Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Ġunju 2016 11:50

Navigazzjoni interna: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward sistema uniformi ta’ kwalifiki professjonali

Fis-7 ta' Ġunju 2016 il-Kunsill adotta approċċ ġenerali rigward abbozz ta' direttiva dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna. Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi prospettivi professjonali ġodda u li tippromwovi l-mobbiltà ta' persuni li jaħdmu fis-settur. Hija tistabbilixxi sistema komuni ta' ċertifikati għall-ekwipaġġ kollu, mill-apprendisti sal-boatmasters. Id-detenturi ta' dan iċ-ċertifikat ser ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f'passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa kollha.

Melanie Schultz van Haegen-Maas Geesteranus, il-Ministru Netherlandiża għall Infrastruttura u l-Ambjent u president tal-laqgħa, qalet: "Permezz ta' dan iċ-ċertifikat il-ġdid tal-UE l-membri tal-ekwipaġġ ta' bastimenti ta' passaġġi fuq l-ilma interni jistgħu jaħdmu mingħajr restrizzjoni fl-Ewropa kollha. Il-ġodda jistgħu jiksbu dan iċ-ċertifikat jekk juru li għandhom għarfien u ħiliet estensivi maqbulin fil-livell Ewropew. Dan iżid il-mobbiltà tal-ħaddiema fis-settur u jgħin biex jitnaqqas in-nuqqas ta' persunal kwalifikat."

Sistema unika bbażata fuq il-kompetenza għall-membri kollha tal-ekwipaġġ

Il-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku fis-settur tkopri biss lill-boatmasters - u biss meta dawn joperaw fuq xmajjar u kanali oħra minbarra r-Renu. Il-bqija tal-ekwipaġġ huwa kopert mid-direttiva orizzontali dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali.

L-abbozz ta' direttiva ser jistabbilixxi sistema unika li ser tapplika għall-membri kollha tal-ekwipaġġ li jaħdmu fi kwalunkwe wieħed mill-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE li jaqgħu fl-ambitu tad-direttiva, inkluż ir-Renu.

B'segwitu għal talbiet mis-settur u mill-istati membri, is-sistema l-ġdida ser tintroduċi qafas ibbażat fuq il-kompetenza simili għall-oqfsa użati f’mezzi oħra tat-trasport.

Karrieri aħjar fin-navigazzjoni interna

Is-sistema l-ġdida hi mistennija tnaqqas l-ostakli għad-dħul fil-professjonijiet tan-navigazzjoni interna. Hija ser ittejjeb il-prospettivi professjonali fis-settur, filwaqt li trendi l-professjoni kollha aktar attraenti. Ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ser jagħmilha aktar faċli għall-persuni biex isibu impjiegi kull fejn ikunu disponibbli. Huwa ser jgħin ukoll lill-kumpanniji biex jirreklutaw persunal mill-Ewropa kollha. Billi ħafna mill-kumpanniji li huma attivi fis-settur huma pjuttost żgħar, iż-żjieda tal-interess fis-settur tista' tgħinhom jespandu n-negozji tagħhom, filwaqt li tagħti spinta lis-settur kollu. Il-kwalifiki bbażati fuq il-kompetenza għandhom ukoll itejbu s-sikurezza u jnaqqsu l-ispejjeż tal-inċidenti.

Tisħiħ tar-rwol tas-CESNI

L-abbozz ta' direttiva huwa, bħalma hi d-direttiva dwar rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, marbut mill-qrib mal-kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI), korp internazzjonali stabbilit taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR). Is-CESNI ser jiżviluppa diversi standards fil-qasam tal-kwalifiki professjonali għall-Unjoni u s-CCNR. Hekk kif standard ikun disponibbli, ser tiġi inkluża referenza għalih fid-direttiva.

Jittieħed kont taċ-ċirkostanzi differenti tal-istati membri

L-approċċ ġenerali jintroduċi grad ta' proporzjonalità fid-direttiva, biex jieħu kont tas-sitwazzjoni tal-istati membri li għandhom ftit attività ta' navigazzjoni interna u ta' dawk li m'għandhomx. F'każijiet bħal dawn, fejn jintlaħqu l-kriterji oġġettivi, l-istati membri mhux ser ikunu meħtieġa jittrasponu d-direttiva jew partijiet minnha.

Kif ser issir liġi?

L-approċċ ġenerali adottat illum huwa l-pożizzjoni tal-Kunsill għat-taħditiet mal-Parlament Ewropew. Il-Parlament għadu ma adottax il-pożizzjoni tiegħu. Sabiex it-test ikun jista’ jidħol fis-seħħ, jeħtieġ li ż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu dwar it-test.

Tisħiħ tal-użu tal-passaġġi fuq l-ilma interni

In-navigazzjoni interna hija mezz ta' trasport partikolarment kosteffettiv u jiffavorixxi l-ambjent. L-abbozz ta' direttiva huwa wieħed mill-miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tagħha u jippromwovu l-użu tagħha, b'mod partikolari għat-trasport ta' merkanzija bil-baħar (il-pakkett NAIADES II).

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024