"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Politika soċjali), 20 ta' Ġunju 2024

Riżultati ewlenin

Direttiva dwar il-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu ("approċċ ġenerali") dwar proposta biex jiġu emendati r-regoli eżistenti li jirregolaw il-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet (EWCs).

Id-Direttiva dwar il-kunsill Ewropew tax-xogħlijiet ser tiżgura li l-EWCs ikunu aktar faċli biex jiġu stabbiliti, iffinanzjati aħjar u protetti aħjar.

L-eżenzjonijiet attwali mill-applikazzjoni tad-direttiva mhux ser jibqgħu japplikaw, li jfisser li fil-kumpaniji rilevanti kollha japplikaw l-istess rekwiżiti minimi li għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, inkluż għat-twaqqif ta' EWCs.

Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tas-suq intern, bl-għan li jiġi esplorat ir-rwol tas-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali fil-ħolqien ta' suq uniku sostenibbli għal kulħadd.

Matul id-diskussjoni, il-ministri vvalutaw il-proposti mressqa fir-rapport ta' Letta rigward l-impjiegi, il-ħiliet u l-politiki soċjali, u l-governanza tagħhom. Huma identifikaw ukoll liema mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport għandhom jingħataw prijorità, u ddiskutew ir-rilevanza ta' elementi oħra relatati mal-aġenda tal-impjiegi, dik soċjali u tal-ugwaljanza mill-perspettiva ta' suq uniku sostenibbli u inklużiv.

Il-ministri laqgħu r-rapport ta' Letta u enfasizzaw ċerti elementi, inkluż il-kunċett ta' "libertà li persuna tibqa'", li jfisser li n-nies ma għandhomx iħossuhom imġiegħla jitilqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom biex ifittxu kundizzjonijiet aħjar. Ħafna stati membri enfasizzaw li t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività mhumiex possibbli mingħajr politiki soċjali effettivi, filwaqt li oħrajn indikaw il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema permezz tat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, u l-iffaċilitar tar-reklutaġġ ta' migranti mhux tal-UE b'ħiliet rilevanti, filwaqt li jiġi evitat ukoll id-dumping soċjali.

Direttiva dwar it-trattament ugwali

Il-Kunsill iddiskuta rapport ta' progress dwar id-direttiva proposta li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali (inkluż is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa), il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal oġġetti u servizzi (inkluż l-akkomodazzjoni).

Marie-Colline Leroy, Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, l-Opportunitajiet Indaqs u d-Diversità tal-Belġju

Il-presidenza Belġjana fittxet li tpoġġi l-ugwaljanza fil-qalba tal-politika tal-UE, u dan mhuwa imkien aktar rilevanti milli meta jiġi applikat il-prinċipju ta' trattament ugwali. Aħna kburin li pproduċejna test li l-maġġoranza l-kbira tal-istati membri jistgħu jappoġġaw, u ser inkomplu naħdmu mal-presidenzi futuri biex niżguraw il-protezzjoni għall-vittmi tad-diskriminazzjoni f'oqsma barra mill-impjieg.

Marie-Colline Leroy, Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, l-Opportunitajiet Indaqs u d-Diversità tal-Belġju

Marie-Colline Leroy, Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, l-Opportunitajiet Indaqs u d-Diversità tal-Belġju

Qafas ta' kwalità msaħħaħ għat-traineeships

Il-Kunsill ħa nota tar-rapporti ta' progress dwar id-direttiva dwar it-traineeships u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta' kwalità msaħħaħ għat-traineeships, li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fl-20 ta' Marzu 2024 bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-trainees, inkluż il-pagi, tiġi promossa l-inklużività u tissaħħaħ il-kwalità tat-traineeships fl-UE.

Semestru Ewropew

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew, għall-ewwel darba b'analiżi f'żewġ stadji tal-isfidi tal-impjiegi, tal-ħiliet u dawk soċjali f'kull Stat Membru, abbażi tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta u l-prinċipji Qafas ta' Konverġenza Soċjali. Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-preżentazzjoni ta' opinjoni mill-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) dwar il-konverġenza soċjali fl-UE.

Id-dikjarazzjoni ta' La Hulpe

Il-ministri ddiskutew id-dikjarazzjoni ta' La Hulpe dwar il-futur tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li tafferma mill-ġdid il-pilastru bħala l-boxxla li tiggwida l-ħidma dwar l-oqsma ta' politika tal-impjiegi, dik soċjali u tal-ugwaljanza. Il-presidenza Belġjana enfasizzat li d-dikjarazzjoni, li kienet appoġġata mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u maġġoranza kbira tal-istati membri u s-sħab soċjali, ser tipprovdi kontribut siewi fl-aġenda strateġika tal-UE li jmiss għall-2024-2029 u tibgħat messaġġ ċar dwar il-ħtieġa għal aġenda soċjali ambizzjuża.

Il-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u dawk soċjali

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar tal-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u dawk soċjali għal ekonomiji reżiljenti, li jittrattaw in-natura ta' tisħiħ reċiproku tal-objettivi ekonomiċi u soċjali u jistieden lill-istati membri jikkunsidraw it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jivvalutaw l-impatt tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u tal-politiki soċjali fuq it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-produttività.

Il-ministri approvaw ukoll prinċipji gwida volontarji għall-istati membri tal-UE għall-evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi tar-riformi u l-investimenti fl-oqsma tal-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u dawk soċjali, li jistabbilixxu għadd ta' elementi ewlenin biex jgħinu lill-istati membri jevalwaw kif ir-riformi u l-investimenti fl-oqsma tal-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u dawk soċjali jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

L-adegwatezza tal-pensjonijiet

Il-President tal-KPS informa lill-Kunsill rigward il-konklużjonijiet ewlenin dwar ir-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet tal-2024. Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet imħejjija mill-KPS dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet, abbażi tar-rapport tal-2024, li fih innota l-importanza ta' analiżi li tħares 'il quddiem dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet u d-dħul fix-xjuħija. Huwa stieden lill-KPS u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-ħidma tagħhom dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet u l-kura fit-tul u biex jirrapportaw lura fl-2027.

L-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda

Il-Kunsill approva l-messaġġi ewlenin tal-EMCO dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjoni ġiet adottata fi Frar 2016 b'reazzjoni għal-livelli għoljin ta' qgħad fit-tul madwar l-UE li rriżultaw wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dan huwa l-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-ministri rċevew informazzjoni dwar ir-riżerva ta' talent tal-UE, il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, il-programm ta' ħidma tal-presidenza Ungeriża li jmiss, u avvenimenti organizzati mill-presidenza Belġjana.

Dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ħadu sehem f'dibattitu informali dwar kif jistgħu jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn Patt Industrijali Ewropew ġdid u politiki soċjali b'saħħithom.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025