- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Mejju 2026 15:55
L-IA fl-edukazzjoni: il-Kunsill jappella għal approċċ bil-bniedem fil-qalba tiegħu
Fi żmien meta l-intelliġenza artifiċjali (IA) qed tittrasforma b'ħeffa s-sistemi edukattivi madwar l-Ewropa, u toħloq kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet, il-Kunsill qed jinsisti biex l-għalliema jibqgħu fil-qalba tal-proċess tal-apprendiment.
L-għalliema mhumiex biss utenti tal-IA – huma gwidi, konsulenti u ħassieba kritiċi li jgħinu lill-istudenti jinnavigaw dinja diġitali dejjem aktar kumplessa. Huwa essenzjali li l-istudenti jiġu appoġġati bit-taħriġ, l-għodod u s-salvagwardji adatti biex l-IA tkun suċċess fl-edukazzjoni.
Dr Athena Michaelidou, Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport u ż-Żgħażagħ tar-Repubblika ta' Ċipru
Il-konklużjonijiet approvati mill-Kunsill jappellaw għal approċċ lejn l-IA fl-edukazzjoni li jkun etiku, sikur u bil-bniedem fil-qalba tiegħu, u li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu fl-IA, jiggarantixxi l-inklużjoni u l-ġustizzja, isaħħaħ il-pożizzjoni tal-għalliema, u jappoġġa l-benesseri tal-għalliema u tal-istudenti. Din hija l-ewwel darba li r-relazzjoni bejn l-IA u t-tagħlim ġiet diskussa fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni.
Il-Kunsill jappella lill-gvernijiet nazzjonali biex isaħħu l-ħiliet diġitali tal-għalliema u l-ħiliet tagħhom fl-IA, jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta' għodod tal-IA speċifiċi għall-edukazzjoni, jindirizzaw l-aċċess mhux ugwali għar-riżorsi diġitali, u jiżguraw li l-IA ssaħħaħ minflok ma ddgħajjef l-awtonomija tal-għalliema u l-kundizzjonijiet sostenibbli tax-xogħol tagħhom.
Sfidi u opportunitajiet
Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-IA qed issawwar mill-ġdid b'mod rapidu s-sistemi edukattivi u għandha l-potenzjal li tinfluwenza kif jiġu organizzati t-tagħlim u l-apprendiment, kif ikun hemm aċċess għall-informazzjoni, u kif l-iskejjel jimmaniġġaw il-kompiti amministrattivi.
F'termini ta' benefiċċji, l-IA tista' ttejjeb it-tagħlim u l-apprendiment billi tappoġġa approċċi aktar inklużivi, ittejjeb l-aċċessibbiltà għall-istudenti żvantaġġati, u tiffaċilita metodi ta' tagħlim u valutazzjoni aktar individwalizzati. Tista' ttejjeb ukoll l-effiċjenza amministrattiva, u hekk aktar ħin ikun jista' jingħata għat-tagħlim u l-apprendiment.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill xorta jqajmu wkoll tħassib dwar it-tnaqqis fl-awtonomija, is-serħan żejjed fuq it-teknoloġija, u r-riskji marbuta ma' aspetti bħall-preġudizzji, il-miżinformazzjoni u l-protezzjoni tad-data. L-użu tal-IA jista' wkoll jaggrava l-inugwaljanzi u d-distakki diġitali, jaffettwa l-konċentrazzjoni tal-istudenti u l-kisba tal-ħiliet, u jkollu implikazzjonijiet soċjetali u ambjentali usa'.
Ir-rwol tal-għalliema fl-era diġitali
L-għalliema jaqdu rwol ċentrali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-IA fil-klassi, inkluż billi jrawmu ċittadinanza diġitali responsabbli u jgħinu lill-istudenti jirriflettu fuq l-implikazzjonijiet soċjetali, ambjentali u etiċi tal-għodod tal-IA. Huma kruċjali wkoll biex l-outputs tal-IA jiġu vvalutati b'mod kritiku u biex jiggwidaw lill-istudenti jifhmu l-limitazzjonijiet u l-preġudizzji tagħhom.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill għalhekk jargumenta li l-għalliema għandu jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu għat-tfassil u l-evalwazzjoni tal-għodod tal-IA, f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq l-umaniżmu diġitali li jiżgura li t-teknoloġija tappoġġa l-azzjoni tal-bniedem u l-valuri demokratiċi.
Appoġġ lill-għalliema fit-tranżizzjoni tal-IA
Sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji tal-IA fl-edukazzjoni filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-għalliema jibqgħu fil-qalba tal-esperjenza tat-tagħlim, il-Kunsill jappella lill-gvernijiet nazzjonali biex:
- jgħinu biex tingħata spinta lill-ħiliet diġitali u l-ħiliet relatati mal-IA tal-għalliema, inkluż billi l-litteriżmu fl-IA jiġi integrat fit-taħriġ tal-għalliema
- jippromwovu l-użu tal-għodod tal-IA li jżidu valur pedagoġiku ċar filwaqt li fl-istess ħin iżommu l-awtonomija tal-għalliema u l-benesseri tal-istudenti
- iħeġġu l-iżvilupp ta' għodod tal-IA speċifiċi għall-edukazzjoni bħala mod kif tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, flimkien ma' gwida ċara dwar il-protezzjoni tad-data, ir-responsabbiltà u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju
- jindirizzaw l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-għodod tal-IA u għar-riżorsi diġitali, u jiżguraw li s-sistemi jkunu aċċessibbli u adatti għall-istudenti kollha
- jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli għall-għalliema billi jitqies l-impatt tal-IA fuq l-ammont ta' xogħol, il-valutazzjoni u l-kompiti amministrattivi
Il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni tista' tappoġġa wkoll lill-għalliema fl-era tal-IA, fost l-oħrajn billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, tiffaċilita r-riċerka u l-kondiviżjoni tal-evidenza, tipprovdi gwida dwar l-użu etiku tal-IA, u tinvolvi lill-għalliema fit-tfassil ta' inizjattivi fil-livell tal-UE.
Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista' taħdem mal-istati membri biex ittejjeb it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, tħeġġeġ it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta' prattiki tajba, u tippromwovi riżorsi ta' tagħlim professjonali u inizjattivi kollaborattivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Mejju 2026