Is-Semestru Ewropew fl-2017
-
1 ta' Jannar Din il-paġna fiha kronoloġija u dokumenti relatati mas-Semestru Ewropew fl-2017, f’ordni kronoloġiku invers.
-
2017
-
11 ta' Lulju Il-Kunsill jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017
Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017 fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2017. Dan kien l-istadju finali tas-Semestru Ewropew 2017.
-
23 ta' Ġunju Il-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017
Il-Kunsill Ewropew approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017, wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju.
Ir-rakkomandazzjonijiet ser ikunu adottati formalment mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Hu mistenni mill-istati membri li dawn jieħdu kont tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali u l-pjanijiet tagħhom għas-sena d-dieħla.
-
14 ta' Ġunju Il-Kunsill japprova rakkomandazzjonijiet għall-istati membri tal-UE
Fis-16 ta’ Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji approva 27 rakkomandazzjoni għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi ta’ kull stat membru tal-UE (il-Greċja qed timplimenta programm ta’ aġġustament ekonomiku u għalhekk mhix soġġetta għal sorveljanza skont is-Semestru Ewropew).
Ir-rakkomandazzjonijiet ikopru l-programmi nazzjonali ta’ riforma, li kull pajjiż ħejja aktar kmieni din is-sena, u l-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-programmi ta’ stabbiltà mħejjija mill-istati membri taż-żona tal-euro u l-programmi ta’ konverġenza mħejjija minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. Fejn rilevanti, fihom ukoll rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku.
Il-Kunsill ma jaqbilx mal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta' għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn id-differenzi huma spjegati fl-hekk imsejħa nota “kkonforma jew spjega”.
Ir-rakkomandazzjonijiet approvati għandhom jintbagħtu lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali għall-approvazzjoni fl-20 ta’ Ġunju, u sussegwentement ser jitressqu għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew fit-22-23 ta’ Ġunju.
- Spjegazzjonijiet tal-modifiki għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, Ġunju 2017
- Awstrija: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Belġju: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Bulgarija: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Kroazja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Ċipru: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Repubblika Ċeka: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Danimarka: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Estonja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Finlandja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Franza: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Ġermanja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Ungerija: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Irlanda: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Italja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Latvja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Litwanja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Lussemburgu: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Malta: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Netherlands: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Polonja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Portugall: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Rumanija: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Slovakkja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Slovenja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Spanja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Żvezja: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
- Renju Unit: rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-2017
-
22 ta' Mejju Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-analiżijiet dettaljati fl-2017, u janalizza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-2016
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-riżultati tal-analiżijiet dettaljati tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-konklużjonijiet fihom ukoll analiżi tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mill-2016.
Din is-sena l-analiżijiet dettaljati saru fi 13-il pajjiż tal-UE. L-għan kien li jiġi ddeterminat jekk jeżistux l-iżbilanċi makroekonomiċi potenzjali identifikati minn sett ta' indikaturi fi tmiem l-2016, u jekk jeżistu, x'tip huma.
Is-sejbiet ewlenin tal-analiżijiet tal-2017:
- Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, l-Italja u l-Portugall qed jesperjenzaw żbilanċi ekonomiċi eċċessivi
- Il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja qed jesperjenzaw żbilanċi ekonomiċi li mhumiex ikkunsidrati bħala eċċessivi
- Il-Finlandja mhijiex qed tesperjenza żbilanċi ekonomiċi
Fi 12-il Stat Membru, fejn ġew identifikati żbilanċi makroekonomiċi, ser jitwettaq monitoraġġ speċifiku.
Il-Greċja mhijiex inkluża f'dawn l-analiżijiet, għaliex bħalissa qed timplimenta programm ta' aġġustament makroekonomiku, li jiġi mmonitorjat taħt arranġament differenti.
-
22 ta' Mejju Il-Kummissjoni Ewropea toħroġ abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2017
Il-Kummissjoni Ewropea ppublikat il-proposti għal abbozz ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal kull stat membru tal-UE għall-2017.
Wara li r-rakkomandazzjonijiet proposti jkunu ġew diskussi u adottati mill-Kunsill, l-istati membri ser ikunu mistennija jirriflettuhom fil-politika nazzjonali tagħhom fit-12-il xahar li ġejjin.
Minkejja li r-rakkomandazzjonijiet huma differenti għal kull pajjiż, l-isfidi l-aktar komuni identifikati mill-Kummissjoni huma marbuta mat-tkabbir kajman, l-inugwaljanzi fil-pajjiżi tal-UE u bejniethom, u l-inċertezza, li hi prinċipalment dovuta għal fatturi esterni. -
21 ta' Marzu Il-Kunsill jiddiskuti r-rapporti tal-pajjiżi, jadotta r-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro
Il-Kunsill iddiskuta r-rapporti tal-pajjiżi u kif l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tista’ titjieb. Id-diskussjoni ffukat fuq miżuri għat-titjib tal-ambjent tan-negozju.
Il-Kunsill adotta wkoll ir-rakkomandazzjoni dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro għall-2017. -
9 ta' Marzu Il-Kunsill Ewropew japprova l-prijoritajiet ta' politika għall-2017
Il-Kunsill Ewropew (il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-istati membri tal-UE) approva l-prijoritajiet ta' politika għall-2017, kif jinsabu fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, u l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017.
Il-Kunsill Ewropew stieden lill-istati membri biex jirriflettu dawn il-prijoritajiet fil-politiki nazzjonali tagħhom, speċifikament fil-programmi nazzjonali ta' riforma u l-programmi ta' stabbiltà jew konverġenza tagħhom għall-2017, li huma mistennija skont ir-regoli tas-Semestru Ewropew.
-
7 ta' Marzu Il-Kunsill jiddiskuti r-rapport ta’ sinteżi tas-Semestru Ewropew 2017
Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali eżamina rapport ta’ sinteżi, li jiġbor fil-qosor il-kontributi għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew 2017 minn konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill
Il-Kunsill qabel ukoll li jibgħat ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro lill-Kunsill Ewropew għall-approvazzjoni.
-
22 ta' Frar Analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika u l-iżbilanċi makroekonomiċi: rapporti tal-pajjiżi
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat 27 rapport tal-pajjiżi (l-ekonomija tal-Greċja hija evalwata b’mod separat, fil-kuntest tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku attwali tagħha), li janalizzaw il-qagħda ekonomika ta’ kull pajjiż. Ir-rapporti tal-pajjiżi ta’ 13-il stat membru fihom ukoll konklużjonijiet minn rieżamijiet fil-fond tal-iżbilanċi makroekonomiċi.
Ir-rapporti tal-pajjiżi janalizzaw il-progress li sar minn kull stat membru fl-implimentazzjoni tar-riformi li ġew rakkomandati lilhom mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tas-sena li għaddiet (fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa f’Lulju).
Ir-rapporti għal 13 mill-pajjiżi fihom ukoll ir-riżultati ta’ rieżamijiet fil-fond tas-sitwazzjoni makroekonomika tagħhom u analiżi tal-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati s-sena li għaddiet.
Il-konklużjonijiet mir-rieżamijiet fil-fond tat-13-il stat membru eżaminat din is-sena juru li:- Il-Finlandja fil-preżent mhijiex qed tesperjenza żbilanċi fis-sens tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP)
- Il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja qegħdin jesperjenzaw żbilanċi ekonomiċi
- Il-Bulgarija, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Portugall u Ċipru qegħdin jesperjenzaw żbilanċi ekonomiċi eċċessivi
Il-Kunsill ser janalizza r-rapporti u joħroġ il-konklużjonijiet tiegħu. Dawn, min-naħa tagħhom, huma mistennija li jiġu riflessi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tal-istati membri għall-2017.
-
27 ta' Jannar Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar it-tbassir tat-tkabbir u l-iżbilanċi makroekonomiċi
Fis-27 ta’ Jannar, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta konklużjonijiet dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2017 u dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija.
Approva wkoll abbozz ta’ rakkomandazzjoni għall-politika ekonomika taż-żona tal-euro. L-abbozz ta’ rakkomandazzjoni ser jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew għall-konsiderazzjoni tiegħu u ser jiġi adottat mill-Kunsill f’Marzu.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, 27 ta' Jannar 2017
- Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, 27 ta' Jannar 2017
- Rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017
-
2016
-
16 ta' Novembru Il-Kunsill jirċievi d-dokumenti għas-Semestru Ewropew 2017
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-dokumenti mill-"Pakkett tal-ħarifa" rigward is-Semestru Ewropew fl-2017.
Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2017
L-istħarriġ jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali li l-UE kollha kemm hi u l-istati membri tagħha jeħtieġ jiffukaw fuqhom fl-2017.
L-istħarriġ jikkonkludi li t-tkabbir ekonomiku fl-UE kien moderat fl-2016 u jbassar li dan ser ikompli fis-snin li ġejjin. L-UE rat żieda fil-ħolqien tax-xogħol (8 miljun impjieg ġdid inħolqu mill-2013 'l hawn), bir-rata tal-qgħad tonqos għal 8.6% f'Settembru 2016. L-investiment totali baqa' jikber f'dawn l-aħħar snin, waqt li d-defiċits pubbliċi naqsu għal madwar 2% fl-2016 u d-dejn pubbliku mistenni jonqos bi ftit fl-2017-2018.
Fost il-problemi li jeħtieġ jingħataw attenzjoni, l-istħarriġ jelenka l-livelli għolja tad-dejn, ir-riformi strutturali mhux lesti, it-tixjiħ, il-livelli għolja ta' inugwaljanza u r-rati għolja tal-qgħad f'xi stati membri.
L-istħarriġ jipproponi li fl-2017 l-istati membri tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom fuq il-prijoritajiet li ġejjin:
- li tingħata spinta ġdida lill-investiment
- li jsiru riformi strutturali
- li tiġi żgurata politika fiskali pubblika responsabbli
Qed issir enfasi wkoll fuq l-importanza li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali bħala mod biex jiġi stimulat aktar tkabbir inklużiv, u fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-produttività.
Rapport konġunt dwar l-impjiegi
Ir-Rapport konġunt dwar l-impjiegi jikkonkludi li l-impjiegi u s-sitwazzjoni soċjali fl-UE qed jitjiebu f'kuntest ta' rkupru ekonomiku moderat.
Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tas-suq tax-xogħol urew titjib fl-2016. Ir-rata tal-qgħad baqgħet tonqos u f'Settembru 2016 kienet taħt id-9% (10% fiż-żona tal-euro). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul ukoll komplew jonqsu, għalkemm għadhom għolja f'diversi stati membri.
Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 2017
Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija jibda l-proċedura annwali tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-għan tiegħu huwa li jidentifika u, jekk meħtieġ, jindirizza l-iżbilanċi li jistgħu jxekklu l-funzjonament tajjeb tal-ekonomija tal-UE.
Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha twettaq reviżjonijiet approfonditi fi 13-il stat membru: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja. L-għan huwa li tivvaluta jekk dawn il-pajjiżi jkunux qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi.
Il-Greċja mhix parti mill-eżerċizzju tal-2017, billi l-politiki ekonomiċi tagħha qed jiġu vvalutati fil-kuntest tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku attwali tagħha.
Abbozz ta' rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2017
L-abbozz ta' rakkomandazzjoni għall-2017, fost miżuri oħra, jipproponi li ż-żona tal-euro għandha tikseb pożizzjoni fiskali pożittiva, timplimenta politiki li jappoġġaw it-tkabbir u taqbel dwar skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti.