PAK: L-iżvilupp rurali wara l-2013
X'inhuma l-bidliet għall-politika tal-iżvilupp rurali?
Il-politika tal-iżvilupp rurali ġiet ristrutturata biex issir aktar effettiva. Rabtiet aktar mill-qrib mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE ser jippermettu li fondi tal-UE minn diversi sorsi, kofinanzjati mill-istati membri, jappoġġaw firxa wiesgħa ta' proġetti innovattivi li jvarjaw mill-farms konġunti tal-agrikoltura u l-akkwakultura għall-estensjoni tal-infrastruttura tal-broadband.
Fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali, l-istati membri ser ikomplu jfasslu l-programmi tagħhom stess skont il-ħtiġijiet taż-żoni rurali tagħhom.
Ser ikollhom saħansitra aktar flessibbiltà, peress li s-sistema attwali ser tiġi sostitwita minn sett ta' prijoritajiet, inkluż l-innovazzjoni. Din il-prijorità ser tiġi appoġġata b'miżuri bħal:
- it-trasferiment tal-għarfien, il-kooperazzjoni u l-investimenti f'assi fiżiċi
- l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-produttività u l-iżvilupp reżiljenti favur il-klima u b'emissjonijiet baxxi fl-agrikoltura u l-forestrija
- il-kooperazzjoni bejn l-agrikoltura u r-riċerka sabiex jitħaffef it-trasferiment tat-teknoloġija lill-bdiewa.
Dawn il-miżuri jorbtu l-PAK mal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi - l-istrateġija Ewropa 2020 - bil-konċentrazzjoni tagħha fuq it-taħriġ, l-innovazzjoni u r-riċerka.
Issaħħew il-miżuri marbutin mal-ambjent u l-klima. L-implimentazzjoni tibqa' obbligatorja, u mill-anqas 30% tal-baġit totali għall-iżvilupp rurali jrid ikun riżervat għal miżuri ambjentali u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, inkluż fis-settur tal-agrikoltura kif ukoll f'dak tal-forestrija.
Ġie eskluż il-finanzjament doppju għall-ekoloġizzazzjoni taħt iż-żewġ pilastri, biex b'hekk ikun żgurat li l-bdiewa ma jitħallsux darbtejn għall-istess attività.
Iż-żoni b'restrizzjonijiet naturali ser jiġu definiti mill-ġdid abbażi ta' 8 kriterji bijofiżiċi, biex tinħoloq sistema uniformi u oġġettiva fl-UE kollha.
Ir-rata tal-kontribuzzjoni tal-fondi ġiet aġġustata biex jitqiesu s-sitwazzjonijiet finanzjarji differenti fost ir-reġjuni. Ir-riforma tipprevedi rati ta' konfinazjament ogħla għal reġjuni anqas żviluppati.