"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Protezzjoni tal-konsumaturi

Drittijiet tax-xiri

Ir-regoli tal-UE jiżguraw li, meta jixtru oġġetti u servizzi fi kwalunkwe post fl-UE, il-konsumaturi jridu jiġu pprovduti bi:

  • informazzjoni ċara, korretta u li tinftiehem
  • informazzjoni dwar il-prezz totali, inkluż it-taxxi u l-imposti addizzjonali kollha

Il-kummerċjanti fl-UE mhumiex permessi jitolbu ħlas addizzjonali għall-użu ta' karti ta' kreditu jew ta' debitu.

Garanzija u dritt ta' rtirar

Hemm garanzija legali minima ta' sentejn fuq l-oġġetti kollha. Jekk l-oġġetti mixtrija jirriżultaw difettużi jew ma jkunux kif reklamati, il-kummerċjant irid isewwi, jissostitwixxi, inaqqas il-prezz jew joffri rifużjoni sħiħa.

Meta jixtru prodott jew servizz online jew barra minn ħanut, ix-xerrejja għandhom id-dritt li jikkanċellaw u jirritornaw l-ordni fi żmien 14-il jum, mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Japplikaw xi eżenzjonijiet (eż. prodotti personalizzati, prenotazzjonijiet tal-lukandi).

Prodotti mhux sikuri u illegali

Sikurezza tal-prodotti

F'April 2023, il-Kunsill adotta r-regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li għandu l-għan li:

  • jiżgura li prodotti sikuri biss jiġu introdotti fis-suq Ewropew
  • jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex isewwu, jirritornaw jew jissostitwixxu prodotti mhux sikuri
  • jissimplifika s-sorveljanza tas-suq u jiżgura li s-swieq online jneħħu prodotti perikolużi mill-pjattaformi tagħhom

Is-sikurezza tal-ġugarelli

L-UE qed taħdem fuq l-aġġornament tar-regoli biex tiżdied is-sikurezza tal-ġugarelli.

F'Lulju 2023, il-Kummissjoni pproponiet:

  • żieda fil-protezzjoni kontra sustanzi kimiċi dannużi, b'mod partikolari billi testendi l-projbizzjoni fuq sustanzi kimiċi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (sustanzi kimiċi CMR) għal sustanzi kimiċi perikolużi oħra bħal interferenti endokrinali
  • l-introduzzjoni ta' passaport diġitali tal-prodotti li ser jinkludi informazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġugarell, sabiex jitnaqqas l-għadd ta' ġugarelli mhux sikuri mibjugħa fl-UE, speċjalment online

Kummerċ elettroniku

Fl-2022, l-UE ffinalizzat leġiżlazzjoni ġdida għall-ġlieda kontra l-oġġetti illegali u kontrafatti fl-ispazju diġitali.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali ser iżomm lill-utenti online sikuri minn oġġetti, kontenut jew servizzi illegali, billi jistabbilixxi sett ta' responsabbiltajiet u responsabbiltà ċara għan-negozji online li joperaw fl-UE – irrispettivament minn fejn ikunu bbażati.

Il-prinċipju huwa sempliċi: dak li huwa illegali offline għandu jkun illegali online wkoll.

Tranżizzjoni ekoloġika

Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi

L-UE trid tipprevjeni lill-kumpaniji milli jagħmlu asserzjonijiet qarrieqa dwar il-merti ambjentali tal-prodotti u s-servizzi tagħhom.

Fl-20 ta' Frar 2024, il-Kunsill adotta direttiva biex tingħata setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Bis-saħħa tal-miżuri l-ġodda, il-konsumaturi tal-UE ser:

  • ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli biex jagħmlu l-għażliet ekoloġiċi t-tajba
  • biex ikunu protetti aħjar kontra asserzjonijiet ekoloġiċi żleali
  • ikunu infurmati aħjar dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti qabel jixtruhom

Dritt għat-tiswija

L-UE tixtieq tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jfittxu tiswija minflok sostituzzjoni meta prodott jinkiser jew ikun difettuż.

Fit-30 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija.

Id-direttiva tinkludi sett ġdid ta' drittijiet u għodod għall-konsumaturi:

  • id-dritt għall-konsumaturi li jitolbu lill-manifatturi biex isewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew skont id-dritt tal-UE (pereżempju, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, vacuum cleaners jew mobiles)
  • il-ħolqien ta' formola Ewropea ta' informazzjoni mingħajr ħlas dwar it-tiswija
  • it-twaqqif ta' pjattaforma online ta' pariġġar għat-tiswija biex il-konsumaturi jiġu konnessi mas-sewwejja
  • estensjoni ta' 12-il xahar tal-perjodu ta' responsabbiltà tal-bejjiegħ wara t-tiswija

Drittijiet tat-telekomunikazzjoni

L-użu ta' mobile f'pajjiż ieħor tal-UE

Meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, ir-regoli tal-UE dwar ir-roaming u l-portabbiltà tal-kontenut jippermettu lill-Ewropej:

  • jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġi testwali u jfittxu fuq l-internet mingħajr ħlas addizzjonali
  • jaċċessaw is-servizzi diġà mħallsa tal-kontenut online tagħhom (eż. it-TV, il-kotba elettroniċi, il-logħob, il-mużika online)

F'April 2022, l-UE approvat l-estensjoni tas-sistema tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek" sal-2032.

Komunikazzjonijiet intra-UE

Ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE jiżguraw li t-tariffi massimi jkunu limitati (il-VAT li għandha tiżdied) għal telefonati u messaġġi testwali lejn pajjiż ieħor tal-UE minn pajjiżek.

Protezzjoni tad-data

Ir-regolament ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR) jipprovdi lill-individwi b'diversi drittijiet (eż. aċċess għad-data, dritt għat-tħassir), u jagħtihom kontroll fuq id-data personali tagħhom.

Prodotti finanzjarji

Ir-regoli tal-UE jiddefinixxu d-drittijiet bażiċi meta jintużaw prodotti u servizzi finanzjarji bħal:

  • il-ftuħ ta' kont bankarju
  • it-trasferiment ta' flus
  • it-twettiq ta' investiment
  • it-teħid ta' self ipotekarju jew kreditu għall-konsumatur
  • it-twaqqif ta' pjan tal-pensjoni

Drittijiet tal-ivvjaġġar

Drittijiet tal-passiġġieri

Ir-regoli tal-UE jiżguraw il-protezzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fl-UE bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur jew bix-xarabank f'każ ta':

  • kanċellazzjoni
  • tluq ittardjat
  • wasla tard
  • bagalji mitlufa jew li saritilhom il-ħsara
  • korriment matul il-vjaġġ

Il-fornitur tal-ivvjaġġar jista' joffri rimborż sħiħ jew parzjali, rotta differenti, prenotazzjoni mill-ġdid, ikel, akkomodazzjoni jew kumpens skont iċ-ċirkostanzi.

Protezzjoni konsulari

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom dritt ifittxu l-għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' stat membru ieħor jekk ikollhom bżonn assistenza barra mill-UE, bħal fil-każ ta':

  • arrest jew detenzjoni
  • inċident serju
  • mard gravi jew mewt
  • diżastru naturali jew inkwiet politiku
  • telf tal-passaport jew tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

Soluzzjoni tat-tilwim tal-konsumaturi

F'każ ta' problemi meta jixtru prodott jew servizz f'pajjiż ieħor tal-UE, il-konsumaturi jistgħu jippruvaw isolvu t-tilwima:

  • ftehim informali: direttament mal-kummerċjant, jew permezz ta' organizzazzjoni tal-konsumatur
  • mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim: eż. medjatur, ombudsmen, bord tal-ilmenti, is-sit web tal-UE għas-soluzzjoni online għat-tilwim
  • azzjoni legali formali: permezz tal-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar u l-ordni ta' ħlas Ewropea jew billi jmorru l-qorti

Fil-25 ta' Settembru 2024, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar miżuri li jiffaċilitaw is-soluzzjoni tat-tilwim.

Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR)huma mekkaniżmi fejn il-konsumaturi jistgħu jsolvu t-tilwim tagħhom mal-kumpaniji qabel ma jmorru l-qorti.

Il-pakkett ta' miżuri biex id-direttiva ADR tiġi adattata għall-isfidi tad-dinja diġitali għandu l-għan li:

  • jkopri prattika inġusta ġdida (eż. reklamar qarrieqi jew imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat)
  • dawn il-mekkaniżmi jsiru aktar faċli biex jintużaw, aktar rapidi u aktar attraenti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kumpaniji

Il-presidenza tal-Kunsill issa ser tinnegozja t-test finali mal-Parlament Ewropew.

Fid-19 ta' Novembru 2024, il-Kunsill adotta regolament biex tingħalaq il-pjattaforma Ewropea għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) peress li l-livell ta' prestazzjoni tal-pjattaforma ma jiġġustifikax l-ispejjeż pubbliċi u privati meħtieġa biex tinżamm.

Fl-2020, l-UE ffirmat direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi fl-UE. Il-ftehim jagħti lill-konsumaturi tal-UE d-dritt li jfittxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva b'mod kollettiv meta l-kummerċjanti jagħmlu ħsara lill-konsumaturi billi jiksru l-liġijiet tal-UE.

L-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida

F'Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aġenda tal-konsumatur ġdida, li tippreżenta viżjoni olistika għall-politika tal-UE għall-konsumatur għas-snin 2020 sa 2025. Din tiffoka fuq ħames oqsma ta' prijorità ewlenin:

  • it-tranżizzjoni ekoloġika
  • it-trasformazzjoni diġitali
  • l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur
  • il-ħtiġijiet speċifiċi ta' ċerti gruppi ta' konsumaturi
  • il-kooperazzjoni internazzjonali

Fi Frar 2021, il-Kunsill adotta sett ta' konklużjonijiet dwar l-aġenda, li:

  • kellhom l-għan li jipprovdu gwida politika
  • enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib tal-konsumaturi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE marbuta mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali
  • irreferew għall-importanza tal-fiduċja tal-konsumatur biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19

Il-Kunsill laqa' wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza kwistjonijiet bħal:

  • id-"dritt għat-tiswija"
  • il-protezzjoni tal-konsumatur online u offline
  • is-sikurezza tal-prodotti
  • il-prevenzjoni ta' dejn eċċessiv