Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 15 ta' Ottubru 2024

Riżultati ewlenin

Is-settur tal-enerġija għal UE kompetittiva

B'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta' Draghi, il-ministri skambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom dwar il-kontribut tas-settur tal-enerġija għall-kompetittività tal-UE.

<p>Attila Steiner, Ministru tal-Istat għall-Enerġija u l-Politika Klimatika tal-Ungerija</p>

L-enerġija hija waħda mill-aktar kontributuri importanti għall-kompetittività tal-UE. Illum, kellna diskussjoni kostruttiva dwar kif nistgħu niżguraw enerġija abbundanti, affordabbli u nadifa għaċ-ċittadini u l-industriji tagħna, filwaqt li nżidu l-isforzi tagħna għad-dekarbonizzazzjoni.

<p>Attila Steiner, Ministru tal-Istat għall-Enerġija u l-Politika Klimatika tal-Ungerija</p>

Attila Steiner, Ministru tal-Istat għall-Enerġija u l-Politika Klimatika tal-Ungerija

Il-ministri għall-enerġija identifikaw ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità u dawk li jikkontribwixxu l-aktar għall-objettiv tal-UE li żżomm il-kostijiet tal-enerġija affordabbli u kompetittivi mingħajr ma jintesa l-bżonn għad-dekarbonizzazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija. Iddiskutew ukoll modi biex tiġi indirizzata l-ħtieġa għal investiment fuq skala kbira fil-grilji, id-diġitalizzazzjoni, il-ħżin u l-interkonnessjonijiet, inkluż billi jiġi rinfurzat il-kapital privat.

Prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa

Il-ministri kellhom diskussjoni dwar id-diverġenza tal-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa fl-UE, b'enfasi fuq iż-żidiet qawwija fil-prezzijiet fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk. Il-ministri għall-enerġija qasmu t-tħassib imqanqal mill-prezzijiet għoljin fir-reġjun u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività u l-ekonomiji. Qablu li hija meħtieġa azzjoni koordinata tal-UE biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet u tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija fir-reġjun u fl-UE.

Irriflettew dwar miżuri mmirati possibbli biex tiżdied il-kapaċità transfruntiera u enfasizzaw il-ħtieġa għal investiment fl-interkonnessjonijiet u għal koordinazzjoni msaħħa f'livell reġjonali usa'. Identifikaw kemm passi fuq terminu qasir kif ukoll passi fit-tul biex tittejjeb l-effiċjenza tal-flussi transfruntieri.

Id-diskussjonijiet ser ikomplu fil-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), li ser issir f'Budapest fid-29 ta' Ottubru 2024.

Tħejjija għax-xitwa

Il-ministri għall-enerġija ddiskutew it-tħejjija għall-istaġun li ġej tax-xitwa. Il-Kummissjoni tat lill-ministri aġġornament dwar is-sigurtà tal-provvista fl-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta' azzjoni tagħha biex iżżid l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna għall-enerġija filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-UE.

Il-Ministru għall-Enerġija Ukren German Galushchenko ta preżentazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna (permezz ta' vidjokonferenza).

L-istat tal-unjoni tal-enerġija u REPowerEU

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-istat tal-unjoni tal-enerġija u tat informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan REPowerEU. B'mod partikolari, il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar kif l-UE qed tagħmel progress fil-kisba tal-għan tagħha li telimina gradwalment il-fjuwils fossili Russi.

Affarijiet oħra

Il-presidenza Ungeriża informat lill-ministri dwar il-Konferenza dwar l-Enerġija Ġeotermali li saret f'Budapest fl-20 ta' Settembru 2024.

Il-ministri rċevew aġġornament mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni "Lesti għall-mira ta' 55%". "Lesti għall-mira ta' 55%" hija l-leġiżlazzjoni tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mill-inqas 55% sal-2030 u biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.

Ċipru pprovda informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni konġunta dwar "Transforming the Mediterranean Region into a Green Energy Corridor", li ġiet adottata fit-23 ta' Settembru fis-Summit Ministerjali dwar l-Enerġija tal-MED9.

L-Irlanda, il-Belġju, il-Ġermanja u n-Netherlands talbu analiżi ulterjuri mill-Kummissjoni u kooperazzjoni mill-istati membri dwar il-provvista ta' bijofjuwils minn derivattivi taż-żejt tal-palm u l-prevenzjoni tal-frodi.

Franza, flimkien mal-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja, infurmat lill-ministri dwar il-ħtieġa li jinfetħu rkanti futuri tal-bank Ewropew tal-idroġenu għall-idroġenu kollu b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż dak rinnovabbli.

Il-Belġju, appoġġat mill-Finlandja, appella għal implimentazzjoni aktar koordinata tal-miżuri restrittivi tal-UE fuq it-trażbordi ta' LNG Russu.

Ir-Repubblika Ċeka informat lill-ministri dwar il-forum Ewropew dwar l-enerġija nukleari, li sar fi Praga fit-30 ta' Settembru u l-1 ta' Ottubru.

Mappa li turi ċrieki ta' daqsijiet differenti, kull wieħed minnhom jinsab fi stat membru tal-UE fejn hemm faċilitajiet għall-ħżin tal-gass. Id-daqs ta' kull ċirku jikkorrispondi għall-kapaċità ta' ħżin ta' dak il-pajjiż.
Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE? (Infografika)

Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE? (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025