Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 4 ta' Ottubru 2022

Riżultati ewlenin

REPowerEU

Il-Kunsill laħaq il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) dwar il-proposta REPowerEU, pjan biex titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija u tagħti spinta lill-indipendenza u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni.

Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Illum għamilna pass kbir 'il quddiem fit-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa mill-fjuwils fossili tar-Russja. Nixtieq nirringrazzja lill-kollegi tiegħi talli qablu dwar konċessjonijiet sinifikanti sabiex tintlaħaq din il-pożizzjoni ta' kompromess tal-Kunsill. Minħabba l-kuntest ġeopolitiku mindu r-Russja bdiet l-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukrajna, u minħabba l-aħħar attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ewropa, jenħtieġ tassew li ninsistu għal qbil rapidu dwar din il-proposta. U l-presidenza Ċeka hija determinata bis-sħiħ li twettaq il-wegħda tagħha li tbiddel radikalment is-settur tal-enerġija tal-Unjoni u ttemm id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi.
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Prezzijiet għoljin tal-enerġija u swieq finanzjarji

Il-ministri ddiskutew ir-rwol tas-swieq finanzjarji rigward il-volatilità kbira tal-prezzijiet tal-enerġija u miżuri ta' politika potenzjali, abbażi ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni. Dan huwa parti mill-isforzi biex jiġi evitat li r-riskji jinfirxu fis-sistema finanzjarja.

Il-ministri ikkonċentraw fuq is-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, peress li ħafna fornituri tal-elettriku qed jiffaċċjaw "appelli għall-marġni" kbar minn l-hekk imsejħa "kontropartijiet ċentrali" fejn jiġu kklerjati negozji individwali. Appelli għall-marġni jirriflettu l-obbligu li jiġi pprovdut kollateral, normalment fi flus kontanti, biex jiġi kkumpensat ir-riskju tar-rendiment tat-tranżazzjoni derivattiva. Bħalissa, l-appelli għall-marġni huma tant għoljin, xprunati miż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-enerġija, li f'ħafna każijiet il-fornituri tal-enerġija kellhom jirrikorru għand il-gvernijiet biex jitolbu appoġġ ta' likwidità, anke għax il-banek mhumiex lesti li jipprovdu self addizzjonali.

Il-Presidenza kkonkludiet li l-iskambju kkonferma li l-biċċa l-kbira tal-ministri jistgħu jaqblu ma' bidliet immirati, pereżempju billi jwessgħu l-ġabra ta' kollateral eliġibbli, u użu aħjar tal-hekk imsejħa "salvavita" jew "parametru tal-prezz", kif ukoll li jadattaw il-qafas temporanju għall-għajnuna mill-istat. Ġiet appoġġata wkoll il-ħidma fuq valur referenzjarju addizzjonali tal-prezz tal-gass LNG li għandu jiġi stabbilit mis-settur privat qabel l-istaġun tal-mili li jmiss (qabel l-aħħar ta' Marzu 2023).

Konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill qasam il-fehmiet dwar l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE qed ikomplu jsegwu dawn l-iżviluppi mill-qrib. L-appoġġ għall-Ukrajna u l-irkupru tagħha ta' wara l-gwerra huma prijorità politika ewlenija tal-Presidenza Ċeka.

NextGenerationEU: Pjan nazzjonali tan-Netherlands

Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni attwali. Il-Kunsill adotta wkoll id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-pjan nazzjonali tan-Netherlands. Wara l-adozzjoni formali ta' din id-deċiżjoni llum, in-Netherlands jistgħu jużaw il-fondi tal-faċilità sa allokazzjoni totali ta' €4.7 biljun f'għotjiet. Dan il-finanzjament ser jippermetti lin-Netherlands irawmu l-irkupru ekonomiku tagħhom mill-pandemija tal-COVID-19 u jiffinanzjaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

Ninsab kuntent ħafna li llum iddeċidejna li nappoġġaw il-pjan ta' rkupru tan-Netherlands. Il-finanzjament ta' €4.7 biljun qed jasal fil-waqt it-tajjeb għalihom, peress li ser ikompli jsaħħaħ l-ekonomija Netherlandiża, billi jagħmilha aktar reżiljenti fil-kriżi tal-enerġija attwali. Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja
Grafika: Il-fond għall-irkupru tal-UE jappoġġa l-istati membri biex jagħti spinta lill-ekonomija u jibni Ewropa aktar reżiljenti, ambjentali u diġitali.
Fond għall-irkupru: l-UE tagħti riżultati (Infografika)

Fond għall-irkupru: l-UE tagħti riżultati (Infografika)

Lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx

L-UE tkompli tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u tindirizza prattiki tat-taxxa dannużi. Il-Kunsill illum iddeċieda li jżid lil Anguilla, il-Bahamas u l-Gżejjer Turks u Caicos mal-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. B'dawn iż-żidiet, il-lista tal-UE issa hi magħmula minn 12-il ġuriżdizzjoni: is-Samoa Amerikana, Anguilla, il-Bahamas, Fiġi, Guam, Palau, il-Panama, Samoa, Trinidad u Tobago, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti, Vanuatu.

It-tassazzjoni ġusta tan-negozji ngawdu minnha aħna lkoll. Huwa għalhekk li l-UE u s-sħab internazzjonali jaqsmu interess komuni fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti. Nemmen li t-12 pajjiż kollha fil-lista ser jirrispettaw l-impenji tagħhom u jwettqu r-riformi meħtieġa fil-qasam tat-tassazzjoni malajr kemm jista' jkun, sabiex ikunu jistgħu jitħassru minn din il-lista meta nerġgħu nirreveduha fi żmien sitt xhur. Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Din il-lista aġġornata tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx tinkludi pajjiżi li ma ħadux sehem fi djalogu kostruttiv mal-UE dwar il-governanza tat-taxxa jew naqsu milli jwettqu l-impenji tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa. Dawn ir-riformi għandu jkollhom l-għan li jikkonformaw ma' sett ta' kriterji ta' governanza tajba oġġettivi fil-qasam tat-taxxa, li jinkludu t-trasparenza tat-taxxa, it-tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali mfassla biex jipprevjenu l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti.

Id-dwana tal-UE

Il-ministri ddiskutew ir-rwol fiskali u mhux fiskali tad-dwana tal-UE. Huma qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif jista' jinstab bilanċ bejn l-għadd kbir ta' kompiti mhux fiskali ġodda mogħtija lid-dwana u l-kompiti tradizzjonali relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u r-rekwiżit inerenti biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Huma ddiskutew ukoll jekk ir-rwol ċentrali u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet doganali għandhomx jissaħħu u jekk iva, f'liema oqsma.

Din id-diskussjoni saret fl-isfond ta' evoluzzjoni sostantiva tal-ambjent li fih joperaw l-amministrazzjonijiet doganali. F'dawn l-aħħar snin żdied it-tħassib dwar is-sigurtà u s-sikurezza, il-kwistjonijiet ambjentali saru mill-aktar importanti u għadd kbir ta' miżuri restrittivi, sikwit implimentati mid-dwana fuq il-post, iddaħħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-gwerra kontra l-Ukrajna.

Bħalissa, hemm aktar minn 350 att leġiżlattiv, li jkopru fost l-oħrajn il-prekursuri tad-droga, l-oġġetti b'użu doppju, l-armi, il-flussi tal-flus kontanti, il-prodotti mediċi eċċ. li jirrikjedu li d-dwana tivverifika l-konformità tal-prodotti u l-ammissibbiltà tal-oġġetti li jidħlu jew joħorġu mill-UE. Minbarra li jwettqu din il-firxa wiesgħa ta' kompiti ta' kontroll, l-awtoritajiet doganali għadhom responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Id-dwana tal-UE tiġbor aktar minn € 70 biljun fis-sena fil-fruntiera tal-UE, inkluż dazji doganali ta' kważi € 25 biljun fl-2021.

Finanzjament għall-klima

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima qabel il-COP27 tal-UNFCCC. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill issottolinja l-impenn qawwi tiegħu li jagħti riżultati b'rabta mal-finanzjament għall-klima.

L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributur dinji għall-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-klima, u mill-2013 'l hawn irduppjaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament għall-klima biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Laqgħat annwali tal-G20 u tal-FMI

Il-Kunsill approva t-termini ta' referenza tal-UE għal-laqgħa tal-G20 tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tat-12-13 ta' Ottubru 2022 f'Washington, DC, u l-istqarrija lill-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC).

Regolament "Daisy Chain"

Il-Kunsill adotta regolament li jsaħħaħ il-qafas regolatorju prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li joperaw fl-Unjoni. Ir-regolament "Daisy Chain" jintroduċi aġġustamenti mmirati li jtejbu r-riżolvibbiltà tal-banek. Dan jgħin biex jiżgura li l-banek jibqgħu reżiljenti u kapaċi jifilħu għal xokkijiet.

Kif juru l-konsegwenzi ekonomiċi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa ta' importanza kbira li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju Ewropew. Ir-regoli l-ġodda li adottajna llum ser jiżguraw li jkollna banek stabbli u reżiljenti mingħajr ma nimponu żieda sinifikanti fir-rekwiżiti kapitali fuqhom. Anke gruppi bankarji kumplessi ser ikunu mħejjija aħjar biex jifilħu għal xokkijiet preżenti u futuri. Zbyněk Stanjura, Ministru għall-Finanzi taċ-Ċekja

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi attwali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Fost l-oħrajn, dan jikkonċerna l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus, ir-regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCA), kif ukoll ir-regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

Barra minn hekk, wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill ħa nota tal-istatus ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji.

Att dwar is-Servizzi Diġitali

Il-Kunsill illum ta l-aħħar approvazzjoni finali tiegħu biex iżid il-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti online permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Dan l-Att jistabbilixxi standards ġodda għal ambjent online aktar sikur u aktar responsabbli. Dan huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed bħalu fid-dinja fil-qasam tar-regolamentazzjoni diġitali: l-ebda att leġiżlattiv ieħor ma għandu dan il-livell ta' ambizzjoni fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi u s-superviżjoni online filwaqt li jippreserva l-prinċipji ewlenin tas-suq intern. Wara li l-Kunsill approva l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att leġiżlattiv ġie adottat.

Pagi minimi

Il-Kunsill approva liġi ġdida tal-UE li ser tippromwovi l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji u b'hekk tgħin biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-impjegati fl-Ewropa. Id-direttiva tistabbilixxi proċeduri għall-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji, tippromwovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u ttejjeb l-aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima għal dawk il-ħaddiema li huma intitolati għal paga minima skont il-liġi nazzjonali.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025