Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Novembru 2024 15:09

Il-Kunsill jappella għall-għeluq tal-pjattaforma tal-ODR u s-sostituzzjoni tagħha b'għodda aħjar

Illum il-Kunsill adotta regolament biex tingħalaq il-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (pjattaforma tal-ODR) u jitneħħew l-obbligi assoċjati għall-amministrazzjonijiet u n-negozji online. F'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-livell ta' prestazzjoni tal-pjattaforma tal-ODR eżistenti ma jiġġustifikax l-ispejjeż pubbliċi u privati meħtieġa biex tinżamm.

Il-passi li jmiss

Wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, it-test għandu jerġa' jiġi vvutat fit-tieni qari fil-plenarja Parlamentari. Jekk tgħaddi mingħajr emendi, l-att leġiżlattiv jiġi adottat.

Wara li jiġi ffirmat mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill, ir-regolament ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ser jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

Sfond

Fi kwalunkwe relazzjoni kummerċjali, in-negozjanti u l-konsumaturi jista' jkollhom tilwim x'isolvu (pereżempju jekk prodott ma jiġix ikkonsenjat fil-ħin jew f'kundizzjoni tajba, jew jekk il-konsumatur ma jkunx ħallas il-prezz sħiħ tax-xiri). Bl-iżvilupp tax-xiri online, l-għadd ta' tilwim żdied b'mod sostanzjali. Is-soluzzjoni ta' tilwima fil-qorti tista' tieħu ħafna żmien u tinvolvi l-intervent ta' avukati u spejjeż proċedurali. Madankollu, hemm modi alternattivi biex jissolvew il-problemi mingħajr ma wieħed imur il-qorti.

L-aktar leġiżlazzjoni Ewropea reċenti biex tirregola r-rimedju għall-konsumatur barra mill-qorti ġiet adottata fl-2013 u minn dak iż-żmien 'l hawn għadha ma ġietx emendata. Il-pakkett leġiżlattiv kien jinkludi żewġ atti: id-direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) u r-regolament għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR), li ħoloq pjattaforma online biex tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu d-differenzi tagħhom.

Il-pjattaforma tal-ODR ilha topera mill-2016 u offriet soluzzjonijiet differenti, bħal negozjati diretti bejn in-negozjanti u l-konsumaturi jew l-użu ta' korp għas-soluzzjoni ta' tilwim biex jittratta l-każijiet. Madankollu, minkejja għadd kbir ta' żjarat, permezz tal-pjattaforma tal-ODR kien possibbli biss li tiġi ttrattata medja annwali ta' 200 każ mal-UE kollha minn entità ADR.

Fis-17 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ġdid ta' miżuri biex jimmodernizza u jissimplifika r-regoli li jirregolaw it-tilwim barra mill-qorti u jadattahom għas-swieq diġitali: direttiva li temenda d-direttiva ADR u regolament, adottat illum mill-Kunsill, biex iħassar ir-regolament li ħoloq il-pjattaforma tal-ODR.

Fil-25 ta' Settembru 2024, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu dwar id-direttiva ADR, li pproponiet, fost affarijiet oħra, is-sostituzzjoni tal-pjattaforma tal-ODR b'għodda diġitali ġdida, li kellha tiġi żviluppata mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva ADR riveduta. Il-mandat ta' negozjar kien jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippromwovi l-għodda u tipprevedi l-manutenzjoni teknika tagħha. Fl-istess jum, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar ir-regolament għall-waqfien tal-pjattaforma tal-ODR, li ġie adottat formalment illum.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Jannar 2025