Karta Blu tal-UE: niġbdu ħiliet u talent ġodda
L-UE qed tikkompeti dejjem aktar ma' destinazzjonijiet oħra fit-tellieqa globali għat-talent. Biex jiġbed u jżomm ħaddiema bi kwalifiki għoljin - partikolarment f'setturi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' ħiliet - fis-7 ta' Ottubru 2021 il-Kunsill adotta d-direttiva dwar il-karta blu.
Ir-regoli l-ġodda, li jieħdu post dawk eżistenti, jarmonizzaw aktar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza għal ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi mhux tal-UE u jagħmlu l-karta blu tal-UE aktar attraenti.
L-istati membri ser ikunu jistgħu jżommu l-iskemi nazzjonali għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin b'mod parallel mal-iskema tal-karta blu tal-UE. Madankollu, ir-regoli l-ġodda ser jintroduċu għadd ta' dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li d-detenturi ta' karti blu tal-UE u l-familji tagħhom ma jkunux fi żvantaġġ meta mqabbla mad-detenturi ta' permessi nazzjonali.
Din l-infografika tispjega x'inhi l-karta blu tal-UE, min huwa eliġibbli u x'inhuma d-drittijiet ta' min ikollu l-karta blu.
Karta blu tal-UE
Ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi mhux tal-UE jistgħu japplikaw għal karta blu tal-UE li tippermettilhom jgħixu u jaħdmu fl-Unjoni Ewropea.
L-applikanti jeħtieġ li:
- ikollhom kuntratt validu tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta' impjieg bi kwalifiki għoljin għal mill-inqas sitt xhur
- jiġu offruti salarju gross annwali li jissodisfa l-limitu stabbilit mill-istati membri (għalkemm f'xi każijiet jistgħu jiġu applikati limiti aktar baxxi tas-salarju, eż. għal gradwati reċenti jew professjonijiet li jeħtieġu ħaddiema b'mod partikolari)
- għall-professjonijiet regolati: jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-eżerċizzju tal-professjoni
- għall-professjonijiet mhux regolati: ikollhom kwalifiki professjonali ogħla rilevanti
- għall-ħaddiema tal-IT: ikollhom ħiliet professjonali ogħla rilevanti
L-applikanti huma notifikati bid-deċiżjoni fi żmien 90 jum minn meta jissottomettu l-applikazzjoni.
Validità tal-permess
Kull Stat Membru jiddeċiedi dwar perjodu ta' validità standard għall-karti blu tal-UE, b'minimu ta' 24 xahar
Jekk il-kuntratt tax-xogħol ikun iqsar minn 24 xahar, il-karta blu tinħareġ għat-tul tal-kuntratt b'żieda ta' 3 xhur
Drittijiet tad-detenturi tal-karti blu tal-UE
- jidħlu, jerġgħu jidħlu u jibqgħu fit-territorju tal-pajjiż tal-UE li joħroġ il-karta
- jaċċessaw impjieg bi kwalifiki għoljin fl-istat membru li joħroġ il-karta
- ikunu ttrattati bl-istess mod bħan-nazzjonali f'termini ta' kondizzjonijiet tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ, sigurtà soċjali u aċċess għas-servizzi
- jitolbu r-riunifikazzjoni tal-familja b'permessi għall-istess tul ta' żmien bħall-karta blu tal-UE
- jakkumulaw perjodi ta' residenza fi stati membri differenti biex ikunu eliġibbli għal permess ta' residenza fit-tul tal-UE
Mobilità fl-UE
Mobilità għal perjodu qasir: detenturi tal-karta blu jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor tal-UE għal attività ta' negozju għal perjodu qasir.
Mobilità għal perjodu twil: wara sena f'pajjiż tal-UE, detenturi tal-karta blu jistgħu jidħlu fit-tieni stat membru u japplikaw għal karta ġdida permezz ta' proċedura rapida u sempliċi.
Proċeduri simplifikati
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw proċeduri simplifikati għall-impjegaturi rikonoxxuti, fosthom:
- l-eżenzjoni tal-applikanti mill-ħtieġa li jipprovdu ċerti dokumenti
- skadenzi iqsar għan-notifika tad-deċiżjoni
Fil-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES), tista' ssib ħarsa ġenerali tal-pożizzjonijiet vakanti, suġġerimenti dwar kif tapplika għal impjieg, u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fil-pajjiżi kollha tal-UE:
Għal aktar informazzjoni dwar il-karta blu tal-UE, żur il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni:
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Lulju 2026