Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 29 ta' Ġunju 2015 22:15

Sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni: żvilupp importanti fit-taħditiet mal-PE

Fid-29 ta' Ġunju 2015, il-presidenza Latvjana tal-Kunsill laħqet ftehim mal-Parlament Ewropew dwar il-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz ta' direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (NIS). Imbagħad jeħtieġ li dawn il-prinċipji jinbidlu f'dispożizzjonijiet legali sabiex ikun possibbli ftehim finali dwar id-direttiva fi stadju aktar tard. Il-presidenza ser tippreżenta l-eżitu ta' dan ir-raba' trilogu lill-ambaxxaturi tal-istati membri fil-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tat-30 ta' Ġunju.

"Iż-żieda fl-attakki ċibernetiċi hija waħda mill-ikbar theddidiet li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom, u l-ftehim tal-lum dwar il-pakkett globali huwa pass kbir lejn il-finalizzazzjoni tal-ewwel miżuri li jkopru l-UE kollha għall-ġlieda kontra din it-theddida," qal Raimonds Vējonis, il-Ministru Latvjan għad-Difiża. "Dan jirrifletti wkoll il-prijorità mogħtija lil din il-kwistjoni mill-mexxejja tal-UE, li nhar il-Ġimgħa appellaw għal adozzjoni rapida tad-direttiva."

Ġestjoni tar-riskju ċibernetiku u rapportar ta' inċidenti aktar b'saħħithom madwar l-UE

Ir-regoli l-ġodda ser jirrikjedu operaturi magħżula li jipprovdu servizzi essenzjali (f'oqsma bħall-enerġija u t-trasport) biex jieħdu miżuri għall-ġestjoni tar-riskji għan-netwerks tagħhom u r-rapportar tal-inċidenti lill-awtoritajiet. L-istati membri ser jidentifikaw operaturi essenzjali bħal dawn biex ikunu koperti mid-direttiva, abbażi ta' kriterji ċari imniżżla fit-test. Ser jiġu introdotti dispożizzjonijiet partikolari sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni fl-identifikazzjoni tal-operaturi fost l-istati membri. Madankollu, dawn m'għandhomx idgħajfu l-prerogattivi jew l-interessi tas-sigurtà tal-istati membri.
 

Kien hemm qbil li l-pjattaformi tas-servizzi diġitali jiġu ttrattati b'mod differenti mis-servizzi essenzjali. Id-dettalji ser jiġu diskussi fuq livell tekniku.

L-istati membri ser ikunu meħtieġa jistabbilixxu pjan tal-NIS u jaħtru awtoritajiet kompetenti. Ser jinħoloq grupp ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jindirizza l-kwistjonijiet tal-NIS fuq livell strateġiku u jiggwida l-attivitajiet operattivi. Għal kooperazzjoni operattiva bħal din, ser jiġu stabbiliti Skwadri ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs). Dan ser itejjeb il-kunfidenza u l-fiduċja bejn l-istati membri.

X'benefiċċji huma mistennija mid-direttiva dwar l-NIS?

Il-proposta dwar l-NIS għandha l-għan li tiżgura ambjent diġitali sigur u affidabbli madwar l-UE. Iċ-ċittadini u l-konsumaturi ser ikollhom aktar fiduċja fit-teknoloġiji, is-servizzi u s-sistemi li jiddependu fuqhom minn ġurnata għall-oħra. Din iż-żieda fil-kunfidenza ser tfisser ċiberspazju aktar inklużiv, u ekonomija diġitali li tikber saħansitra aktar malajr, u b'hekk tappoġġa l-irkupru ekonomiku. Il-gvernijiet u n-negozji ser ikunu jistgħu jiddependu aktar fuq netwerks u infrastrutturi diġitali biex jipprovdu s-servizzi essenzjali tagħhom f'pajjiżhom u lil hinn mill-fruntieri. Pjattaformi tal-kummerċ elettroniku aktar siguri jistgħu jwasslu għal aktar klijenti online u joħolqu opportunitajiet ġodda. Il-fornituri tal-prodotti u s-servizzi ta' sigurtà tal-ICT ser jibbenefikaw ukoll, peress li d-domanda għall-prodotti u s-servizzi tagħhom x'aktarx ser tiżdied, li jwassal għal prodotti innovattivi u ekonomiji ta' skala. L-ekonomija tal-UE ser tibbenefika hekk kif is-setturi li jiddependu ħafna fuq l-NIS ser ikunu sostnuti aħjar biex joffru servizz aktar affidabbli.

Kif ser issir liġi?

Il-presidenza ser tinnegozja t-termini tad-direttiva mal-Parlament Ewropew f'isem il-Kunsill. Sabiex jiġi adottat, l-att legali jrid jiġi approvat miż-żewġ istituzzjonijiet. It-taħditiet ser ikomplu taħt il-presidenza li ġejja Lussemburgiża.

 

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024