Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 13 ta' Ġunju 2024 12:45

Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T): Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal regolament ġdid li jiżgura konnettività aħjar u sostenibbli fl-Ewropa

Illum il-Kunsill adotta regolament rivedut rigward il-linji gwida tal-UE għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Il-liġi l-ġdida għandha l-għan li tibni network tat-trasport affidabbli, bla xkiel u ta' kwalità għolja li jiżgura konnettività sostenibbli madwar l-Ewropa mingħajr interruzzjonijiet fiżiċi, konġestjonijiet, u konnessjonijiet neqsin.

In-network TEN-T huwa strument ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE b'kontribut enormi għall-objettivi ta' mobbiltà sostenibbli tagħna, kif ukoll għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-adozzjoni tar-regolament rivedut illum hija definittivament pass importanti lejn network sostenibbli u reżiljenti fl-Ewropa, li għandu jindirizza t-tħassib dwar il-mobbiltà taċ-ċittadini u n-negozji tagħna għas-snin li ġejjin.

Georges Gilkinet, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Mobbiltà tal-Belġju

In-network TEN-T ser jiġi żviluppat jew aġġornat pass pass mar-regolament il-ġdid li jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija tiegħu fi tliet fażijiet: sal-2030 għan-network ewlieni, sal-2040 għan-network ewlieni estiż u sal-2050 għan-network komprensiv. L-iskadenza intermedjarja l-ġdida tal-2040 ġiet introdotta biex tavvanza t-tlestija ta' proġetti fuq skala kbira, prinċipalment dawk transfruntiera, bħal konnessjonijiet ferrovjarji neqsin, qabel l-iskadenza tal-2050 li tapplika għan-network komprensiv usa'. Pereżempju, il-konnessjonijiet ferrovjarji l-ġodda ta' veloċità għolja bejn Porto u Vigo, u dawk bejn Budapest u Bukarest, iridu jitlestew għall-2040. Bħala eżempju ieħor, mat-tlestija tan-network, il-passiġġieri ser ikunu jistgħu jivvjaġġaw bejn Copenhagen u Hamburg f'sagħtejn u nofs bil-ferrovija, minflok l-erba' sigħat u nofs meħtieġa llum.

Sabiex jiġi żgurat li l-ippjanar tal-infrastruttura jissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali reali u billi jintegra l-linji ferrovjarji, it-toroq u l-passaġġi fuq l-ilma, ir-regolament il-ġdid jgħaqqad il-kurituri tan-network ewlieni mal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija biex jifforma l-hekk imsejħa "Kurituri Ewropej tat-Trasport". Dawn il-kurituri huma tal-ogħla importanza strateġika għall-iżvilupp ta' flussi sostenibbli u multimodali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett, b'rispons għall-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex tiġi żgurata konnettività aħjar mal-pajjiżi ġirien ewlenin, ir-regolament il-ġdid jestendi erba' Kurituri Ewropej tat-Trasport tan-network TEN-T lill-Ukrajna u lill-Moldova filwaqt li jnaqqas il-konnessjonijiet transfruntieri mar-Russja u mal-Belarussja.

Il-passi li jmiss

Wara l-adozzjoni tal-lum, l-att leġiżlattiv ser jiġi ffirmat mill-presidenti tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew qabel ma jiġi ppubblikat fil-ġurnal uffiċjali tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin. Ir-regolament rivedut ser jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Informazzjoni ġenerali

Il-proposta għal regolament rivedut ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-13 ta' Diċembru 2021 bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv għal mobbiltà effiċjenti u ekoloġika. B'rispons għall-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni adottat proposta emendata fis-27 ta' Lulju 2022 li introduċiet diversi bidliet fit-test inizjali. Il-proposta riveduta tappella għall-unifikazzjoni tan-network TEN-T bl-użu tal-wisa' standard Ewropew tal-binarji. Hija tippromwovi wkoll il-konnettività aħjar tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE permezz tal-estensjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport rilevanti. Barbara Thaler (PPE/AT) u Dominique Riquet (Renew Europe/FR) kienu l-korapporteurs tal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl u fit-18 ta' Diċembru 2023 intlaħaq ftehim proviżorju bejn il-koleġiżlaturi.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025