"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Qbil dwar regoli ġodda dwar il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju
L-UE dalwaqt ser tkun mgħammra b’sett ta’ regoli ġodda li jippermettu kummerċ aktar responsabbli, kompetittiv u trasparenti ta’ oġġetti b’użu doppju. Dawn huma grupp vast ta’ oġġetti, materjali, software u teknoloġija li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari.
Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew illum laħqu qbil politiku proviżorju dwar regolament rivedut li jistabbilixxi r-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju.
Il-Ftehim tal-lum dwar il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju huwa kontribut importanti biex l-Unjoni Ewropea tkun adattata għall-isfidi kummerċjali moderni. Ir-regoli l-ġodda jilħqu bilanċ tajjeb bejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, l-iżgurar tal-interessi tas-sigurtà tagħna u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda, fil-futur ser inkunu mgħammra aħjar biex nippermettu li l-kummerċ leġittimu jitwettaq mingħajr xkiel, iżda wkoll biex nagħmlu enfasi fuq il-kontroll ta’ ċerti teknoloġiji, speċjalment oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika, li jistgħu jintużaw ħażin b’rabta mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, aħna nsaħħu l-approċċ komuni tagħna tal-UE billi nipprovdu għal aktar modi kif l-istati membri jistgħu jikkooperaw fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija u President tal-Kunsill
Il-qbil issa jeħtieġ li jiġi approvat mill-ambaxxaturi tal-istati membri mlaqqgħin fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper). Il-Parlament u l-Kunsill imbagħad ser jintalbu jadottaw ir-regolament propost fl-ewwel qari.
Is-sistema attwali ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE għal oġġetti b’użu doppju ilha fis-seħħ mill-2009. Madankollu, din is-sistema kellha tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li qed jinbidlu.
B’mod aktar ġenerali, ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jsaħħu aktar l-azzjoni tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, li jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, u li jgħinu biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali billi jikkontrollaw l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mill-Unjoni Ewropea.
Il-karattaristiċi ewlenin tar-regolament maqbul huma dawn li ġejjin:
- sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u t-theddid għas-sigurtà marbut mal-użu ħażin potenzjali tat-teknoloġija ta’ sorveljanza ċibernetika, ir-regoli l-ġodda jinkludu dispożizzjonijiet li jagħmlu din it-teknoloġija soġġetta għal kontrolli tal-esportazzjoni aktar stretti f’ċerti ċirkustanzi
- barra minn hekk, ir-regolament issa jinkludi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE li jippermetti skambju akbar bejn l-istati membri rigward l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika
- ir-regolament jintroduċi żewġ awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni ġenerali ġodda tal-UE għall-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju — waħda għal oġġetti kriptografiċi u waħda għal trasferimenti ta’ teknoloġija intragrupp taħt ċerti ċirkustanzi — u b’hekk jitnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet tal-liċenzjar
- ir-regolament isaħħaħ ukoll l-infurzar tal-kontrolli permezz ta’ kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u dawk doganali, u jintroduċi mekkaniżmi li jippermettu lill-istati membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’dan il-qasam
- ir-regolament jintroduċi dispożizzjoni ġdida dwar kontrolli trażmissibbli, li tippermetti, f’ċerti każijiet, li stat membru jintroduċi kontrolli tal-esportazzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni stabbilita minn stat membru ieħor, u b’hekk jippermetti effett transfruntier tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-istati membri
- ir-regolament jarmonizza fil-livell tal-UE r-regoli applikabbli għal ċerti servizzi fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju li bħalissa huma rregolati fil-livell nazzjonali (assistenza teknika)
- regoli ta' rappurtar ġodda ser jippermettu aktartrasparenza fil-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti tan-negozju u tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali.
Kuntest u passi li jmiss
Skont l-impenji internazzjonali, jeħtieġ li l-istati membri tal-UE jkollhom miżuri fis-seħħ f’livell nazzjonali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta' konsenja tagħhom. Dan jinkludi kontrolli fuq oġġetti b'użu doppju, jiġifieri materjali, tagħmir u teknoloġija għall-esportazzjoni li jistgħu jintużaw għal finijiet ċivili u militari, inkluż il-finijiet imsemmija hawn fuq.
Għal dan l-għan, fl-2009 l-UE adottat regolament li jistabbilixxi reġim għall-kontrolli tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju.
Sabiex tadatta maċ-ċirkustanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li qed jinbidlu b'mod rapidu, f'Settembru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament rivedut biex ir-regoli eżistenti jiġu aġġornati u estiżi.
F’Ġunju 2019, il-Kunsill qabel dwar il-mandat ta’ negozjar tiegħu, u minn dak iż-żmien 'l hawn saru trilogi f’Ottubru 2019, f'Novembru 2019, fi Frar 2020 u f'Settembru 2020.
Il-qbil issa ser jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni mill-Coreper. Il-Parlament u l-Kunsill imbagħad ser jintalbu jadottaw ir-regolament propost fl-ewwel qari.