Skip to content

Ir-regoli tal-UE dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Ix-xogħol fuq il-pjattaformi huwa mezz ġdid tat-tqabbil tal-provvista u d-domanda għal xogħol imħallas. L-UE trid regoli ġodda biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fl-ekonomija tal-gigs.

X'inhu x-xogħol fuq il-pjattaformi?

Ix-xogħol fuq il-pjattaformi huwa forma ta' impjieg li fih l-organizzazzjonijiet jew l-individwi jużaw pjattaforma online biex jaċċessaw organizzazzjonijiet jew individwi oħrajn biex isolvu problemi speċifiċi jew biex jipprovdu servizzi speċifiċi bi ħlas.

L-ekonomija tal-pjattaformi diġitali qed tikber malajr. Matul il-pandemija tal-COVID-19, ix-xogħol fuq il-pjattaformi qabad ir-ritmu u beda jiġi integrat fil-ħajja ta' kuljum, minn banda minħabba ż-żieda fil-kunsinni tal-ikel u tax-xirjiet tal-merċa. Qed isir mutur għall-innovazzjoni u t-tkabbir fl-impjiegi.

Ix-xogħol fuq il-pjattaformi għandu forom differenti, xi drabi jissejjaħ ukoll "l-ekonomija tal-gigs". Filwaqt li t-tkabbir tal-pjattaformi diġitali huwa ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi, wassal għall-iżvilupp ta' sitwazzjoni inċerta għal ħafna ħaddiema f'dak li għandu x'jaqsam mal-istatus ta' impjieg tagħhom.

L-UE hija l-ewwel leġiżlatur fid-dinja li pprova jipproponi regoli speċifiċi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

Id-direttiva tintroduċi żewġ elementi ta' titjib ewlenin:

  • tgħin biex jiġi determinat l-istatus korrett tal-impjieg tal-persuni li jaħdmu għall-pjattaformi diġitali
  • tistabbilixxi l-ewwel regoli tal-UE dwar l-użu ta' sistemi ta' algoritmi fuq il-post tax-xogħol

Il-ħaddiema fi pjattaformi diġitali tax-xogħol

Aktar minn 28 miljun persuna fl-UE jaħdmu permezz ta' waħda (jew aktar) minn dawn il-pjattaformi diġitali tax-xogħol. Fl-2025, dak in-numru mistenni jilħaq 43 miljun persuna.

Il-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jwettqu varjetà sħiħa ta' kompiti, inkluż dawk fuq il-post u mhux fuq il-post (mill-bogħod). Pereżempju, dawn il-kompiti jistgħu jkunu l-kunsinna, it-traduzzjoni, l-input ta' data, l-indukrar tat-tfal, il-kura tal-anzjani, jew is-sewqan tat-taxis.

Ix-xogħol fuq il-pjattaformi ġeneralment ikun sors ta' dħul sekondarju, minbarra x-xogħol regolari tagħhom.

Ħaddiema tal-pjattaformi: impjegati jew ħaddiema għal rashom?

Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tal-pjattaformi tal-UE, fosthom ix-xufiera tat-taxis, il-ħaddiema domestiċi u s-sewwieqa tal-konsenja tal-ikel, formalment jaħdmu għal rashom. Madankollu, għadd minnhom ikollhom jirrispettaw bosta mill-istess regoli u restrizzjonijiet bħal ħaddiem impjegat.

Dan jindika li fil-fatt huma f'relazzjoni ta' impjieg u għalhekk għandhom igawdu mid-drittijiet tal-ħaddiema u mill-protezzjoni soċjali mogħtija lill-impjegati skont id-dritt nazzjonali u tal-UE.

It-titjib tal-aċċess tagħhom għad-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali jfisser ukoll it-titjib tal-kwalità ġenerali tax-xogħol offrut u t-termini tal-impjieg għall-ħaddiema involuti fix-xogħol fuq il-pjattaformi.

Dan ifisser pereżempju li jkollhom aċċess għal opzjonijiet ta' benefiċċji tal-mard, benefiċċji tal-qgħad jew skemi ta' appoġġ għall-introjtu.

Filwaqt li l-liġijiet tax-xogħol japplikaw għall-ħaddiema tal-pjattaformi li huma impjegati, ħafna ħaddiema tal-pjattaformi – tal-anqas formalment – huma ħaddiema għal rashom. Il-qrati fi kwalunkwe post fl-UE jiddeċiedu dwar l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiema tal-pjattaformi skont il-każ.

L-istati membri għandhom approċċi differenti għax-xogħol fuq il-pjattaformi. Ir-risponsi nazzjonali għax-xogħol fuq il-pjattaformi huma diversi u mhux qed jiżviluppaw bl-istess mod madwar l-Ewropa, fil-biċċa l-kbira leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata f'setturi speċifiċi, pereżempju, fis-setturi tas-servizzi tar-ride-hailing u/jew tal-kunsinna tal-ikel.

Illustrazzjoni: data dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali.
Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali fl-UE taħt il-lenti (Infografika)

Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali fl-UE taħt il-lenti (Infografika)

Regoli ġodda tal-UE dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Status ta' impjieg

Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw każijiet ta' klassifikazzjoni ħażina tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jagħmluha aktar faċli biex dawn il-ħaddiema jiġu riklassfikati bħala impjegati u hekk jiġi garantit aċċess aktar faċli għad-drittijiet tagħhom bħala impjegati skont id-dritt tal-UE.

Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fit-8 ta' Frar 2024 jintroduċi preżunzjoni legali effettiva u konfutabbli. Skont dan il-ftehim, ir-relazzjoni bejn pjattaforma tax-xogħol diġitali u persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi għandha tkun legalment preżunta li hija relazzjoni ta' impjieg meta jinstabu fatti li jindikawkontroll u direzzjoni, skont id-dritt nazzjonali, ftehimiet kollettivi jew prattika fis-seħħ fl-istati membri.

Jekk il-pjattaforma diġitali trid tikkonfuta din il-preżunzjoni, trid turi li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni mhijiex relazzjoni ta' impjieg.

Huwa f'idejn l-istati membri li jistabbilixxu l-modalitajiet ta' tali preżunzjoni legali fil-liġi nazzjonali tagħhom. Il-preżunzjoni għandha tagħmilha aktar faċli minn perspettiva proċedurali għall-ħaddiema tal-pjattaformi biex jaċċertaw legalment l-istatus fl-impjieg tagħhom.

L-użu ta' algoritmi fil-post tax-xogħol

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw l-algoritmi għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Dawn is-sistemi jintużaw biex jorganizzaw u jiġġestixxu l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-applikazzjonijiet jew is-siti web tagħhom.

Skont ir-regoli l-ġodda, il-ħaddiema ser ikollhom jiġu infurmati dwar l-użu ta' monitoraġġ awtomatizzat u sistemi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Barra minn hekk, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali mhux ser ikunu jistgħu jipproċessaw ċerti tipi ta' data personali, bħal:

  • data personali dwar l-istat emottiv jew psikoloġiku tal-ħaddiema tal-pjattaformi
  • data relatata ma' konverżazzjonijiet privati
  • data biex titbassar l-attività attwali jew potenzjali tat-trade unions
  • data użata biex tiddeduċi l-oriġini razzjali jew etnika, l-istatus ta' migrazzjoni, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew l-istatus tas-saħħa ta' ħaddiem
  • data bijometrika, minbarra data użata għall-awtentikazzjoni

Fi kwalunkwe każ, skont ir-regoli l-ġodda, dawn is-sistemi jeħtieġ jiġu sorveljati minn persunal kwalifikat, li jgawdi protezzjoni speċjali minn trattament ħażin. Is-sorveljanza umana hija garantita wkoll għal deċiżjonijiet sinifikanti bħas-sospensjoni tal-kontijiet.

Infurzar, trasparenza u traċċabbiltà

L-awtoritajiet nazzjonali spiss isibuha diffiċli biex jaċċessaw data dwar il-pjattaformi u l-persuni li jaħdmu permezz tagħhom. Dan huwa saħansitra aktar diffiċli meta l-pjattaformi joperaw f'diversi stati membri, u minħabba f'hekk ma jkunx ċar fejn jitwettaq ix-xogħol tal-pjattaforma u minn min.

Din id-direttiva ser tiċċara l-obbligi eżistenti għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jiddikjaraw ix-xogħol lill-awtoritajiet nazzjonali. Ser titlob ukoll lill-pjattaformi biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali informazzjoni importanti dwar l-attivitajiet tagħhom u l-persuni li jaħdmu permezz tagħhom.

L-ekonomija tal-pjattaformi

Hemm madwar 500 pjattaforma tax-xogħol diġitali li joperaw fl-UE. Hemm pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma attivi f'kull pajjiż tal-UE.

It-tkabbir tal-ekonomija tal-pjattaformi jidher mill-fatt li bejn l-2016 u l-2020, l-introjtu fl-ekonomija tal-pjattaformi kiber bi kważi ħames darbiet minn stima ta' madwar €3 biljun għal madwar €14-il biljun.

L-akbar introjtu huwa stmat li jinsab fis-setturi tas-servizzi tal-kunsinna u tat-taxis.

Illustrazzjoni: ħarsa ġenerali lejn l-ekonomija tal-pjattaformi tal-UE.
L-ekonomija tal-pjattaformi fl-UE (Infografika)

L-ekonomija tal-pjattaformi fl-UE (Infografika)

Fil‑Kunsill

Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġà jissemmew f'xi liġijiet tal-UE bħad-direttiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli.

Issir referenza wkoll għall-ħaddiema tal-pjattaformi fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur laħaq qbil politiku dwar din ir-rakkomandazzjoni fis-6 ta' Diċembru 2018.

Il-Kunsill kien iddiskuta forom ġodda ta' xogħol fl-2019 u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-suġġett, filwaqt li talab lill-Kummissjoni tesplora leġiżlazzjoni possibbli biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta tagħha dwar regoli ġodda għax-xogħol fuq il-pjattaformi liż-żewġ koleġiżlaturi, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, fid-9 ta' Diċembru 2021.

Fil-Kunsill, il-fajl ġie eżaminat mill-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet Soċjali. Dan il-grupp ta' ħidma jittratta l-ħidma leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva kollha marbuta mal-politika tal-impjiegi u dik soċjali.

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-12 ta' Ġunju 2023. Ir-regoli l-ġodda jeħtieġ li jiġu nnegozjati mal-Parlament Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jsiru liġi tal-UE.

Fit-8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi, li ġie approvat mill-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali fil-laqgħa tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2024.

Fl-14 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda għax-xogħol fuq il-pjattaformi. Wara l-adozzjoni, l-istati membri għandhom sentejn biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.