"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 22 ta' Lulju 2024

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post, u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna, speċjalment f'termini ta' sistemi ta' difiża tal-ajru u infrastruttura tal-enerġija.

Fid-diskussjoni li segwiet, bosta ministri kkundannaw l-attakki bil-missili tar-Russja kontra l-popolazzjoni ċivili, u l-attakk reċenti kontra l-Isptar tat-Tfal fi Kiev.

Il-Kunsill imbagħad iffoka fuq l-appoġġ militari tal-UE lill-Ukrajna, u ddiskuta l-ħtieġa li jiġi żblukkat l-appoġġ tal-UE fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Fir-rigward tal-użu ta' profitti mhux mistennija li jirriżultaw minn assi Russi immobilizzati, ir-Rappreżentant Għoli aġġorna lill-Ministri tal-UE dwar il-progress lejn l-ewwel trasferiment ta' €1.4 biljun mistenni fil-bidu ta' Awwissu, li ser jintuża biex jiffinanzja l-akkwist ta' tagħmir militari ta' prijorità (difiża tal-ajru, sistemi tal-artillerija u munizzjon), kif ukoll l-akkwist mill-industrija tad-difiża Ukrena.

Imbagħad il-Kunsill iddiskuta l-passi li jmiss wara s-Summit dwar il-Paċi li sar reċentement fl-Iżvizzera. F'dan il-kuntest ir-Rappreżentant Għoli saħaq li hemm bżonn l-UE tagħmel sforz akbar biex tinvolvi lis-sħab globali madwar id-dinja kollha, u li l-Formula ta' Paċi ta' Zelenskyy tibqa' l-uniku pjan ta' paċi reali appoġġat mill-UE.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

L-uniku wieħed favur il-gwerra huwa Putin, li qed jappella għad-diviżjoni u l-konsenja tal-Ukrajna bħala prekundizzjonijiet għal kwalunkwe taħdida u kwalunkwe waqfien mill-ġlied. U kuljum jibgħat tfakkiriet fil-forma ta' eluf ta' missili, droni, glide bombs, u aktar offensiva militari. Għalhekk, jekk tixtieq titkellem dwar il-partit tal-gwerra, tkellem dwar Putin, mhux dwar l-Unjoni Ewropea.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli ħabbar li l-laqgħat informali tal-Ministri għad-Difiża u l-Affarijiet Barranin skedati lejn l-aħħar ta' Awwissu ser isiru fi Brussell.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju informali ta' fehmiet mal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Nadia Calviño.

Il-ministri laqgħu r-rwol li qed jespandi tal-BEI fil-qasam tal-industrija tas-sigurtà u d-difiża, esprimew interess biex dan ikompli jikber, u appellaw għall-għoti ta' appoġġ fuq terminu qasir lill-Ukrajna. Huma laqgħu wkoll l-appoġġ imsaħħaħ tal-Grupp tal-BEI għas-sistema u n-negozju tal-enerġija tal-Ukrajna.

Il-President tal-BEI kkonfermat ukoll l-impenn tal-BEI li jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja fix-Xatt tal-Punent u li jappoġġa l-aġenda ta' riforma tal-Awtorità Palestinjana, f'konformità mal-appoġġ tal-Kummissjoni.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, b'enfasi fuq is-sitwazzjoni fuq il-post, inkluż is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u s-sitwazzjoni tal-ostaġġi.

Il-Kunsill ġie infurmat mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Olof Skoog, u għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, Sven Koopmans.

Wara kważi għaxar xhur -290 jum- il-gwerra f'Gaża ma battietx, u qed naraw evakwazzjonijiet furzati ġodda ta' persuni ċivili eżawriti. Hemm aktar minn 17 000 orfni f'Gaża. U l-aċċess umanitarju, li dejjem kien diffiċli, issa sfaxxa fix-xejn.

Kważi kulħadd f'Gaża jiddependi fuq l-għajnuna biex jibqa' ħaj. 96% tal-popolazzjoni ta' Gaża għandha insigurtà tal-ikel akuta. Tista' tgħid li trid, iżda dan huwa orrur, intollerabbli, u rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inwaqqfuh. F'ġieħ l-umanità tagħna stess.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ir-Rappreżentant Għoli nnota li, sfortunatament, in-negozjati għal waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi ma kellhom l-ebda eżitu pożittiv.

Matul id-dibattitu, il-ministri ddiskutew ir-riskji ta' eskalazzjoni reġjonali, u l-aħħar opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Huma ddiskutew ukoll kif jistgħu jibnu fuq il-kooperazzjoni mas-sħab Għarab u sħab oħra lejn proċess sinifikattiv lejn is-soluzzjoni ta' żewġ stati.

Il-Kunsill kellu wkoll skambju dwar kif l-aħjar jiżdied l-appoġġ tal-UE għall-Awtorità Palestinjana, biex jiġi evitat il-kollass tagħha għall-benefiċċju kemm tal-Palestinjani, kif ukoll tal-Iżraeljani. F'dan il-kuntest, il-Ministri tal-UE ġew aġġornati mill-Kummissjoni dwar l-assistenza politika u finanzjarja tal-UE lill-Awtorità Palestinjana, fil-forma ta' pakkett ta' appoġġ pluriennali sostantiv li ser jappoġġa l-aġenda ta' riforma tal-Awtorità Palestinjana.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill evalwa t-tħejjijiet li għaddejjin għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael.

Ġrajjiet kurrenti

Taħt Ġrajjiet Kurrenti, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar id-diplomazija diġitali, abbażi ta' rapport ta' progress reċenti mis-SEAE u l-Kummissjoni.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar il-ftuħ ta' djalogu mal-Armenja dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-Kunsill adotta wkoll miżuri ta' assistenza fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'appoġġ għall-Forzi Armati tal-Armenja u tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li għadhom qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna sal-31 ta' Jannar 2025, u elenka erba' individwi u żewġ entitajiet fuq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti "A" leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025