Skip to content

Kif tissieħeb fiż-żona tal-euro

L-istati membri jridu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet magħrufa bħala "kriterji ta' konverġenza" sabiex jadottaw l-euro. Il-Kunsill jiddeċiedi jekk pajjiż jistax jintroduċi l-euro.

Sħubija fiż-żona tal-euro

Is-sħubija fiż-żona tal-euro tfisser sħubija fit-tieni l-akbar munita ta' riżerva fid-dinja u t-tieni l-aktar munita negozjata.

Biex jadottaw l-euro, il-pajjiżi jridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fit-Trattat ta' Maastricht tal-1992, komunement imsejħa l-"kriterji ta' Maastricht".

Dawk ir-rekwiżiti ekonomiċi u legali ġew stabbiliti sabiex jiġi żgurat li l-istati membri jkunu lesti biex jadottaw l-euro u jiffunzjonaw mingħajr xkiel fiż-żona tal-euro.

Il-Bulgarija hija l-aħħar pajjiż li ngħaqad maż-żona tal-euro, u introduċiet il-munita komuni fl-1 ta' Jannar 2026.

Klawżoli ta' nonparteċipazzjoni

L-istati membri kollha tal-UE huma fil-prinċipju obbligati li jintroduċu l-euro ladarba jissodisfaw il-kriterji ta' konverġenza. L-unika eċċezzjoni hija d-Danimarka, li għandha ''klawżola ta' nonparteċipazzjoni'' fit-trattati tal-UE, li teżenta lill-pajjiż mill-obbligu li jadotta l-euro.

Id-Danimarka tista', madankollu, tapplika għal sħubija fiż-żona tal-euro jekk qatt tagħżel li tagħmel dan.

Kundizzjonijiet għas-sħubija

Biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, il-pajjiżi tal-UE jridu jissodisfaw prekundizzjonijiet speċifiċi:

  • kriterji ta' konverġenza ekonomika
  • konverġenza ġuridika

Kriterji ta' konverġenza ekonomika

Stabbiltà tal-prezzijiet

Rati tal-imgħax sostenibbli

Finanzi pubbliċi sostenibbli

Rati tal-kambju stabbli

Stabbiltà tal-prezzijiet

Il-pajjiż irid juri prestazzjoni ta' prezzijiet sostenibbli, b'rata tal-inflazzjoni medja (osservata fuq perjodu ta' sena) mhux aktar minn 1.5 punti perċentwali ogħla mir-rata tat-tliet stati membri bl-ogħla prestazzjoni.

Finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli

  • id-defiċit ippjanat jew reali tal-gvern ma għandux jaqbeż 3% tal-PDG
  • il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ma għandux ikun ogħla minn 60% tal-PDG

Rati tal-imgħax fit-tul biex tiġi valutata d-durabbiltà tal-konverġenza

Ir-rata tal-imgħax nominali medja fit-tul tal-pajjiż ma għandhiex taqbeż dik tat-tliet stati membri bl-aħjar prestazzjoni b'aktar minn 2 punti perċentwali.

Stabbiltà tar-rata tal-kambju biex turi li l-ekonomija tiflaħ għal varjazzjonijiet fil-munita

Il-pajjiż irid jipparteċipa fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) għal mill-inqas sentejn:

  • mingħajr devjazzjonijiet sinifikanti mir-rata ċentrali tal-ERM II
  • mingħajr ma jiżvaluta r-rata ċentrali bilaterali tal-munita tiegħu kontra l-euro

L-għan tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) huwa li juri li l-ekonomija ta' pajjiż tista' tiffunzjona tajjeb mingħajr ma jirrikorri għal ċaqliq eċċessiv tal-munita.

Meta pajjiż mhux fiż-żona tal-euro jidħol fl-ERM II, il-munita nazzjonali tiegħu tintrabat mal-euro b'rata ċentrali li tiġi miftiehma mal-istati membri taż-żona tal-euro, il-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro li diġà qed jipparteċipaw fl-ERM II u l-BĊE, bl-involviment tal-Kummissjoni. Il-munita mbagħad titħalla tvarja fil-limitu standard ta' 15% aktar jew inqas minn din ir-rata tal-kambju ċentrali miftiehma.

Peress li l-ERM II huwa prekundizzjoni għall-introduzzjoni tal-euro, l-istati membri kollha li mhumiex fiż-żona tal-euro minbarra d-Danimarka huma mistennija li jissieħbu fil-mekkaniżmu f'xi stadju.

Mill-2018, il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu mal-ERM II huma mistennija wkoll li jkunu daħlu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-mekkaniżmu superviżorju uniku tal-Bank Ċentrali Ewropew u li jkunu implimentaw impenji ta' politika speċifiċi.

Il-konverġenza ġuridika

Il-kandidati li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro jridu jiżguraw ukoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kompatibbli mat-Trattat u mal-Istatut tas-sistema Ewropea ta' banek ċentrali (SEBĊ) u l-BĊE.

It-Trattat u l-Istatut jipprevedu l-indipendenza tal-banek ċentrali.

Valutazzjoni tal-istat ta' tħejjija ta' pajjiż: rapporti dwar il-konverġenza

Tal-inqas kull sentejn, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni Ewropea jeżaminaw jekk l-istati membri mhux fiż-żona tal-euro (l-hekk imsejħa "stati membri b'deroga") jissodisfawx il-kriterji ta' konverġenza u għaldaqstant ikunux lesti jintroduċu l-euro. It-tnejn li huma joħorġu rapport dwar il-konverġenza fejn jippreżentaw is-sejbiet tagħhom.

Ir-rapporti jiġu ppreżentati lill-Kunsill tal-UE biex jiġu eżaminati u biex jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet sussegwenti possibbli.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jistgħu jħejju wkoll dan ir-rapport fi kwalunkwe ħin fuq talba minn pajjiż mhux fiż-żona tal-euro li jixtieq jissieħeb maż-żona tal-euro.

Deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-euro

Il-Kunsill tal-UE jiddeċiedi jekk pajjiż jistax jintroduċi l-euro.

Il-Kunsill jadotta din id-deċiżjoni wara li:

  • ikun irċieva proposta mill-Kummissjoni
  • ikun irċieva rakkomandazzjoni mill-istati membri fiż-żona tal-euro
  • ikun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew
  • tkun saret diskussjoni fil-Kunsill Ewropew

Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-istati membri kollha tal-UE. Fil-leġiżlazzjoni tal-UE, din tissejjaħ it-"terminazzjoni tad-deroga".

L-iffissar tar-rata tal-kambju

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-UE jiffissa b'mod irrevokabbli r-rata li biha l-euro jissostitwixxi l-munita tal-istat membru.

Il-Kunsill jieħu din id-deċiżjoni abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Id-deċiżjoni tittieħed billi l-istati membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiż li jkun qed jintroduċi l-euro jivvotaw b'mod unanimu fil-Kunsill.

Ir-rwol tal-istati membri li huma fiż-żona tal-euro

Il-pajjiżi fiż-żona tal-euro jagħtu rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar jekk pajjiż partikolari jkunx lest jadotta l-euro.

L-istati membri fiż-żona tal-euro għandhom joħorġu r-rakkomandazzjoni fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun irċieva l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tal-euro fi stat membru.

Ir-rakkomandazzjoni trid tiġi adottata permezz ta' maġġoranza kwalifikata tal-istati membri fiż-żona tal-euro.

Responsabbiltajiet meta tissieħeb

L-adozzjoni tal-euro tinvolvi:

  • l-iffissar b'mod permanenti tar-rata tal-kambju bejn il-munita nazzjonali u l-euro
  • it-trasferiment ta' responsabbiltà għall-politika monetarja lill-Bank Ċentrali Ewropew
  • l-istati membri huma mistennija jipparteċipaw fil-ġestjoni kkoordinata tal-kriżijiet, inkluż l-għoti ta' assistenza finanzjarja lil pajjiżi oħra taż-żona tal-euro meta jkun meħtieġ, biex tiġi żgurata l-istabbiltà.
  • il-gvernijiet għandhom jinfurmaw u jedukaw liċ-ċittadini tagħhom dwar il-bidliet assoċjati mas-sħubija fiż-żona tal-euro, inkluż l-implikazzjonijiet għall-ħajja ta' kuljum, il-benefiċċji u l-isfidi involuti.
  • koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji nazzjonali. Kull sena f'Ottubru, l-istati membri taż-żona tal-euro jippreżentaw l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għas-sena ta' wara lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni. Jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-istati membri taż-żona tal-euro jekk dawn jonqsu milli jikkonformaw mal-kriterji relatati ma' finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli.

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Jannar 2026