"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ), 30 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

Kummerċ u kompetittività – Il-futur tal-politika kummerċjali tal-UE

Il-Kunsill Affarijiet Barranin, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar "Kummerċ u kompetittività – Il-futur tal-politika kummerċjali tal-UE".

Il-ministri ddiskutew kif il-politika kummerċjali tal-UE tista' tgħin biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq in-negozji tal-UE tal-isfidi ġeopolitiċi attwali bħall-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, it-tranżizzjoni tal-enerġija, iż-żieda fl-ostakli għall-kummerċ, il-frammentazzjoni tal-kummerċ u l-ħolqien ta' teknoloġiji ġodda.

Il-koerenza tal-politika kummerċjali ma' politiki oħra tal-UE u kif jista' jittejjeb u jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima kritika li l-UE teħtieġ għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali kienu wkoll parti minn dan id-dibattitu.

Mingħajr il-kummerċ, ma jista' jkun hemm ebda kompetittività. U mingħajr kompetittività, ma hemm ebda prosperità. Għalhekk żgur li l-kompetittività ser tkun waħda mill-prijoritajiet kummerċjali ewlenin għaċ-ċiklu leġiżlattiv li jmiss. Biex nagħmlu dan, neħtieġu politika kummerċjali miftuħa, proattiva u ambizzjuża.

Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Affarijiet Ewropej u l-Kummerċ Barrani

Għad-diskussjoni attenda l-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Valdis Dombrovskis. Il-ministri kellhom dan id-dibattitu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport indipendenti ta' livell għoli ta' Enrico Letta dwar "Much more than a market" u bi tħejjija għar-rapport li jmiss ta' Mario Draghi dwar il-kompetittività tal-Ewropa.

Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.

Spjegazzjoni tal-materja prima kritika (Infografika)

Relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Afrika

Il-Kunsill iddiskuta l-istat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Afrika u kif nistgħu napprofondixxu r-relazzjonijiet tagħna biex nibnu sħubija ta' benefiċċju reċiproku fuq livell multilaterali, kontinentali, reġjonali u bilaterali.

Fil-bidu tal-presidenza tagħna għidna li waħda mill-prijoritajiet tagħna tkun li nsaħħu r-relazzjonijiet mal-Afrika. Issa qed inwettqu dik il-wegħda. Ninsabu kuntenti li qed naraw progress fl-istrateġija "Global Gateway", il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Samoa. Illum ilqajna wkoll id-dħul fis-seħħ imminenti tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-Kenja.

Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Affarijiet Ewropej u l-Kummerċ Barrani

L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Afrika, l-akbar investitur u l-akbar donatur tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA). Aktar minn 90% tal-esportazzjonijiet mill-pajjiżi Afrikani jidħlu fl-UE mingħajr dazju peress li huma koperti mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) mal-Afrika sub-Saħarjana, jew il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) ma' ċerti pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq.

Fis-sitt summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana fi Frar 2022, iż-żewġ naħat qablu li jagħtu spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali, b'mod partikolari permezz taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA).

Segwitu għat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC13)

Matul ikla ta' ħidma, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-segwitu għat-13-il Konferenza Ministerjali li saret mis-26 ta' Frar sat-2 ta' Marzu 2024 f'Abu Dhabi.

Il-ministri ddispjaċihom li, minkejja l-isforzi intensivi mwettqa mill-UE fit-tħejjija għat-13-il Konferenza Ministerjali u waqtha, il-konferenza kisbet inqas riżultati tanġibbli milli wieħed kien qed jittama inizjalment. Huma kkonfermaw mill-ġdid ir-rwol ewlieni tad-WTO fis-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli u ssottolinjaw il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fuq l-isfidi l-aktar immedjati ta' wara t-13-il Konferenza Ministerjali.

Fl-isfond tal-isfidi globali li qed jiżdiedu, l-iżgurar tal-kontinwità tal-ħidma tad-WTO ma għadux biżżejjed. Hija meħtieġa riforma usa' tad-WTO. Fin-nuqqas ta' mandat ċar mit-13-il Konferenza Ministerjali, waħda mill-isfidi ewlenin issa hija kif għandha tiġi stabbilita aġenda ta' riforma.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar id-deċiżjoni, meħuda mill-kontropartijiet tagħhom għall-Affarijiet Barranin fis-27 ta' Mejju 2024, li jaħdmu fuq laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael.

Konklużjonijiet dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jindirizzaw l-erba' "Tweġibiet Proposti" mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fil-White Paper tagħha dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-24 ta' Jannar 2024, li jipproponu azzjonijiet fuq perjodu qasir u medju biex titjieb il-koordinazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju fl-UE.

Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2021/821 dwar l-Użu Doppju, inkluż analiżi ulterjuri dwar kif il-qafas attwali jista' jippermetti l-introduzzjoni temporanja ta' ċerti punti ġodda fuq il-lista Ewropea ta' użu doppju, u jagħraf l-importanza tal-koordinazzjoni fost l-istati membri, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita din il-koordinazzjoni f'konformità mar-regolament.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025