Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • KONKLUŻJONIJIET
  • 16 ta' Ottubru 2020 14:25

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 15-16 ta' Ottubru 2020

Fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar il-COVID-19, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, it-tibdil fil-klima u r-relazzjonijiet esterni.

I. COVID-19

1. Il-Kunsill Ewropew ivvaluta s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, li hija bla preċedent u li tagħti lok għal tħassib serju ħafna.

2. Huwa laqa' l-progress miksub s'issa fil-koordinazzjoni ġenerali fil-livell tal-UE kontra l-COVID19, inkluż ir-rakkomandazzjoni dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu. Jappella lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu l-isforz ta' koordinazzjoni ġenerali abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamenti ta' kwarantina, it-traċċar tal-kuntatti transkonfinali, l-istrateġiji tal-ittestjar, il-valutazzjoni konġunta tal-metodi tal-ittestjar, ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għal din il-kwistjoni b'mod regolari.

3. Filwaqt li jilqa' l-ħidma fil-livell tal-UE fuq l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' vaċċini, il-Kunsill Ewropew itenni l-ħtieġa ta' proċess robust ta' awtorizzazzjoni u monitoraġġ, il-bini tal-kapaċità tat-tilqim fl-UE, u aċċess ġust u affordabbli għall-vaċċini. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ ukoll aktar kooperazzjoni f'livell globali.

Grafika: approċċ komuni għall-miżuri dwar l-ivvjaġġar marbuta mal-COVID-19.
Approċċ komuni dwar il-miżuri b'rabta mal-COVID-19 għall-ivvjaġġar fl-UE (sat-13 ta’ Ġunju 2021) (Infografika)

Approċċ komuni dwar il-miżuri b'rabta mal-COVID-19 għall-ivvjaġġar fl-UE (sat-13 ta’ Ġunju 2021) (Infografika)

II. Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

4. Il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-perijodu ta' tranżizzjoni ser jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 u jinnota bi tħassib li l-progress fil-kwistjonijiet ewlenin ta' interess għall-Unjoni għadu mhux biżżejjed biex jintlaħaq qbil.

5. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Unjoni li jkollha kemm jista' jkun sħubija mill-qrib mar-Renju Unit abbażi tad-direttivi ta' negozjati tal-25 ta' Frar 2020, filwaqt li jiġu rrispettati l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew miftiehma preċedentement, kif ukoll l-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Novembru 2018, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, il-governanza u s-sajd.

6. F'dan l-isfond, il-Kunsill Ewropew jistieden lin-negozjatur ewlieni tal-Unjoni biex ikompli n-negozjati fil-ġimgħat li ġejjin, u jappella lir-Renju Unit biex jieħu l-passi meħtieġa u jagħmilha possibbli li jintlaħaq qbil.

7. Fir-rigward tal-Abbozz ta' Liġi dwar is-Suq Intern ippreżentat mill-gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokolli tiegħu jridu jiġu implimentati bis-sħiħ u fil-ħin.

8. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex iżidu l-ħidma tagħhom biex ikunu mħejjija u lesti fil-livelli kollha u għall-eżiti kollha, inkluż dak ta' ebda qbil, u jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tagħti konsiderazzjoni f'waqtha lill-miżuri ta' kontinġenza unilaterali u limitati fiż-żmien li huma fl-interess tal-UE.

9. Il-Kunsill Ewropew ser jibqa' jsegwi din il-kwistjoni.

III. Tibdil fil-klima

10. Biex tilħaq l-objettiv ta' newtralità klimatika fl-UE sal-2050 f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, jeħtieġ li l-UE żżid l-ambizzjoni tagħha għall-għaxar snin li ġejjin, u taġġorna l-qafas ta' politika tagħha dwar il-klima u l-enerġija. F'dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030", inkluż il-mira proposta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-inqas 55% sal-2030, u l-azzjonijiet meħtieġa biex tinkiseb dik l-ambizzjoni.

11. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kunsill Ewropew iqis li l-mira aġġornata għandha tintlaħaq b'mod kollettiv mill-UE bl-aktar mod kosteffettiv possibbli. L-Istati Membri kollha ser jipparteċipaw f'dan l-isforz, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-konsiderazzjonijiet ta' ġustizzja u solidarjetà. Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti kollha tal-UE jikkontribwixxu għall-mira l-ġdida tal-2030 u għat-twettiq tal-objettiv tan-newtralità klimatika, filwaqt li jiġu rrispettati kondizzjonijiet ekwi u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

12. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill biex imexxi 'l quddiem il-ħidma fuq din l-aġenda. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq konsultazzjonijiet fil-fond mal-Istati Membri biex tivvaluta s-sitwazzjonijiet speċifiċi u biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-impatt fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għall-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru bil-ħsieb li jaqbel dwar mira ġdida għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u l-preżentazzjoni tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali aġġornat (NDC) tal-UE lill-UNFCCC qabel tmiem is-sena.

13. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Partijiet l-oħra kollha biex jippreżentaw ukoll NDC aġġornat. Jissottolinja l-importanza ta' azzjoni koordinata b'saħħitha permezz ta' diplomazija Ewropea attiva dwar il-klima, bil-ħsieb li jingħaqdu l-isforzi fix-xena globali biex tkompli tavvanza l-kawża tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

IV. Relazzjonijiet esterni

Relazzjonijiet mal-Afrika

14. L-UE tagħti prijorità għolja lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet strateġiċi tagħha mal-Afrika u s-sħubija tagħha mal-Unjoni Afrikana, li jibqgħu bbażati fuq interessi reċiproċi u responsabbiltà kondiviża. L-Afrika hija sieħeb naturali għall-Unjoni Ewropea, riżultat tal-prossimità ġeografika, storika u kulturali tagħna, kif ukoll ta' valuri u impenji komuni. Ix-xenarju globali li qed jinbidel u l-ħafna sfidi fuq perijodu qasir u twil li qed jiffaċċaw iż-żewġ kontinenti jenfasizzaw l-importanza tal-approfondiment u t-tiġdid tar-relazzjonijiet politiċi u tal-kooperazzjoni tagħna fl-oqsma kollha.

15. Fil-kuntest attwali, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-iżvilupp ta' vaċċini u d-distribuzzjoni tagħhom, huma kruċjali. Il-Kunsill Ewropew huwa impenjat li jsaħħaħ l-appoġġ tal-UE għas-sistemi tas-saħħa u t-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija u l-kapaċità ta' rispons tas-sħab.

16. Sabiex jgħin biex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kunsill Ewropew huwa impenjat li jkompli bl-isforzi internazzjonali ta' serħan mid-dejn għall-pajjiżi Afrikani b'mod koordinat fi ħdan l-oqfsa multilaterali rilevanti, u jitlob lill-Kunsill biex iħejji approċċ komuni f'dan ir-rigward sal-aħħar ta' Novembru 2020.

17. Mhux biss hemm l-isfidi iżda wkoll l-opportunitajiet. L-UE hija l-akbar sieħeb tal-Afrika fil-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp. Filwaqt li nibnu fuq dan, nistgħu nagħmlu aktar biex nisfruttaw il-potenzjal enormi tar-relazzjoni tagħna. B'mod parallel mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha stess, l-UE tixtieq testendi s-sħubija tagħha mal-Afrika rigward it-trasformazzjoni ekonomika tagħha. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-intenzjoni tiegħu li jaħdem mas-sħab Afrikani tiegħu u li tingħata spinta lill-investiment billi naħdmu lkoll flimkien fuq programm komprensiv ta' investiment f'diversi setturi, f'diversi livelli u b'diversi partijiet ikkonċernati. Il-Kunsill Ewropew iqis is-setturi li ġejjin bħala kruċjali għal aktar kooperazzjoni u investiment: l-ekonomija diġitali u tal-għarfien, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport, is-saħħa u s-sistemi agroalimentari. Barra minn hekk, filwaqt li jfakkar fl-Aġenda Strateġika u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2020, il-valuri universali, in-nondiskriminazzjoni kif ukoll id-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-inklużjoni taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet, is-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika kif ukoll il-governanza tajba u l-istat tad-dritt ikunu temi trasversali ewlenin għall-involviment tal-UE. L-appoġġ għall-integrazzjoni ekonomika fil-livell reġjonali u kontinentali u għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ekonomika interkontinentali huma wkoll ta' importanza partikolari.

18. Il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà dejjiema fl-Afrika huma objettiv komuni u kundizzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli. L-UE tinsab lesta li tkompli tappoġġa l-isforzi Afrikani għall-paċi u s-sigurtà, il-governanza tajba u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tixtieq ukoll tinvolvi lis-sħab Afrikani fl-indirizzar tal-mobbiltà u l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluż il-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, ir-riammissjoni, u l-ġlieda kontra n-networks ta' faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, kemm fiż-żewġ kontinenti kif ukoll bejniethom. Sħubija ta' benefiċċju reċiproku teħtieġ approċċ bilanċjat, koerenti u komprensiv, iggwidat mill-prinċipji tas-solidarjetà, is-sħubija u r-responsabbiltà kondiviża.

19. Il-Kunsill Ewropew jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-Afrika biex jiġu avvanzati soluzzjonijiet multilaterali b'mod ġenerali fl-arena globali. Il-konsultazzjonijiet mas-sħab Afrikani sabiex jiġu definiti b'mod konġunt il-prijoritajiet komuni huma essenzjali. Billi ningħaqdu flimkien ser inkunu kapaċi niddefendu aħjar l-interessi komuni tagħna f'dinja dejjem aktar kumplessa u inċerta. Dan jirrikjedi li nkunu aktar magħqudin fil-pożizzjonijiet li nieħdu fix-xena globali, u li nkunu aktar determinati u effettivi fl-eżerċitar tal-influwenza kkombinata tagħna, inkluż f'fora multilaterali. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-laqgħat politiċi li ġejjin mal-Unjoni Afrikana sabiex is-sħubija tittieħed f'livell ogħla.

Il-Viċinat tan-Nofsinhar

20. F'din is-sena tal-25 anniversarju tal-proċess ta' Barċellona, il-Kunsill Ewropew ser jorganizza diskussjoni strateġika dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar f'Diċembru.

Belarussja

21. Il-Kunsill Ewropew japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2020 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Litwanja u mal-Polonja fid-dawl tal-miżuri ta' ritaljazzjoni mill-Belarussja. Huwa jikkundanna l-vjolenza kontinwa kontra dimostranti paċifiċi.

Turkija

22. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020 u jiddeplora l-azzjonijiet unilaterali u provokattivi mġedda mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, inkluż l-attivitajiet esploratorji reċenti. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ ir-rispett għar-Riżoluzzjonijiet 550 u 789 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jissottolinja l-importanza tal-istatus ta' Varosha u jtenni s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Greċja u ma' Ċipru.

23. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lit-Turkija biex treġġa' lura dawn l-azzjonijiet u taħdem biex jittaffew it-tensjonijiet b'mod konsistenti u sostnut. Huwa ser jibqa' jsegwi din il-kwistjoni sabiex jagħti segwitu għall-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020.

MH17

23. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Federazzjoni Russa biex tkompli n-negozjati trilaterali bejn l-Awstralja, in-Netherlands u l-Federazzjoni Russa fir-rigward tat-twaqqigħ tat-titjira MH17. Wara aktar minn sitt snin minn dan l-avveniment traġiku, il-298 vittma u l-qraba tagħhom jistħoqqilhom ġustizzja. Il-Kunsill Ewropew jappoġġa l-isforzi kollha biex jiġu stabbiliti l-verità, il-ġustizzja u r-responsabbiltà, skont ir-Riżoluzzjoni 2166 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025