Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC), kapijiet tad-difiża tal-UE, 24 u 25 ta' Ottubru 2022

Riżultati ewlenin

Il-Kumitat Militari tal-UE ltaqa' fil-livell tal-Kapijiet tad-Difiża (CHODs) fl-24 u l-25 ta' Ottubru fi Brussell.

Filwaqt li enfasizzaw l-urġenza li qed tinħass biex l-għanijiet fundamentali u ambizzjużi stabbiliti fil-Boxxla Strateġika jinkisbu mingħajr dewmien, is-CHODs impenjaw ruħhom li jibnu, issa, UE li tkun b'saħħitha u kapaċi militarment.

L-aġenda kopriet l-aktar kwistjonijiet urġenti kollha fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, l-ewwel nett bl-implimentazzjoni tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu (RDC) tal-UE, il-kontribut militari ewlieni għal implimentazzjoni b'suċċess tal-Boxxla Strateġika. Is-CHODs fakkru wkoll fl-importanza li din il-kapaċità tibda tiġi eżerċitata dalwaqt, mill-2023, sabiex jiġu identifikati t-tagħlimiet u jkun hemm reazzjoni kif xieraq. L-objettiv jibqa' li tinkiseb il-kapaċità sħiħa li s-sigurtà tiġi projettata b'mod awtonomu, meta u fejn meħtieġ, sal-2025 u f'konformità max-xenarji maqbula.

Relatati wkoll mal-RDC, is-CHODs iddiskutew modi kif tissaħħaħ l-istruttura ta' Kmand u Kontroll tal-UE sabiex l-ambizzjonijiet li jinsabu fil-Boxxla Strateġika jiġu appoġġati b'soluzzjonijiet teknoloġiċi robusti, siguri u kompluti għall-komunikazzjonijiet.

Iżda t-titjib tal-komunikazzjonijiet mhuwiex l-uniku qasam ta' kapaċità li għalih is-CHODs impenjaw ruħhom. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu indirizzati lakuni oħra fil-kapaċità billi jsir l-aħjar użu mill-istrumenti eżistenti tal-UE u l-proġetti kollaborattivi konġunti, bħall-PESCO, bħala qafas privileġġat ta' kooperazzjoni, u l-CARD, fir-rwol tiegħu ta' "pathfinder".

Kollox ma' kollox, is-CHODs innotaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati soluzzjonijiet komuni li jwasslu għall-Awtonomija Strateġika tal-UE, f'sinerġija mas-sħab kollha tagħna, u li jiġu żviluppati kapaċitajiet militari robusti u mill-aktar avvanzati, kif ukoll faċilitaturi strateġiċi.

F'diskussjoni f'sessjoni speċifika mal-kontropartijiet tan-NATO, is-CHODs ikkonfermaw li l-proġett tal-Mobbiltà Militari jibqa' linja ta' ħidma essenzjali kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO. Biex jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għas-sigurtà u d-difiża, kif uriet l-aggressjoni Russa attwali kontra l-Ukrajna, is-CHODs enfasizzaw mill-ġdid il-ħtieġa għal abbiltajiet u kapaċitajiet, infrastruttura, regoli u proċeduri biex it-truppi jingħataw il-flessibbiltà u l-aġilità tal-mobbiltà madwar l-UE. Ġiet imħeġġa bil-qawwa kooperazzjoni ulterjuri u aktar sostanzjali bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Suġġett ieħor rilevanti ħafna ta' diskussjoni kien il-futur tal-Operazzjonijiet u l-Missjonijiet tal-PSDK, li jeħtieġu biżżejjed riżorsi u appoġġ finanzjarju mill-istati membri. Is-CHODs qablu li jkomplu jsaħħu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE u li jżidu l-effettività tagħhom, waqt li kostantament jadattaw u jirrieżaminaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet, jew saħansitra jtemmuhom jekk ikun meħtieġ. F'dan ir-rigward, il-valutazzjoni militari mill-kmandanti fuq il-post hija essenzjali u għandha tikkontribwixxi b'mod xieraq u f'waqtu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Is-CHODs enfasizzaw li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet futuri kollha għandhom iservu l-interessi strateġiċi tal-UE, jipprovdu benefiċċju reali lis-sħab lokali abbażi tat-talbiet konkreti tagħhom, u jagħmlu użu sħiħ mill-għodod kollha disponibbli tal-PSDK tal-UE.

Fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina, is-CHODs issottolinjaw il-ħtieġa li fir-reġjun tibqa' preżenza militari eżekuttiva mmexxija mill-UE.

Huma kkonfermaw ukoll l-importanza tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) approvata reċentement bħala pass importanti lejn approċċ aktar sostenibbli fl-appoġġ tal-Forzi Armati Ukreni (UAF).

L-aħħar iżda mhux l-inqas, fir-rigward tal-ħtieġa ta' involviment effettiv tal-PSDK fl-Afrika, is-CHODs issottolinjaw l-importanza ta' impenn dejjiemi, li jqis it-tagħlimiet meħuda mill-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet kollha tal-UE (b'mod partikolari EUTM Mali u EUTM RCA) għall-attivitajiet futuri kollha.

L-EUMC hu magħmul mis-CHODs tas-27 Stat Membru, li huma rappreżentati regolarment mir-Rappreżentanti Militari permanenti (MilReps) tagħhom. L-EUMC jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) dwar il-kwistjonijiet militari rilevanti kollha.

L-EUMC għandu President permanenti, magħżul mill-Kapijiet tad-Difiża tal-Istati Membri u maħtur mill-Kunsill għal tliet snin.

Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC), kapijiet tad-difiża tal-UE
Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC), kapijiet tad-difiża tal-UE

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025