Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Afrika t'Isfel, 13 ta' Marzu 2025

Riżultati ewlenin

It-tmien summit bejn il-mexxejja tal-UE u l-Afrika t'Isfel sar f'Cape Town, l-Afrika t'Isfel, fit-13 ta' Marzu.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, irrappreżentaw lill-UE. L-Afrika t'Isfel kienet irrappreżentata mill-President Cyril Ramaphosa.

L-Unjoni Ewropea u l-Afrika t'Isfel mhumiex biss sħab, aħna alleati strateġiċi, marbutin bil-valuri kondiviżi tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-multilateraliżmu. Is-sħubija tagħna tagħti benefiċċji reali liċ-ċittadini tagħna, lill-ekonomiji tagħna, u lid-dinja.

Il-President António Costa

Is-summit kien opportunità biex tiġi intensifikata s-sħubija tal-UE mal-Afrika t'Isfel, li hija sieħeb strateġiku għall-UE f'kuntest diffiċli ta' populiżmu u instabbiltà ġeopolitika li qed jiżdiedu.

Il-mexxejja indirizzaw l-aktar kwistjonijiet globali u reġjonali urġenti. Huma ddiskutew ukoll kif tista' tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel f'firxa wiesgħa ta' setturi.

Il-mexxejja ħarġu dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.

Kummenti tal-ftuħ mill-President Costa

Kooperazzjoni multilaterali

Fid-dawl ta' dan l-ambjent politiku u soċjoekonomiku diffiċli, aħna sħaqna fuq it-twemmin tagħna fil-prinċipju tal-kooperazzjoni multilaterali biex nindirizzaw kollettivament l-isfidi kondiviżi tagħna.

Dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Fl-isfond ta' instabbiltà ġeopolitika li qed tiżdied u aktar inċertezza, il-mexxejja tal-UE u tal-Afrika t'Isfel esprimew l-appoġġ tagħhom għal paċi ġusta, komprensiva u dejjiema fil-gwerer u l-kunflitti ewlenin madwar id-dinja, inkluż fl-Ukrajna u fit-Territorji Palestinjani okkupati.

Huma leħħnu wkoll it-tħassib tagħhom dwar l-isfidi dejjem jikbru għall-multilateraliżmu minħabba n-nazzjonaliżmu u l-unilateraliżmu li qed jiżdiedu, li jdgħajfu l-isforzi biex jiġu indirizzati sfidi kondiviżi bħal:

  • it-tibdil fil-klima
  • il-protezzjoniżmu kummerċjali
  • il-pandemiji globali
  • l-inugwaljanza li qed tiżdied
  • il-paċi u s-sigurtà
  • tkabbir sostenibbli u inklużiv

Appoġġ għall-istituzzjonijiet multilaterali

Il-mexxejja affermaw l-impenn bla heda tagħhom għall-multilateraliżmu, approċċ konsistenti għall-ordni bbażat fuq ir-regoli, u ċ-ċentralità tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Affermajna mill-ġdid ukoll li l-istati kollha jridu jaġixxu b'mod konsistenti mal-Għanijiet u l-Prinċipji tal-Karta tan-NU kollha kemm hi, inkluż il-projbizzjoni tat-theddid jew l-użu tal-forza biex ifittxu akkwist territorjali kontra l-integrità territorjali u s-sovranità jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat.

Dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Huma qablu dwar il-ħtieġa li jiġu riformati l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, billi tissaħħaħ il-vuċi tar-reġjuni sottorappreżentati, u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li qed taffaċċa sfidi bla preċedent minħabba l-impatt ta' miżuri kummerċjali mhux ġustifikati u prattiki distorsivi.

Nisħqu fuq l-importanza ta' sistema kummerċjali multilaterali trasparenti bbażata fuq ir-regoli li tkun nondiskriminatorja, ġusta, miftuħa, inklużiva, ekwa u sostenibbli, bħala ħtieġa għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar.

Dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

B'reazzjoni għal xenarju tas-sigurtà dinji u reġjonali li sejjer għall-agħar, il-mexxejja ddeċidew li jniedu djalogu ddedikat għall-paċi, is-sigurtà u d-difiża. Dan ser jiffaċilita fehim kondiviż tat-theddid emerġenti u jippermetti kooperazzjoni regolari dwar kwistjonijiet relatati.

Sabiex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima, l-inugwaljanza u l-faqar, il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn konġunt tagħhom għal:

  • progress fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU
  • il-Ftehim ta' Pariġi, u ż-żamma tal-possibbiltà ta' 1.5°C
  • ħidma għal perkorsi ta' tranżizzjoni ġusta lejn emissjonijiet żero netti fuq livell globali
  • għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħlqu d-distakk diġitali

L-UE esprimiet appoġġ għall-presidenza tal-G20 tal-Afrika t'Isfel, inkluż it-tema tagħha ta' solidarjetà, ugwaljanza u żvilupp sostenibbli.

Kooperazzjoni reġjonali

Il-mexxejja jibqgħu impenjati għall-avvanz tal-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjuni rispettivi tagħhom.

Iggwidati mill-prinċipji tal-Karta tan-NU, il-mexxejja appoġġaw paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) u t-Territorji Palestinjani okkupati.

Il-kontinent Afrikan

Hekk kif l-2025 tfakkar il-25 anniversarju tas-sħubija bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana, il-mexxejja tal-UE u tal-Afrika t'Isfel esprimew l-impenn sħiħ tagħhom għal viżjoni ta' kontinent Afrikan li jkun paċifiku, stabbli u għani.

Il-mexxejja urew appoġġ għall-paċi fis-Sudan, is-Sudan t'Isfel, ir-RDK u lil hinn.

Huma kkundannaw bil-qawwa l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu fil-Lvant tar-RDK. Huma enfasizzaw l-importanza li l-awturi ta' dawk l-atti faħxija jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Il-mexxejja esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-qawmien mill-ġdid ta' kolpi ta' stat militari, il-vjolenza qabel u wara l-elezzjonijiet u l-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw mill-kunflitti, kif ukoll it-theddida li ġejja mill-prevalenza dejjem tikber ta' organizzazzjonijiet terroristiċi fil-kontinent Afrikan.

Sħubija għat-tkabbir u l-iżvilupp

L-Afrika t'Isfel u l-UE huma impenjati għal sħubija li tappoġġa t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-industrijalizzazzjoni, il-benefiċjazzjoni tal-minerali kritiċi fis-sors, is-sħubijiet mal-industriji lokali u d-dekarbonizzazzjoni b'mod konsistenti mal-ħtiġijiet u t-tħassib rispettivi tagħhom f'livelli differenti ta' żvilupp ekonomiku.

Dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Ċifri kummerċjali

L-Afrika t'Isfel hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Afrika sub-Saħarjana, b'valur ta' €49 biljun ta' negozju tal-merkanzija fl-2023.

L-UE hija s-sors ewlieni ta' investiment dirett barrani tal-Afrika t'Isfel, li jammonta għal bejn wieħed u ieħor 47%.

Bis-saħħa tal-ftehim ta' sħubija ekonomika man-Nofsinhar tal-Afrika ffirmat f'Ġunju 2016, l-UE eliminat kompletament jew parzjalment id-dazji doganali fuq 98.7% tal-importazzjonijiet mill-Afrika t'Isfel.

Globu bl-UE enfasizzata bil-blu u l-Afrika t'Isfel bl-aħmar.
Kummerċ bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel (Infografika)

Kummerċ bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel (Infografika)

Sfidi u opportunitajiet

Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u tingħata spinta lill-kompetittività tal-Afrika t'Isfel u tal-UE, il-mexxejja ddiskutew:

  • it-tnedija ta' negozjati dwar sħubija għal kummerċ u investimenti nodfa (CTIP)
  • kif jistgħu jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet mill-Afrika t'Isfel ta' vetturi elettriċi u ibridi lejn is-suq tal-UE
  • l-isfidi eżistenti fil-kummerċ tal-prodotti tal-annimali u tal-pjanti
  • nodu ta' ċertifikazzjoni tal-esportazzjonijiet għad-djamanti fl-Afrika t'Isfel

Global Gateway

L-UE ħabbret pakkett ta' investiment tal-Global Gateway ta' €4.7 biljun, ibbażat fuq tliet elementi kostitwenti:

  • l-espansjoni tal-produzzjoni ta' vaċċini tal-Afrika t'Isfel u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur farmaċewtiċi lokali
  • l-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija ġusta permezz tal-iżvilupp ta' materja prima kritika, ktajjen tal-valur sikuri u sostenibbli tal-idroġenu b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u infrastruttura tal-enerġija
  • l-infrastruttura tal-konnettività, inkluż it-trasport u l-qasam diġitali

Minerali kritiċi

Il-mexxejja rrikonoxxew il-ħtieġa li jittieħed vantaġġ mill-minerali kritiċi għal tkabbir u żvilupp sostenibbli u inklużivi u wrew appoġġ għall-iżvilupp ta' qafas għal industrijalizzazzjoni u investimenti nodfa.

Huma wrew appoġġ ukoll għall-ftuħ ta' negozjati bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel bil-ħsieb li jiġi stabbilit memorandum ta' qbil dwar il-materja prima bejn iż-żewġ sħab.

Dekarbonizzazzjoni

Il-mexxejja qablu li jappoġġaw:

  • l-isforzi biex il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tiġi ttriplata globalment u biex l-effiċjenza enerġetika tiġi rduppjata globalment sal-2030
  • l-iżvilupp ta' ktajjen ta' valur strateġiċi b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju

Huma rrikonoxxew ukoll il-ħtieġa li jappoġġaw b'mod konġunt il-produzzjoni ta' idroġenu b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju sikur u sostenibbli u fjuwils u fjuwils sostenibbli għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

Kooperazzjoni settorjali bilaterali

Il-mexxejja nnutaw b'apprezzament l-fatt li kompliet tespandi l-kooperazzjoni bilaterali tagħhom f'diversi setturi bħall-kummerċ u l-investiment, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-politiki makroekonomiċi, l-ambjent, id-difiża, il-paċi u s-sigurtà.

Ir-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni u s-saħħa

Il-mexxejja rrikonoxxew ir-rwol fundamentali tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni għall-iżvilupp.

L-Afrika t'Isfel enfasizzat il-valur li tagħti lill-parteċipazzjoni tagħha f'Orizzont Ewropa, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni.

L-UE u l-Afrika t'Isfel qablu li jkomplu jikkollaboraw fuq kwistjonijiet ta' saħħa.

Sħaqna fuq l-impenn konġunt tagħna għall-għan tal-Unjoni Afrikana li tipproduċi fl-Afrika aktar minn 60% tal-vaċċini meħtieġa għall-popolazzjoni tal-Afrika.

Dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Drittijiet tal-bniedem

Il-mexxejja laqgħu l-kollaborazzjoni li għaddejja fi ħdan id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem biex id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jitħarsu u jsir progress fihom fuq livell dinji. Huma qablu li joħolqu sinerġija bejn il-pożizzjonijiet tagħhom fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-mexxejja qablu wkoll li l-progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, huma s-sisien ta' soċjetà demokratika u inklużiva.

Il-kuntatti bejn il-persuni

Matul it-tħejjijiet għas-summit, iż-żewġ partijiet iddeċidew li jkomplu d-djalogu kontinwu tagħhom dwar il-politika dwar il-viżi bejn l-Afrika t'Isfel u l-istati membri tal-UE bil-ħsieb li:

  • jitrawmu l-kuntatti bejn il-persuni
  • jiġu ffaċilitati interazzjonijiet imtejba għall-investituri u n-negozji

Informazzjoni ġenerali

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel ilha mill-2007.

Regolarment isiru laqgħat ta' livell għoli, fosthom aktar minn 20 djalogu settorjali differenti, djalogu annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, djalogu politiku ministerjaliu l-kunsill ta' kooperazzjoni konġunta (JCC).

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Marzu 2026