"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Turkija

It-Turkija kisbet l-istatus ta' kandidat tal-UE f'Diċembru 1999. L-UE u t-Turkija bdew in-negozjati għall-adeżjoni f'Ottubru 2005, iżda wara r-rigress tat-Turkija fil-qasam tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, in-negozjati bejn l-UE u t-Turkija dwar l-adeżjoni ilhom wieqfa għal kollox minn Ġunju 2018.

Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE

Fl-1987, it-Turkija applikat biex tingħaqad mal-Komunità Ekonomika Ewropea, kif kienet tissejjaħ dan iż-żmien.

Fil-laqgħa tiegħu f'Ħelsinki f'Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' kandidat lit-Turkija.

Negozjati tal-adeżjoni

Fil-laqgħa tiegħu fis-16 u s-17 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li t-Turkija ssodisfat b'mod suffiċjenti l-kriterji biex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni.

Il-Kunsill qabel dwar qafas għan-negozjati mat-Turkija fit-3 ta' Ottubru 2005. Fl-istess jum, tnedew in-negozjati f'konferenza intergovernattiva bejn l-UE u t-Turkija.

Fi Frar 2008, il-Kunsill adotta verżjoni riveduta tas-sħubija għall-adeżjoni mat-Turkija. Din tagħti bażi biex tgħin lit-Turkija tħejji għas-sħubija eventwali mal-UE billi tiddeskrivi l-oqsma ta' prijorità ewlenin u sservi ta' kejl tal-progress fir-riformi.

F'Ġunju 2018, il-Kunsill innota għall-ewwel darba li t-Turkija kienet qed titbiegħed mill-UE u li għaldaqstant in-negozjati għall-adeżjoni tat-Turkija kienu effettivament wieqfa għal kollox u ma jista' jitqies ebda kapitolu ieħor għall-ftuħ jew għall-għeluq.

Laqgħat tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni

In-negozjati tal-adeżjoni jsiru f'konferenzi intergovernattivi (imsejħa wkoll "konferenzi dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jkopru l-korp ta' drittijiet u liġi komuni (l-"acquis tal-UE") u huma maqsuma f'kapitoli differenti, jew raggruppamenti ta' kapitoli, li jkopru oqsma ta' politika differenti. Il-konferenzi dwar l-adeżjoni jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew tad-deputati.

Qabel il-waqfien li hemm bħalissa fin-negozjati għall-adeżjoni, l-UE u t-Turkija kellhom 12-il laqgħa bħal dawn. Fl-aħħar laqgħa, li saret fit-30 ta' Ġunju 2016, il-konferenza fetħet negozjati dwar il-kapitolu 33, li jittratta d-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. Fl-2006, il-Kunsill kien ikkonkluda li tmien kapitoli rilevanti għar-restrizzjonijiet tat-Turkija fir-rigward ta' Ċipru ma kinux ser jinfetħu u l-ebda kapitolu ieħor ma kien ser jingħalaq proviżorjament sakemm it-Turkija ma tkunx issodisfat l-impenji tagħha relatati mal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (il-"Ftehim ta' Ankara").

Bħala parti min-negozjati tal-adeżjoni kienu nfetħu 16-il kapitolu u wieħed minnhom kien ingħalaq proviżorjament.

Rieżami annwali tal-progress

Kull sena, il-Kunsill is-soltu jadotta konklużjonijiet dwar it-tkabbir li jevalwaw il-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż it-Turkija, fil-perkors Ewropew tagħhom.

Relazzjonijiet tal-UE mat-Turkija

It-Turkija tibqa' pajjiż kandidat u hija sieħeb ewlieni tal-UE f'ħafna oqsma ta' interess komuni, fosthom il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-saħħa pubblika, il-klima u kwistjonijiet reġjonali. F'Marzu 2021, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-UE hija lesta li tidħol fi djalogu mat-Turkija b'mod gradwali, proporzjonat u riversibbli f'oqsma ta' interess komuni, soġġett għal kundizzjonalitajiet stabbiliti.

L-UE għandha interess strateġiku f'ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran u sikwit appellat lit-Turkija biex tnaqqas it-tensjonijiet fiż-żona, tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati membri kollha tal-UE u tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien b'mod sostenibbli.

L-UE u t-Turkija għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni li jmur lura għall-1963 li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika u r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali. L-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija ilha fis-seħħ sa mill-1995.