Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 18/02/2019, 18 ta' Frar 2019

Punti ewlenin tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2019

Riżultati ewlenin

Ukrajna

Ħames snin wara l-avvenimenti ta’ Maidan, kellna diskussjoni wiesgħa dwar l-isforzi biex jiġi appoġġat il-pajjiż. Meta niġu għall-proċess ta’ riforma, jekk titqabbel ma' ħames snin ilu, l-Ukrajna hija pajjiż differenti. Għad fadal ħafna xi jsir, f’termini ta’ riformi soċjoekonomiċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iżda huwa ċar li l-Ukrajna għamlet passi ta’ ġgant’ il quddiem, u dan huwa l-aktar bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi u l-ftehim ta’ liberalizzazzjoni tal-viżi tagħna li daħħalna fis-seħħ li kienu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Ukrajna li jimxu f’din id-direzzjoni. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill kellu diskussjoni komprensiva dwar l-Ukrajna, li kopriet il-proċess ta’ riforma kif ukoll is-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà, b’mod partikolari fil-Lvant tal-Ukrajna u l-Baħar ta' Azov. Il-Kunsill tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna u kompla jikkundanna l-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea u Sevastopol.

Il-ministri għall-affarijiet barranin irrikonoxxew il-progress importanti li wettqet l-Ukrajna f’oqsma ewlenin matul dawn l-aħħar ħames snin. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jinżamm il-momentum tar-riforma sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tar-riżultati miksuba, b’mod partikolari fil-kuntest tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li ġejjin.

Il-Kunsill esprima wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-elezzjonijiet fl-Ukrajna jitmexxew sew. Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li l-missjoni tal-OSKE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha u tkun tista’ tosserva l-elezzjonijiet f’konformità sħiħa mal-prassi tas-soltu tagħha.

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar kif l-UE tista’ tgħin, wara l-iżviluppi fil-Baħar ta' Azov u fir-reġjun tal-istrett ta’ Kerch, partikolarment permezz ta’ appoġġ imsaħħaħ fiż-żoni affettwati, inkluż f’setturi bħalma huma l-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq, it-taħriġ, u l-appoġġ għall-SMEs. Tennew l-appell tal-UE għall-ħelsien immedjat tal-baħrin Ukreni kollha miżmuma kif ukoll għar-ritorn tal-bastimenti maħtufa u l-passaġġ ħieles għall-vapuri kollha mill-Istrett ta' Kerch.

Sirja

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fis-Sirja. Il-ministri għall-affarijiet barranin tennew l-appoġġ sħiħ u kontinwu tal-UE għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Geir Pedersen u l-proċess ta’ paċi ta' Ġinevra għas-Sirja mmexxi min-NU, li jibqa’ fundamentali għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għal transizzjoni politika kredibbli fis-Sirja bħala l-unika soluzzjoni sostenibbli fit-tul għall-kunflitt. Il-ministri tennew li l-UE mhux ser tkun lesta li tassisti fir-rikostruzzjoni tas-Sirja qabel ma tkun qed titwettaq b’mod deċiżiv transizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva.

Il-ministri ddiskutew it-tħejjijiet għall-konferenza "Brussell 3: Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun", li ser isseħħ mit-12 sal-14 ta’ Marzu, u li tibqa’ kruċjali biex il-komunità internazzjonali tkompli tiġi mobilizzata favur l-isforzi umanitarji u ta' reżiljenza għall-poplu Sirjan u l-komunitajiet ospitanti. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-konferenza ser tkun saħansitra aktar iffokata fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili u n-nisa, u li l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-impunità ser ikunu prominenti.

Venezwela

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Venezwela, wara l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali f’Montevideo fis-7 ta’ Frar u qabel il-missjoni teknika għal Caracas immexxija mill-UE u l-Urugwaj. Il-missjoni ser taħdem fuq l-evalwazzjoni tal-appoġġ li jista’ jingħata biex titwitta t-triq għal eżitu demokratiku u paċifiku għall-kriżi u, b’mod partikolari, għaż-żamma ta’ elezzjonijiet presidenzjali bikrija.

Il-ministri għall-affarijiet barranin enfasizzaw ukoll li l-għajnuna umanitarja għandha titwassal lin-nies fil-bżonn u ma tistax tintuża għal skopijiet politiċi li jkunu differenti minn dawk tad-dritt umanitarju internazzjonali.

L-għajnuna umanitarja ma għandha qatt tintuża għal skopijiet oħra għajr dak li tintlaħaq il-popolazzjoni fil-bżonn. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Qarn tal-Afrika

Il-Kunsill iddiskuta l-Qarn tal-Afrika. Ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-ministri dwar iż-żjara tagħha fir-reġjun il-ġimgħa ta’ qabel. Il-ministri għall-affarijiet barranin laqgħu l-ftehim ta’ paċi storiku bejn l-Etjopja u l-Eritrea. Huma ddiskutew dwar kif l-UE tista’ tappoġġa din l-opportunità mingħajr preċedent li titħaffef ir-rikonċiljazzjoni u l-integrazzjoni ekonomika fil-Qarn tal-Afrika. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE fir-reġjun, li għadu qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi importanti, mhux l-inqas is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tinżamm enfasi qawwija fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-migranti li jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi, xi kultant minn età żgħira ħafna.

Ġrajjiet kurrenti

Fil-bidu tal-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri għall-affarijiet barranin laqgħu d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Prespa li jippermetti l-bidla fl-isem tal-Maċedonja ta’ Fuq. Huma ddiskutew fil-qosor is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Frar 2025