Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 04-05/12/2014, 4 u 5 ta' Diċembru 2014

Il-Kunsill jiddiskuti r-riforma tal-protezzjoni tad-data

Fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, fl-4 u l-5 ta' Diċembru 2014, il-ministri laħqu approċċ ġenerali parzjali fir-rigward tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data propost.

L-approċċ ġenerali parzjali jkopri l-artikoli kruċjali għall-kwistjoni tas-settur pubbliku. Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet b'rabta ma' sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar tad-data (Kapitolu IX).

Barra minn hekk, il-ministri kellhom dibattitu dwar il-mekkaniżmu "punt uniku ta' servizz", abbażi ta' proposta ppreżentata mill-Presidenza. Din il-proposta ppruvat iżżomm il-prinċipju ta' deċiżjoni superviżorja unika għall-każijiet transnazzjonali importanti, filwaqt li tieħu kont ukoll tal-ħtieġa li tittejjeb il-prossimità bejn l-individwi u l-awtorità tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-ministri approvaw l-arkitettura ġenerali tal-proposta u kkonkludew li hemm bżonn ta' aktar ħidma teknika abbażi ta' dawn l-elementi.

Il-Presidenza infurmat ukoll lill-Kunsill bl-istat attwali tad-direttiva dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-iskop tal-infurzar tal-liġi.

Ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Kunsill kellu dibattitu approfondit dwar il-kwistjoni tal-ġellieda barranin, abbażi ta' dokument informali mħejji mill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Il-Koordinatur ippreżenta wkoll rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill fid-9-10 ta' Ottubru 2014.

Il-ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ħadu kont tal-progress li sar s'issa fir-rigward tal-ġellieda barranin, u ffokaw fuq:

  • ir-reazzjoni ġudizzjarja għall-fenomenu
  • aktar titjib fl-iskambju tal-informazzjoni
  • id-direttiva tal-UE dwar il-PNR

Il-Kunsill adotta wkoll l-abbozz ta' linji gwida għar-radikalizzazzjoni u l-istrateġija ta' reklutaġġ tal-UE. Huwa ħa nota ta' żewġ rapporti mill-Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu:

  • rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu
  • rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija riveduta dwar il-finanzjament tat-terroriżmu

Punti ewlenin oħrajn fuq l-aġenda

Il-Kunsill approva ftehim politiku li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament dwar il-proċedimenti ta' insolvenza propost. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħmlu l-proċedimenti ta' insolvenza transkonfinali aktar effiċjenti u effettivi. Dan jikkontribwixxi biex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq intern u r-reżiljenza tiegħu fi kriżi ekonomika.

Il-ministri ġew infurmati wkoll mill-Kummissjoni u s-SEAE dwar żewġ punti b'rabta mal-migrazzjoni illegali:

  • l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet operazzjonali identifikati mit-Task Force għall-Mediterran
  • is-segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2014 "Tittieħed azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji"

Il-Kunsill kellu dibattitu dwar il-proposta għall-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Wara d-diskussjonijiet preċedenti rigward l-organizzazzjoni u l-kompetenzi tal-uffiċċju, il-ministri ffokaw f'dan il-każ fuq kif l-indipendenza tal-UPPE tista' tiġi żgurata bl-aħjar mod. Huma qablu li, sabiex tintlaħaq din l-indipendenza, ser ikun hemm bżonn ta' aktar diskussjonijiet biex jissaħħu r-regoli għall-ħatra u s-sensja tal-membri tal-Uffiċċju.

Il-Kunsill adotta wkoll, fost testi oħrajn:

  • approċċ ġenerali dwar id-direttiva dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali
  • approċċ ġenerali dwar regolament li jemenda r-regolament Ewropew dwar talbiet żgħar u r-regolament dwar l-ordni ta' ħlas Ewropea
  • Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' Strateġija ta' Sigurtà Interna mġedda għall-Unjoni Ewropea
  • Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Taħriġ tal-ġuristi: għodda essenzjali biex jiġi kkonsolidat l-acquis tal-UE
  • Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-legat tal-evalwazzjoni ta' Schengen fi ħdan il-Kunsill u r-rwol u r-responsabbiltajiet tagħha fil-futur skont il-mekkaniżmu l-ġdid
  • Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta’ netwerk operazzjonali - @ON - biex jiġġieled kontra gruppi tal-kriminalità serja u organizzata tat-tip mafjuż

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025