- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 3 ta' Mejju 2017 14:22
Metodoloġija antidumping: il-Kunsill jaqbel dwar pożizzjoni ta' negozjar
Fit-3 ta' Mejju 2017, l-ambaxxaturi tal-UE approvaw il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar metodoloġija ġdida u newtrali mill-pajjiżi għal valutazzjoni tad-distorsjonijiet fis-suq f'pajjiżi terzi. Huma talbu lill-presidenza biex tiftaħ negozjati mal-Parlament Ewropew.
L-objettiv ewlieni huwa li jinstabu u jiġu indirizzati d-distorsjonijiet fis-suq li jirriżultaw minn intervent mill-Istat f'pajjiżi oħra. Il-metodoloġija l-ġdida għall-kalkolu tad-dumping hija bbażata fuq ir-regoli stabbiliti mill-ftehim tad-WTO dwar l-antidumping.
"Illum tajna l-appoġġ tagħna għal metodoloġija ġdida u nondiskriminatorja dwar l-antidumping li ser tgħin jiġi żgurat li l-prodotti importati jinbiegħu bi prezz ġust u ekwu fl-UE, irrispettivament minn fejn ikunu ġejjin. Din ser isaħħaħ l-istrumenti tal-Ewropa għad-difiża tal-kummerċ u ser tgħin biex tipproteġi l-impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittività."
Chris Cardona, il-ministru għall-ekonomija, l-investiment u l-intrapriżi żgħar ta' Malta
Il-pożizzjoni tal-Kunsill adottata llum tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-prinċipji ewlenin imressqa mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha li ġiet ippreżentata f'Novembru 2016. Din tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta' eżempji li jintużaw biex jiġu identifikati distorsjonijiet sinifikanti fis-suq, bħal:
- politiki tal-istat u influwenza,
- preżenza mifruxa ta' intrapriżi tal-istat,
- diskriminazzjoni favur kumpaniji domestiċi,
- nuqqas ta' indipendenza tas-settur finanzjarju,
- infurzar inadegwat ta' liġijiet dwar il-falliment, liġijiet korporattivi jew liġijiet dwar il-proprjetà.
Meta tinstab distorsjoni sinifikattiva f'pajjiż esportatur, il-Kummissjoni ser tkun tista' tirranġaha. Għalhekk, hija tistabbilixxi prezz għall-prodott billi tirreferi, jew għall-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-bejgħ f'pajjiż b'livelli simili ta' żvilupp ekonomiku jew għall-ispejjeż u l-prezzijiet internazzjonali xierqa mingħajr distorsjoni.
Il-Kummissjoni għandha tfassal ukoll abbozz ta' rapporti speċifiċi dwar pajjiżi jew setturi li jiddeskrivu d-distorsjonijiet. F'konformità mal-prattika attwali, għandhom ikunu l-kumpaniji tal-UE li jressqu l-ilmenti, iżda ser ikunu jistgħu jużaw ir-rapporti tal-Kummissjoni biex isostnu l-każ tagħhom.
Strumenti ta' difiża kummerċjali tal-UE (Infografika)
Il-kronoloġija u l-passi li jmiss
Il-metodoloġija l-ġdida dwar l-antidumping taħdem b'mod parallel ma' proċess separat ta' negozjar dwar reviżjoni iktar mifruxa tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ li ġie propost fl-2013. Wara l-appell tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2016 sabiex il-prattiki kummerċjali żleali jiġu indirizzati b'mod effiċjenti u robust, il-Kunsill ħadem fuq iż-żewġ fajls bħala kwistjoni ta' prijorità billi stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu sabiex iwassal għal konklużjoni rapida tan-negozjati.
Billi l-proposta hija soġġetta għal proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jilħqu ftehim dwar test finali. Il-Kunsill ser ikun jista' jibda diskussjonijiet ta' "trilogu" mal-Parlament Ewropew abbażi tal-ftehim ta' llum hekk kif il-Parlament jistabbilixxi l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu stess.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024