Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 27 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post - b'mod partikolari fir-rigward tal-aħħar attakki Russi kontra l-infrastruttura ċivili u tal-enerġija, u l-ħtiġijiet tal-Ukrajna, f'termini ta' sistemi ta' difiża tal-ajru, missili u munizzjon.

<p><span lang=""EN-GB"" xmlns:htm=""http://www.w3.org/1999/xhtml"">Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</span></p>

Putin qed jitkellem dwar in-negozjati għall-paċi, iżda l-armati tiegħu qed iniedu offensiva oħra kontra Kharkiv. Huma qed jibbumbardjaw binjiet ċivili ffullati, u jippruvaw idgħajfu s-Summit li jmiss dwar il-Paċi fl-Iżvizzera. Aħna nappoġġaw bis-sħiħ dan is-summit. L-objettiv tiegħu huwa li jispira proċess ta' paċi futur. Qed naħdmu biex niżguraw l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli.

<p><span lang=""EN-GB"" xmlns:htm=""http://www.w3.org/1999/xhtml"">Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</span></p>

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri kellhom diskussjoni intensa dwar l-appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill f'Marzu dwar Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna ġdid u ddedikat taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Dan il-fond ser ikun ukoll strument legali li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea ser tkun tista' tuża l-profitti netti straordinarji ġġenerati minn assi Russi mmobilizzati.

Il-Kunsill semma wkoll l-impenji ta' sigurtà fit-tul tal-UE lejn l-Ukrajna, li ser jinkludu b'mod partikolari aspetti ta' sigurtà u difiża.

Fl-aħħar nett, il-ministri ġew infurmati dwar l-aħħar inċident tal-fruntiera mal-gwardji tal-fruntiera Russi fl-Estonja u stati membri oħra tal-UE.

Il-Kunsill adotta:

  • miżuri restrittivi kontra żewġ individwi u entità waħda responsabbli għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' propaganda mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-UE u fil-pajjiżi ġirien tagħha, li jfixklu u jimmanipulaw il-fatti b'mod gravi sabiex jiġġustifikaw u jappoġġaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  •  reġim ġdid ta' sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja, u elenkat 19-il persuna u entità waħda.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Il-ministri tal-UE kellhom skambju informali mal-Ministri tal-ħames pajjiżi Għarab: il-Qatar, il-Ġordan, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab. Id-diskussjoni tagħhom iffukat fuq is-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt, u ż-żieda fl-appoġġ umanitarju għall-poplu f'Gaża.

Il-Ministri Għarab ippreżentaw il-viżjoni tagħhom għal proċess ta' paċi u ddiskutew mal-kontropartijiet tagħhom tal-UE dwar kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt. Wieħed mis-suġġerimenti li ħarġu mid-diskussjoni, kien li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' konferenza internazzjonali dwar kif għandha tiġi implimentata s-soluzzjoni ta' żewġ stati, li tista' tħejji t-triq għal konferenza internazzjonali dwar il-paċi.

Il-ministri qablu li bħalissa l-aktar kwistjoni urġenti, minbarra t-taffija tat-tbatija tan-nies f'Gaża u l-kisba tal-ħelsien minnufih tal-ostaġġi kollha, kienet li tiġi appoġġata l-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA, kif ukoll li jiżdied l-appoġġ umanitarju. Sabiex tgħin fit-twassil tal-assistenza umanitarja, l-UE ser tanalizza għażliet biex tiġi attivata mill-ġdid il-Missjoni tagħha ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah), f'koordinazzjoni mal-Awtorità Palestinjana u l-awtoritajiet Iżraeljani u Eġizzjani.

Dwar tliet punti speċifiċi relatati mal-iżviluppi reċenti, ir-Rappreżentant Għoli fakkar fl-importanza li:

  • jittennew it-talbiet lil Iżrael biex jimplimenta s-sentenza reċenti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex jitwaqqfu l-operazzjonijiet militari f'Rafah u jippermetti l-aċċess tal-għajnuna umanitarja f'Gaza
  • jsir appell lil Iżrael biex jiżblokka l-finanzjament li jippermetti l-funzjonament u s-sopravivenza tal-Awtorità Palestinjana
  • jiġi evitat li l-UNRWA tiġi ddikjarata organizzazzjoni terroristika u għaldaqstant titwaqqaf milli taħdem f'Gaza u fit-territorji Palestinjani

Fl-aħħar nett, il-Rappreżentant Għoli ħabbar li ser ilaqqa' laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael għal skambju dwar il-kwistjonijiet kollha li qed jaffettwaw ir-relazzjonijiet bilaterali.

Il-Georgia

Taħt ġrajjiet kurrenti, il-Kunsill ġie infurmat dwar l-iżviluppi rigward il-liġi l-ġdida dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija fil-Ġeorgia, li tmur kontra l-ispirtu u l-prinċipji tal-UE. L-istati membri qablu li jikkunsidraw l-aktar rispons adegwat tal-UE fil-każ li toħroġ liġi oħra, bil-ħsieb ta' deċiżjoni possibbli fil-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Ġunju.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025