Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 8 ta' Novembru 2022

Riżultati prinċipali

Basel III

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) rigward iż-żewġ atti leġiżlattivi li fadal għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Basel III, miżuri ta' riforma maħsuba biex jgħinu fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE u biex isaħħu s-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskju tiegħu.

Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Qed nagħtu spinta lis-saħħa u r-reżiljenza tal-banek li joperaw fl-Unjoni. Hekk kif qed niffinalizzaw l-implimentazzjoni tar-riformi internazzjonali ta' Basel III, huwa importanti li nqisu l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju tal-UE, u s-sitwazzjoni speċifika fl-istati membri tagħna. Ninsab fiduċjuż li t-testi aġġornati li qbilna dwarhom illum ser jimmiraw li jiksbu dawn l-objettivi.
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Eurovignette: tassazzjoni fuq it-trakkijiet

Il-Kunsill iddiskuta dawk il-partijiet tad-direttiva Eurovignette li jikkonċernaw it-tassazzjoni ta' vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu tal-infrastrutturi tat-toroq.

Kellna diskussjoni tajba dwar kif nemendaw ir-regoli attwali ta' tassazzjoni sabiex niksbu bl-aħjar mod l-objettivi kondiviżi tagħna: ninkoraġġixxu trasport bit-triq aktar nadif u nnaqqsu l-konġestjoni. Huwa mportanti li nneħħu kwalunkwe ostaklu li jibqa' biex l-istati membri japplikaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' "min iniġġes iħallas" u "l-utent iħallas" għat-trakkijiet. Filwaqt li għamilna progress tajjeb, din il-kwistjoni hija kumplessa u ser teħtieġ aktar ħidma. Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Il-gwerra fl-Ukrajna

Il-ministri ddiskutew l-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Sa mill-bidu tal-gwerra, dan huwa punt regolari fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Il-ministri taw gwida politika rigward it-triq 'il quddiem dwar soluzzjoni aktar strutturali għall-assistenza finanzjarja tal-UE għall-Ukrajna fl-2023. Huma ssottolinjaw b'mod qawwi l-urġenza ta' din il-kwistjoni u kienu favur qafas li jipprovdi l-prevedibbiltà u l-flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni timmobilizza r-riżorsi permezz tal-ħruġ ta' bonds fi ħdan il-limiti baġitarji miftiehma. L-għan huwa li jibdew l-iżborżi ta' kull xahar lill-Ukrajna f'Jannar 2023.

Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Aħna ser nappoġġaw lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn, anke finanzjarjament. Bħala l-President tal-Kunsill, qsamt mal-kollegi tiegħi l-esperjenza personali tiegħi miż-żjara tiegħi fi Kiev il-ġimgħa li għaddiet. L-għan tiegħi huwa li jiġu stabbiliti żborżi regolari lill-Ukrajna minn Jannar 2023. Jekk irridu nilħqu din il-mira, irridu naġixxu malajr ħafna. Illum, il-ministri taw gwida politika lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' tipproponi l-pakkett leġiżlattiv meħtieġ mingħajr dewmien. Ser nagħmlu kull sforz biex nilħqu qbil dwar dawn il-proposti fil-laqgħa ta' Diċembru tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi evalwaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji

Il-presidenza informat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Statistika

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-istatistika tal-UE, li jilqgħu r-rispons tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) għall-ħtieġa ta' statistika ġdida u aktar tempestiva, ikkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, b'mod partikolari fir-rigward tal-istatistika dwar l-enerġija, il-ktajjen tal-provvista, il-migrazzjoni u s-suq tax-xogħol.

Bord Fiskali Ewropew

Il-President tal-Bord Fiskali Ewropew (EFB), ippreżenta r-rapport annwali 2022 tal-EFB.

Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni

Il-Kummissjoni informat lill-ministri dwar l-att dwar it-tnaqqis tal-inflazzjoni u l-konsegwenzi ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti għall-UE.

Laqgħat internazzjonali

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar ir-riżultati tal-laqgħa tal-G20 tal-Ministri għall-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali fit-12 u t-13 ta' Ottubru 2022 u l-laqgħat annwali tal-FMI.

Tassazzjoni: kodiċi ta' kondotta rivedut

Bħala punt mingħajr diskussjoni, illum il-ministri għall-finanzi tal-UE qablu dwar kodiċi ta' kondotta rivedut għat-tassazzjoni tal-intrapriżi: impenn politiku u intergovernattiv mill-istati membri biex japplikaw regoli ta' skrinjar imsaħħa meta jfittxu u jirrimedjaw miżuri ta' tassazzjoni li jistgħu jkunu dannużi għall-bażijiet għat-taxxa ta' stati membri oħra.

Illum, aħna kkonfermajna l-impenn tagħna għal ambjent tat-taxxa aktar ġust fl-UE billi saħħejna r-regoli li napplikaw meta nindirizzaw prattiki dannużi ta' tassazzjoni f'ekonomija li qed tevolvi. L-esperti tagħna fit-tassazzjoni kontinwament ifittxu prattiki dannużi ta' tassazzjoni. Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu fl-1997, il-grupp dwar il-kodiċi tal-kondotta rnexxielu jelimina madwar 140 prattika dannuża ta' tassazzjoni fl-UE. Il-kodiċi ta' kondotta tat-tassazzjoni tal-intrapriżi ilu ma jiġi emendat mill-1997 u l-ftehim tal-lum ikompli jtejjeb l-effettività tiegħu anke fid-dawl tar-riforma fiskali internazzjonali reċenti. Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Vanuatu

Bħala punt mingħajr diskussjoni, illum il-Kunsill iddeċieda li jissospendi kompletament il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża mal-Vanuatu minħabba r-riskji li jirriżultaw mill-iskemi tiegħu ta' ċittadinanza b'investiment (skemi ta' "passaport tad-deheb").

Laqgħat fil-marġini tal-Ecofin

Fil-marġini tal-Ecofin, saret laqgħa ta' djalogu makroekonomikumas-sħab soċjali, li ffokat fuq il-prezzijiet tal-enerġija.

Waqt djalogu annwali bejn il-ministri għall-finanzi u l-ekonomija tal-UE u tal-EFTA, il-parteċipanti qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-prezzijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Il-ministri tal-UE u tal-EFTA għall-finanzi u l-ekonomija ltaqgħu fit-8 ta' Novembru 2022 fi Brussell
Il-ministri tal-UE u tal-EFTA għall-finanzi u l-ekonomija ltaqgħu fit-8 ta' Novembru 2022 fi Brussell

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025