Skip to content

Drittijiet soċjali fl-UE

L-UE tikkoordina l-politiki fl-oqsma tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali biex tappoġġa d-drittijiet soċjali fl-istati membri kollha tal-UE.

L-impenn tal-UE għal kwistjonijiet soċjali

Il-politiki dwar l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE. Dan ifisser li l-gvernijiet nazzjonali jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bħar-regolamentazzjoni tal-pagi, is-sistemi tal-pensjonijiet u l-età tal-irtirar, u l-benefiċċji tal-qgħad.

Madankollu, l-UE ilha għal diversi snin tappoġġa lill-istati membri permezz ta' liġijiet, fondi u għodod biex jikkoordinaw aħjar il-politiki nazzjonali, jippromwovu l-impjiegi, itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata u jiġġieldu l-esklużjoni soċjali.

Fil-Kunsill dawn il-kwistjonijiet jiġu diskussi mill-ministri fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO).

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Biex twassal drittijiet ġodda u aktar effettivi għan-nies u tappoġġa swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw sew, f'Novembru 2017 l-UE stabbiliet il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-pilastru huwa msejjes fuq 20 prinċipju u jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar madwar l-UE. Dan jinkludi għadd ta' inizjattivi biex jiġu żgurati d-drittijiet li ġejjin taċ-ċittadini tal-UE:

  • opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol
  • kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti
  • protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli

Fl-2021, il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid il-wegħda tagħhom li jaħdmu għal Ewropa aktar soċjali fid-Dikjarazzjoni ta' Porto:

Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa trid tkun il-kontinent tal-koeżjoni soċjali u l-prosperità. Aħna naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li naħdmu lejn Ewropa soċjali. Mexxejja tal-UE, Dikjarazzjoni ta' Porto, 7 ta' Mejju 2021

Enfasi fuq l-impjiegi, il-ħiliet u l-edukazzjoni, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa impenn u responsabbiltà politika komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi tal-UE. L-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili lkoll għandhom rwol x'jaqdu f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Fl-2021, l-UE adottat pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jagħti dettalji dwar l-għan tal-UE li timplimenta l-20 prinċipju tal-Pilastru.

F'Porto, il-mexxejja tal-UE approvaw tliet miri tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2030:

Stampa: Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha.
Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Miżuri ewlenin fix-xogħol u l-politika soċjali

Drittijiet soċjali għall-Ewropej li jaħdmu barra minn pajjiżhom

It-Trattat ta' Ruma (1957) diġà kien jinkludi prinċipji fundamentali bħad-dritt tal-ħaddiema li jiċċaqalqu b'mod ħieles fl-UE. Sabiex din il-mobilità ssir possibbli, matul is-snin ġew adottati aktar dispożizzjonijiet, bħal regoli għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, garanziji rigward trattament mediku meta persuna tkun barra minn pajjiżha u salvagwardji b'rabta mad-drittijiet tal-pensjoni diġà miksuba.

Fl-2018, il-pajjiżi tal-UE approvaw leġiżlazzjoni ġdida dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema biex jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post.

Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiżguraw li n-nies ma jitilfux il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom meta jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE. Qed tiġi diskussa reviżjoni ta' din il-leġiżlazzjoni fil-Kunsill, iżda għadu ma ntlaħaqx ftehim mal-Parlament Ewropew biex in-negozjati jitmexxew 'il quddiem.

Xogħol sigur u adattabbli

Fl-2022, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Fiha gwida biex jingħata appoġġ għal impjiegi ta' kwalità u tiffoka fuq miżuri ta' edukazzjoni u taħriġ.

Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

Fl-2022, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment. L-għan tagħha huwa li tgħin lill-adulti fl-età tax-xogħol jaġġornaw u jadattaw il-ħiliet tagħhom fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

Il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjoni biex jiġi stimulat it-tagħlim għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li studenti ta' kull età jiksbu l-għarfien biex jgħixu b'mod aktar sostenibbli, jiksbu l-ħiliet meħtieġa f'suq tax-xogħol li qed jinbidel u jieħdu azzjoni għal futur sostenibbli.

Biex jissaħħaħ it-tagħlim tul il-ħajja, il-Kunsill qed jirrakkomanda lill-istati membri biex jadottaw approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali u b'mod partikolari biex japplikaw definizzjoni komuni tal-UE, standards tal-UE u prinċipji ewlenin għat-tfassil u l-ħruġ ta' mikrokredenzjali.

Titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

L-UE adottat regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol jew ix-xogħol part-time, kif ukoll leġiżlazzjoni biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

L-UE stabbiliet regoli tal-UE li jippromwovu pagi minimi statutorji adegwati fl-Ewropa u jgħinu biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar għall-impjegati fl-Ewropa.

Fl-2019, l-UE adottat regoli li jintroduċu drittijiet minimi ġodda rigward it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn ir-regoli huma mfassla biex iħarsu l-ħaddiema kollha fl-UE, inkluż l-impjegati l-aktar vulnerabbli b'kuntratti atipiċi u f'impjiegi mhux standard, bħall-ħaddiema fl-ekonomija tal-gigs.

F'Ġunju 2024, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu ("approċċ ġenerali") dwar direttiva ġdida li tfittex li ttejjeb l-effettività tar-rappreżentanza tal-ħaddiema f'kumpaniji multinazzjonali kbar. Id-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet ser temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti, biex b'hekk tiffaċilita l-istabbiliment tagħhom, tiffinanzjahom aħjar u tipproteġihom aħjar. Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (EWCs) jirrappreżentaw ħaddiema Ewropejf'kumpaniji multinazzjonali kbar li joperaw f'mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Dawn huma l-istrument ewlieni għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati dwar deċiżjonijiet ippjanati relatati ma' kwistjonijiet tranżnazzjonali.

Bħala tweġiba għall-isfidi dejjem jikbru tal-ekonomija tal-pjattaformi, l-UE qed taħdem fuq regoli ġodda dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi.

L-UE trid ukoll tiżgura bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema kollha. Fl-2019, il-pajjiżi tal-UE adottaw regoli ġodda biex jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol u l-ħajja privata tal-impjegati u jsaħħu d-drittijiet tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw.

Awtorità Ewropea tax-Xogħol

Fl-2019, il-pajjiżi tal-UE approvaw ukoll pjanijiet biex titwaqqaf Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tiżgura l-applikazzjoni ġusta u sempliċi tar-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE jaġġornaw regolarment il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-persuni fuq il-post tax-xogħol, pereżempju billi jistabbilixxu valuri ta' limitu ta' esponiment aktar stretti għal sustanzi kimiċi perikolużi, pereżempju l-asbestos.

Stampa: Ħaddiema lebsin tagħmir protettiv u jneħħu l-asbestos minn saqaf.
L-impatt tal-asbestos fuq is-saħħa tal-ħaddiema (Infografika)

L-impatt tal-asbestos fuq is-saħħa tal-ħaddiema (Infografika)

Inklużjoni soċjali u opportunitajiet indaqs

L-UE ħadet azzjoni wkoll biex tiżgura l-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali fis-soċjetà. It-Trattati għandhom minqux fihom id-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jistabbilixxu l-prinċipju ta' paga ugwali għan-nisa u l-irġiel.

L-UE għandha regoli:

  • biex tippromwovi rappreżentazzjoni aktar bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati
  • dwar it-trasparenza fil-pagi
  • li jagħmluha illegali li ssir diskriminazzjoni kontra persuni abbażi tar-razza jew l-etniċità tagħhom
  • dwar servizzi aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà

Iċ-ċittadini tal-UE huma mħarsa wkoll mid-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol.

L-UE tiġġieled id-diskriminazzjoni kontra r-Rom

L-UE tenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali tar-Rom fis-soċjetà. L-istati membri huma impenjati li jiġġieldu b'mod effettiv id-diskriminazzjoni kontra r-Rom u li jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fl-oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Fit-12 ta' Marzu 2021, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom. Ir-rakkomandazzjoni tinkludi miżuri biex:

  • tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni online u offline (inkluż il-fastidju, l-antiżingariżmu, l-istereotipizzazzjoni, ir-retorika kontra r-Rom u d-diskors ta' mibegħda)
  • tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni multipla u strutturali kontra r-Rom, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà
  • jiġu promossi attivitajiet u kampanji ta' sensibilizzazzjoni multikulturali fl-iskejjel

Korpi tal-ugwaljanza

Sabiex tgħin tippromwovi l-ugwaljanza u tipprevjeni d-diskriminazzjoni, l-UE stipulat li l-istati membri kollha jridu jistabbilixxu korpi nazzjonali tal-ugwaljanza biex jittrattaw każijiet ta' diskriminazzjoni abbażi ta' ġeneru, u oriġini razzjali jew etnika.

L-UE adottat regoli ġodda f'Mejju 2024 bl-għan li ttejjeb l-effettività ta' dawn il-korpi u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. Dawn jistabbilixxu rekwiżiti minimi komuni mal-UE kollha għall-korpi tal-ugwaljanza f'għadd ta' oqsma ewlenin, inkluż:

  • kompetenzi msaħħa għall-korpi tal-ugwaljanza biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fil-qasam tax-xogħol, u d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-qasam tas-sigurtà soċjali
  • rekwiżit legali biex il-korpi tal-ugwaljanza jkunu indipendenti minn influwenza esterna
  • rekwiżit legali biex il-korpi tal-ugwaljanza jingħataw biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji
  • rekwiżit għall-istituzzjonijiet pubbliċi biex jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni, u li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jwettqu attivitajiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u jippromwovu t-trattament ugwali, pereżempju, billi jippromwovu azzjoni pożittiva u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza
  • setgħat akbar biex jitwettqu inkjesti u jkun hemm involviment fis-soluzzjoni tat-tilwim f'każijiet ta' diskriminazzjoni, f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali

Il-ġlieda kontra l-faqar

L-UE stabbiliet ukoll Fond speċifiku għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) biex jappoġġa inizjattivi nazzjonali biex jiġu pprovduti ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn flimkien ma' gwida u appoġġ biex persuni jiġu megħjuna joħorġu mill-faqar.

Garanzija Ewropea għat-Tfal

Fl-2021, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, biex tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali tat-tfal fil-bżonn.

Il-pajjiżi tal-UE ħadu l-impenn li jiggarantixxu l-aċċess għal sett ta' servizzi ewlenin, biex b'hekk dan jgħin fil-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal billi jiġi miġġieled il-faqar tat-tfal u jitrawmu opportunitajiet indaqs.

Stampa: Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal.
Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal (Infografika)

Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal (Infografika)

Impjiegi taż-żgħażagħ

F'dawn l-aħħar snin, ittieħdu xi miżuri speċifiċi biex jiġu evitati l-inugwaljanzi, u speċjalment biex jingħata appoġġ liż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, fl-2013 il-pajjiżi tal-UE qablu li jniedu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inizjattiva tal-UE biex kull persuna taħt il-25 sena tingħata offerta ta' kwalità tajba ta' xogħol, tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta ssir qiegħda jew minn meta titlaq mill-edukazzjoni formali.

Assistenza lill-persuni qiegħda

Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-UE ħolqot strument temporanju biex tappoġġa lill-ħaddiema u lin-negozji li ntlaqtu mill-kriżi. Dan il-programm ta' appoġġ temporanju, imsejjaħ SURE, jagħmel disponibbli self b'termini favorevoli lill-pajjiżi tal-UE biex jgħinhom jiffinanzjaw skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili. Il-programm huwa maħsub biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jħarsu l-impjiegi u l-ħaddiema mir-riskju tal-qgħad u t-telf tal-introjtu minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-pandemija.

Fl-2020, il-pajjiżi tal-UE laħqu qbil ukoll dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Dan l-istrument inħoloq fl-2007 biex jappoġġa lill-ħaddiema li ġew issensjati minħabba ristrutturar, meta pereżempju kumpaniji kbar jagħlqu jew il-produzzjoni titmexxa barra mill-UE. Il-fond jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema Ewropej, billi jgħinhom jitħarrġu mill-ġdid, itejbu l-ħiliet u jsibu impjiegi ġodda.

Nisa b'saħħithom, Ewropa b'saħħitha

Biex niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta' Marzu, ġbarna 8 stejjer ta' ispirazzjoni minn 8 nisa li għandhom il-kuraġġ jgħixu dak li jemmnu.

Għalkemm il-kisbiet tagħhom huma differenti, kull waħda minnhom tikkontribwixxi bil-mod tagħha biex is-soċjetà Ewropea ssir aktar ġusta u inklużiva.

Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa wkoll opportunità tajba biex inħarsu lura lejn il-vjaġġ kollettiv tagħna matul id-deċennji, filwaqt li nidentifikaw l-avvanzi fil-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza.

Illustrazzjoni: 8 nisa li jikkontribwixxu biex is-soċjetà Ewropea ssir aktar ġusta u aktar inklużiva.
L-istorja ta' 8 nisa li qed jikkontribwixxu biex l-Ewropa ssir aktar ġusta u aktar inklużiva

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025