Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 16-17/06/2016, 16 u 17 ta' Ġunju 2016

Riżultati ewlenin

Impjiegi u Politika Soċjali

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-aspetti tal-impjiegi u l-politika soċjali tal-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew 2016 u approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI.

Il-kooperazzjoni Ewropea hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-omofobija globali u sabiex jittejbu d-drittijiet tan-nisa. Huwa importanti li l-Ewropa turi x'inhi l-pożizzjoni tagħha. Id-drittijiet tal-omosesswali u d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem, mingħajr limiti Lodewijk Asscher, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi tan-Netherlands

Il-President tal-Kunsill, is-Sur Lodewijk Asscher, il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, iddikjara "Il-kooperazzjoni Ewropea hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-omofobija globali u sabiex jittejbu d-drittijiet tan-nisa. Huwa importanti li l-Ewropa turi x'inhi l-pożizzjoni tagħha. Id-drittijiet tal-omosesswali u d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem, mingħajr limiti. Kulħadd għandu d-dritt li jkun dak li jrid ikun, irrispettivament mill-isfond jew l-oriġini. Huwa importanti ħafna li issa għandna viżjoni u għan Ewropew komuni li jiżguraw azzjoni kollettiva kontra pajjiżi u organizzazzjonijiet li jiksru l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, irġiel gay, leżbjani, persuni bisesswali u transesswali u intersesswali.”

Il-Kunsill ħa nota tar-rapporti ta’ progress fl-aċċessibbiltà għal oġġetti u servizzi, karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, it-trattament ugwali u dwar id-direttivi dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema. Rigward l-istazzjonar ta’ ħaddiema, il-Kummissjoni aġġornat lill-istati membri dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proċedura tal-karta s-safra.

Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-ftehim tas-sħab soċjali settorjali fil-livell tal-UE dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-ILO.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett ta’ ħiliet il-ġdid lill-Kunsill.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar id-djalogu soċjali u dwar il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Saħħa

Apparat mediku

Il-Kunsill laqa’ l-qbil politiku li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda tal-UE għal apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro. Il-Ministri rringrazzjaw lill-presidenza għall-isforzi tagħha u jistennew b’interess l-adozzjoni taż-żewġ regolamenti l-ġodda mistennija fl-aħħar tas-sena. "Ir-regoli l-ġodda tal-UE huma importanti għall-pazjenti u għall-kumpaniji: huma jgħinu biex jiżguraw li l-apparat mediku jkun sikur u jippermetti lill-pazjenti jgawdu minn soluzzjonijiet innovattivi tal-kura tas-saħħa f’waqthom. Huma jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE billi joffru lill-manifatturi l-qafas legali ġust biex jipproduċu apparat li l-pazjenti għandhom bżonn", qalet Edith Schippers, Ministru għas-Saħħa tan-Netherlands u President tal-Kunsill.

Reżistenza għall-antimikrobiċi

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

Tul dawn l-aħħar 30 sena, ma ġew żviluppati ebda tipi ġodda maġġuri ta’ antibijotiċi. Ir-reżistenza għall-antibijotiċi m’għadhiex xi ħaġa tal-futur, iżda qed isseħħ bħalissa, madwar id-dinja. Edith Schippers, Ministru għas-Saħħa tan-Netherlands

Billi tipprevjeni t-trattament effettiv tal-infezzjonijiet ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tikkawża 700 000 mewt kull sena madwar id-dinja, u 25 000 fl-Ewropa. Il-Kunsill stieden lill-istati membri biex sa nofs l-2017 ikollhom fis-seħħ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu miri li jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis tal-infezzjonijiet fil-bnedmin u fl-annimali, kif ukoll l-użu tal-antimikrobiċi kemm fis-settur uman u kif ukoll f’dak veterinarju. Il-Kunsill appella wkoll għal pjan ta’ azzjoni ġdid tal-UE dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi bbażat fuq l-approċċ “saħħa waħda” li jkopri l-oqsma rilevanti kollha: il-mediċina umana u veterinarja, l-ambjenti u setturi oħra. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jgħin biex jittieħdu passi ulterjuri għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u biex jiġi stabbilit l-istadju li jmiss fl-iżvilupp ta’ antibijotiċi ġodda. "Tul dawn l-aħħar 30 sena, ma ġew żviluppati ebda tipi ġodda maġġuri ta’ antibijotiċi", qalet Edith Schippers, filwaqt li żiedet tgħid: "Ir-reżistenza għall-antibijotiċi m’għadhiex xi ħaġa tal-futur, iżda qed isseħħ bħalissa, madwar id-dinja."

Sistema farmaċewtika

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal miżuri li jiżguraw li l-pazjenti jkollhom aċċess għal mediċini essenzjali bi prezzijiet affordabbli. Minħabba l-fallimenti tas-suq fis-settur farmaċewtiku, l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini importanti xi drabi jitpoġġa f’riskju minħabba prezzijiet għoljin ħafna, l-irtirar ta’ prodotti bi privattiva skaduta u minħabba li mhux dejjem jiġu introdotti prodotti ġodda għas-swieq nazzjonali kollha. Il-Kunsill stieden lill-istati membri biex jikkunsidraw il-kooperazzjoni volontarja sabiex jindirizzaw din il-problema. Il-Kummissjoni kienet mistiedna twettaq analiżi fil-fond tal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi, l-inċentivi relatati u l-impatt tagħhom fuq id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-innovazzjoni. “Jeħtieġ li l-kura medika tibqa’ affordabbli fit-tul. Il-prezzijiet li aħna nħallsu għall-mediċini għandhom għalhekk isibu bilanċ bejn l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-produzzjoni minn naħa waħda, u l-valur għas-soċjetà min-naħa l-oħra", qalet Edith Schippers.

Titjib fl-ikel

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet bl-għan li jgħin lill-konsumaturi jagħżlu faċilment ikel li huwa tajjeb għas-saħħa. Il-Ministri appellaw biex jitnaqqsu l-livelli tal-melħ, xaħam saturat, zokkor u enerġija miżjuda kif ukoll id-daqs żgħir tal-porzjonijiet . L-Istati Membri ġew mistiedna biex iħejju pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel sabiex sal-2020 ikun eħfef għall-konsumaturi li jagħżlu ikel tajjeb għas-saħħa. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tivvaluta l-valuri referenzjarji eżistenti għat-tnaqqis tal-melħ u xaħmijiet saturati, u tappoġġa l-iżvilupp ta’ valuri referenzjarji ġodda possibbli, kif sar dan l-aħħar għaz-zokkor.

Streaming dirett, filmati u ritratti

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025