Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 29 ta' Mejju 2017 12:55

Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid biex l-Ewropej ikunu protetti aħjar minn sustanzi psikoattivi ġodda

Fid-29 ta’ Mejju, il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil politiku dwar pakkett li jirriforma l-leġislazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda (NPS) użati bħala alternattivi għad-drogi illeċiti.

Il-mekkaniżmu l-ġdid ser jippermetti rispons aktar effettiv u effiċjenti mill-UE għas-sustanzi psikoattivi ġodda, li qed jitfaċċaw fis-suq tal-UE b'rata ogħla minn qatt qabel, u jippreżentaw riskju għas-saħħa u s-sikurezza pubblika.

Carmelo Abela, ministru ta’ Malta għall-intern u s-sigurtà nazzjonali, qal: “Id-drogi legali huma problema li qed tikber għas-saħħa pubblika fl-Ewropa u huma ż-żgħażagħ li l-aktar jinsabu f’riskju. B’dawn ir-regoli l-ġodda, l-UE ser tipprovdi rispons aktar rapidu u aktar effettiv. Ser inkunu nistgħu nnaqqsu drastikament iż-żmien meħtieġ biex nivvalutaw u possibbilment niddeċiedu dwar projbizzjoni fl-UE kollha ta’ sustanzi psikoattivi ġodda”.

Il-pakkett ser jissimplifika l-proċedura fil-livell tal-UE biex jiġu vvalutati l-effetti negattivi potenzjali ta' sustanza psikoattiva ġdida u tiġi deċiża l-possibbiltà ta' projbizzjoni. Din il-proċedura issa ser tkun kważi darbtejn aktar rapida minn qabel. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda ser inaqqsu ż-żmien biex l-istati membri jimplimentaw id-deċiżjoni tal-UE fil-livell nazzjonali minn 12-il xahar għal 6 xhur. Il-pakkett għandu wkoll l-għan li jtejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni, is-sistema ta’ twissija bikrija u l-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-UE.

Il-pakkett huwa magħmul minn emenda għar-regolament li stabbilixxa ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) rigward l-iskambju ta' informazzjoni, is-sistema ta' twissija bikrija u l-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskju fuq sustanzi psikoattivi u direttiva li temenda d-deċiżjoni qafas tal-Kunsill tal-2004 rigward dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi.

Il-passi li jmiss 

Abbażi tal-qbil politiku li ntlaħaq bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, it-testi ser jiġu adottati formalment miż-żewġ istituzzjonijiet fix-xhur li ġejjin.

Kuntest 

Is-sustanzi psikoattivi ġodda huma sustanzi naturali jew sintetiċi li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali u jikkawżaw effett simili għal dak ta' drogi illeċiti, bħall-kokaina, l-eroina jew il-kannabis. Dawn jistgħu jikkawżaw alluċinazzjonijiet, tibdil fil-ħsieb, fl-imġiba, il-perċezzjoni, il-kuxjenza jew il-burdata u effetti mhux mixtieqa oħra. Fil-fatt, ħafna drabi huma kummerċjalizzati bħala alternattivi legali għad-drogi illeċiti, u għalhekk imsejħa ‘drogi legali’.

Il-ħtieġa ta' emenda għal-leġislazzjoni dwar sustanzi psikoattivi kienet ir-riżultat taż-żieda rapida u massiva ta' sustanzi psikoattivi ġodda (NPS), fil-livell globali u fl-Ewropa. 98 sustanza psikoattiva ġdida ġew irrapportati għall-ewwel darba fis-Sistema ta' Twissija Bikrija (STB) tal-UE fl-2015 u 66 fl-2016, u b'hekk l-għadd totali ta' sustanzi ġodda mmonitorjati tela' għal aktar minn 600 - b'iktar minn 460 (’il fuq minn 75 %) minnhom identifikati f'dawn l-aħħar sitt snin biss.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024