Strumenti speċjali
Biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħal diżastri naturali u kriżijiet umanitarji fl-UE u madwar id-dinja, il-finanzjament ser jiżdied b'€1.5 biljun. Dan il-finanzjament ser jinqasam f'żewġ strumenti separati:
- €1 016 miljun fis-sena għar-riżerva ta' solidarjetà Ewropea, bħala rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-Ewropa
- €508 miljun fis-sena għar-riżerva ta' għajnuna f'emerġenza għal reazzjonijiet rapidi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta' emerġenza fl-UE u madwar id-dinja
L-ammonti annwali li ma jintużaw fl-ebda wieħed mill-istrumenti jistgħu jsiru disponibbli għall-istrument ta' flessibbiltà s-sena ta' wara.
L-istrument ta' flessibbiltà ser jissaħħaħ b'€2 biljun. Dan l-istrument jista' jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet li ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta' sorsi baġitarji oħra. Parti mill-allokazzjoni annwali għall-istrument ta' flessibbiltà ser tikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta' finanzjament għall-pagamenti tal-imgħax ta' NGEU.
Baġits nazzjonali
Biex jitnaqqas l-impatt fuq il-baġits nazzjonali, €10.6 biljun mill-finanzjament eżistenti tal-UE ser jitqassmu mill-ġdid biex jgħinu fil-finanzjament tal-prijoritajiet identifikati fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu. Dan l-ammont ser jitqassam mill-ġdid mill-programmi u l-istrumenti eżistenti, inkluż:
- l-istrument ta' viċinat, ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' kooperazzjoni internazzjonali (NDICI)
- l-istrument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni (IPA)
- Orizzont Ewropa
- ir-riżerva ta' aġġustament għall-Brexit
- il-fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni
- il-PAK u l-fondi ta' koeżjoni
- il-programm EU4Health
Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
Biex tgħin fl-appoġġ lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fit-triq tagħhom lejn l-UE, u biex tħeġġeġ konverġenza soċjoekonomika aktar rapida mal-UE, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ġdid ta' tkabbir għall-Balkani tal-Punent fit-8 ta' Novembru 2023.
Fiċ-ċentru tal-pjan hemm il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, strument finanzjarju ġdid li ser jipprovdi €6 biljun matul il-perjodu 2024-2027. Mill-ammont totali, €2 biljun ser ikunu f'għotjiet u €4 biljun f'self.
Biex tiġi ffinanzjata l-faċilità, ġew allokati €2 biljun f'appoġġ addizzjonali lill-Balkani tal-Punent bħala parti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027.
Fis-7 ta' Mejju 2024, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-istabbiliment tal-faċilità. Biex jirċievu appoġġ finanzjarju, is-sħab tal-Balkani tal-Punent iridu jfasslu aġenda ta' riforma li tiddeskrivi r-riformi li qed jippjanaw li jwettqu biex jilħqu l-objettivi tal-faċilità.
L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Mejju 2024