"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 17 ta' Ottubru 2022

Riżultati prinċipali

Il-Kunsill ħa għadd ta' deċiżjonijiet importanti, li jirfdu d-determinazzjoni tal-UE fl-appoġġ tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja, l-avvanz tal-paċi u l-istabbiltà fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-pożizzjoni favur id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Qabel id-diskussjoni tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, indirizza fil-qosor lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u infurmahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet attwali tal-Ukrajna.

Putin qed jitlef politikament u moralment. Minkejja dan, huwa qed ikompli bl-eskalazzjoni, inkluż [permezz ta'] attakki indiskriminati fuq miri ċivili madwar l-Ukrajna, kif rajna dalgħodu. Ħadna nota wkoll tal-vot fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) il-ġimgħa li għaddiet. Dan il-vot ikkonferma l-iżolament internazzjonali tar-Russja. Iżda ma nistgħux inqisuh bħala fatt u jeħtieġ li nibqgħu fit-triq tal-istrateġija tripla tagħna: appoġġ lill-Ukrajna, pressjoni fuq ir-Russja u indirizzar tal-effetti tal-gwerra, minħabba li din il-gwerra qed taffettwa lid-dinja kollha. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri ġew aġġornati dwar l-eskalazzjoni militari u l-attakki li għaddejjin fi Kiev, u ħadu deċiżjonijiet importanti. Huma qablu li jistabbilixxu Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni. Il-missjoni ser tħarreġ madwar 15,000 truppa fit-territorju tal-UE. Huma qablu wkoll li jallokaw €500 miljun oħra taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiffinanzjaw konsenji għall-forzi tad-difiża Ukreni, biex b'hekk l-assistenza militari tal-UE għall-Ukrajna titla' għal total ta' €3.1 biljun.

Il-Kunsill ġie infurmat ukoll dwar is-sejbiet ġodda ta' atroċitajiet tal-massa u rapporti dwar ħtif sistematiku ta' tfal mill-Ukrajna mill-forzi Russi, u enfasizza li l-ġlieda kontra l-impunità trid tissaħħaħ.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina

Il-Kunsill ikkonferma mill-ġdid il-validità tal-approċċ multidimensjonali tal-UE dwar iċ-Ċina - sieħeb li miegħu l-UE trid tinvolvi ruħha , kompetitur iebes, u avversarju sistemiku.

Hemm appoġġ sħiħ fost l-istati membri tal-UE biex ikomplu jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet ta' interess għall-UE - pereżempju t-tibdil fil-klima - biex jiġi evitat li d-dipendenzi jinbidlu f'vulnerabbiltajiet.

Il-ministri enfasizzaw li l-UE teħtieġ li ssaħħaħ ir-reżiljenza interna tagħha, u taħdem mas-sħab internazzjonali.

Ġrajjiet kurrenti

Il-ministri tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-Iran u adottaw miżuri restrittivi kontra 11-il individwu u 4 entitajiet, immirati lejn dawk assoċjati mal-mewt ta' Mahsa Amini u mar-repressjoni vjolenti tal-protesti paċifiċi.

Ninsabu xxukkjati bil-qtil s'issa inspjegabbli ta' Mahsa Amini, u bir-repressjoni brutali tal-forzi tas-sigurtà kontra dimostranti li għadhom jitilfu ħajjithom jew qed jinżammu f'idejn il-forzi tas-sigurtà. Il-ministri kollha esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar dawn il-fatti. [...] Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nappella lill-gvern Iranjan biex itemm minnufih din il-vjolenza, biex jeħles lil dawk detenuti, u biex jippermetti servizzi normali tal-internet u fluss ta' informazzjoni. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri kkunsidraw ukoll l-użu rrappurtat mir-Russja fil-gwerra fl-Ukrajna ta' drones allegatament fornuti mill-Iran.

Il-ministri ddiskutew l-elezzjonijiet li saru fil-Bożnija-Ħerzegovina fit-2 ta' Ottubru. B'mod ġenerali, l-elezzjonijiet kienu kompetittivi u organizzati tajjeb, skont ir-rapporti tal-OSKE/ODIHR, iżda kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u retorika etnikament diviżiva. Ir-riżultati finali għad iridu jiġu ċċertifikati minħabba diversi allegazzjonijiet ta' frodi elettorali.

Biex il-pajjiż jibqa' fi triqtu lejn l-UE, il-ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni rrakkomandat li jingħata status ta' kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina bil-fehim li għandhom jittieħdu għadd ta' passi mill-gvern u l-awtoritajiet leġiżlattivi fil-livelli kollha, b'enfasi fuq it-twettiq tar-riformi, bħala kwistjoni ta' prijorità assoluta.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Libanu, filwaqt li kkonferma li għadu estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-pajjiż u l-inabbiltà tal-forzi politiċi tiegħu li jipproċedu bir-riformi tant meħtieġa. Il-ministri appellaw lill-awtoritajiet Libaniżi biex jeleġġu President ġdid qabel l-aħħar tax-xahar, u laqgħu l-ftehim bejn il-Libanu u Iżrael dwar id-delineazzjoni tal-fruntiera marittima tagħhom.

Fir-rigward tal-Etjopja, il-ministri enfasizzaw li s-sitwazzjoni fuq il-post qatt ma kienet daqshekk ħażina, kemm fil-livell militari kif ukoll f'dak umanitarju, u li soluzzjoni politika biss għall-konflitt hija sostenibbli.

Deċiżjonijiet oħra tal-Kunsill

Il-Kunsill iddeċieda li jiskjera massimu ta' 40 espert tal-UE għall-monitoraġġ tan-naħa Armena tal-fruntiera internazzjonali mal-Ażerbajġan bl-objettiv tal-monitoraġġ, l-analiżi u r-rappurtar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun.

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li ġġedded il-miżuri restrittivi eżistenti kontra ISIL/Da'esh u Al-Qaeda u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom b'sena sal-31 ta' Ottubru 2023.

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar ir-Rieżami dwar il-Kummerċ u tas-Sostenibbiltà.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025