L-edukazzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-inklużjoni
The EU wants to equip its citizens with the skills needed in the labour market by reducing early school leave and upholding tertiary level education.
Kull pajjiż huwa responsabbli għas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tiegħu. Madankollu, l-UE għandha rwol importanti ta' sostenn. Hija tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-istati membri, u tissupplimenta l-isforzi u r-riformi nazzjonali.
Ċifri ewlenin
Skont l-OECD:
- 20 % tal-forza tax-xogħol tal-UE turi nuqqas serju ta' ħiliet, inkluż ħiliet baxxi fil-kitba u l-qari u l-matematika
- 25 % tal-adulti Ewropej mhumiex f'pożizzjoni li jagħmlu użu effettiv mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
Għalfejn għandna bżonnha?
Wieħed mill-elementi ewlenin biex jitjiebu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE hu li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol. Sabiex tgħin biex jinkiseb dan, l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir (Ewropa 2020) stabbilixxiet żewġ miri li l-istati membri għandhom jilħqu sal-2020 fil-qasam tal-edukazzjoni:
- it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola għal taħt l-10%
- l-iżgurar li mill-inqas 40% ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena jkunu temmew l-edukazzjoni fil-livell terzjarju
L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu wkoll jgħinu biex jipprevjenu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiżguraw li jinżammu l-valuri umani u ċiviċi u jgħinu biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni. B'reazzjoni għall-attakki terroristiċi f'Pariġi u d-Danimarka, il-ministri tal-UE qablu dwar il-ħtieġa li:
- jiżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu kompetenzi ċiviċi u interkulturali
- isaħħu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku
- irawmu l-edukazzjoni ta' tfal żvantaġġati
- jippromwovu d-djalogu interkulturali
Fil-Kunsill
Definizzjoni tal-objettivi tal-kooperazzjoni Ewropea
Fl-2009, il-Kunsill adotta qafas strateġiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020). Marbut mill-qrib mal-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020, dan jistabbilixxi l-objettivi u l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020.
F'Novembru 2015, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea adottaw rapport dwar il-progress li sar lejn dawn l-objettivi. Dan ir-rapport stabbilixxa wkoll il-programm ta' ħidma għall-5 snin li ġejjin, b'enfasi fuq sitt oqsma ta' prijorità:
- l-iżvilupp ta' ħiliet rilevanti u ta' kwalità għolja permezz tat-tagħlim tul il-ħajja
- il-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni
- edukazzjoni aktar miftuħa u innovattiva, li tħaddan l-era diġitali b'mod sħiħ
- it-tisħiħ tal-appoġġ għall-għalliema u għal dawk li jħarrġu
- it-titjib fit-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki, biex jiffaċilitaw iżjed tagħlim u mobbiltà
- il-promozzjoni ta' investiment sostenibbli, kwalità u effiċjenza fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- Qafas strateġiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)
- Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, 23 ta' Novembru 2015
Oqsma attwali ta' attività
1. L-iżvilupp ta' ħiliet rilevanti u ta' kwalità għolja
F'Novembru 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw għadd ta' prijoritajiet, inkluż:
- l-iżgurar ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva għal kulħadd
- it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-għalliema u ta' dawk li jmexxu l-iskejjel
- il-bidla lejn governanza aktar effettiva, ekwitabbli u effiċjenti.
F'Novembru 2017 ukoll, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja. L-għan ġenerali huwa li tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għolja sabiex iżżomm il-pass mal-ambjent li qed jevolvi malajr.
F'Mejju 2017, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifikigħat-tagħlim tul il-ħajja. L-għan tagħha hu li ttejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki madwar l-Ewropa billi toħloq qafas ta' referenza komuni għas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki. Ir-rakkomandazzjoni tipprova wkoll tgħin biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex jiżdiedu l-impjegabbiltà, il-mobbiltà u l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema u ta' min jitgħallem.
F'Novembru 2016, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar aġenda għall-ħiliet ġodda, li tenfasizza l-aspetti ewlenin li ser jiggwidaw il-ħidma tal-Kunsill f'dan il-qasam. Din għandha l-għan li tippromwovi l-investiment tul il-ħajja fil-persuni u tkopri oqsma bħal:
- l-iżvilupp tal-ħiliet
- ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki
- l-appoġġ għall-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll għat-taħriġ u l-edukazzjoni għolja
- modi kif jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija diġitali
F'Mejju 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ir-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsiru litterati fil-media u ċittadini responsabbli tal-futur.
F'Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lill-Kunsill l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tal-2016, li jniedi s-Semestru Ewropew għas-sena 2016. L-istħarriġ semma l-importanza li n-nies jiġu attrezzati b'ħiliet rilevanti sabiex imexxu 'l quddiem l-innovazzjoni u l-kompetittività u jevitaw il-qgħad. Huwa appella għal riformi maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
2. Il-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva
F'Novembru 2016, il-Kunsill laħaq qbil politiku fuq rakkomandazzjoni dwar opportunitajiet ġodda għall-adulti, fil-qafas tal-garanzija tal-ħiliet proposta mill-Kummissjoni. Hija għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet biex jakkwistaw sett ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi rilevanti għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.
Aktar kmieni dik is-sena, fi Frar 2016, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-inklużività fl-UE permezz tal-edukazzjoni. Ir-riżoluzzjoni tiffoka fuq:
- miżuri li jiżguraw investiment immirat fl-edukazzjoni
- kif l-aħjar jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ħiliet sabiex jiġu restawrati l-impjiegi u jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa
- ir-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-inklużjoni soċjali
F'Novembru 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola. Huwa enfasizza s-sehem:
- ta' sitwazzjonijiet ta' żvantaġġ, inkluż ta' tfal ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, tfal Roma u t-tfal bi bżonnijiet speċjali
- tad-disinn tas-sistemi edukattivi u fatturi bħall-vjolenza u l-bullying, il-metodi tat-tagħlim u l-kurrikula
Il-Ministri appellaw biex jiġi żgurat li kull persuna żagħżugħa jkollha aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità. Huma stiednu lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex jużaw l-opportunitajiet ta' finanzjament offruti permezz tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġaw miżuri mmirati li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskejjel.
F'Novembru 2015 ukoll, il-Kunsill iddiskuta strateġiji għall-integrazzjoni ta' persuni li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni. B'mod ġenerali, il-ministri jqisu li l-enfasi għandha essenzjalment tkun fuq:
- li jiġi żgurat li t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti jinkiseb b'mod effettiv
- il-valutazzjoni u l-validazzjoni rapida u effettiva ta' kwalifiki miksuba qabel
- il-promozzjoni b'mod sistematiku ta' valuri Ewropej
- it-tħejjija ta' għalliema, studenti u ġenituri għal iżjed diversità fl-iskejjel
Il-Presidenza Netherlandiża ser tiffoka wkoll fuq il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri fundamentali permezz tal-edukazzjoni, b'segwitu għad-dikjarazzjoni ta' Pariġi (Marzu 2015).