Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Trasport), 5 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati (approċċ ġenerali) rigward direttiva ġdida dwar l-effett fl-UE kollha ta' ċerti skwalifiki mis-sewqan, bħala parti mill-pakkett dwar is-"sikurezza fit-toroq", regolament dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE u regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali.

Il-Kunsill ħa nota wkoll ta' rapport ta' progress dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-direttiva dwar it-trasport ikkombinat, bħala parti mill-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, u kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

Kienet laqgħa produttiva: ilħaqna qbil dwar il-pożizzjonijiet tal-Kunsill fin-negozjati dwar atti leġiżlattivi ewlenin għas-sikurezza fit-toroq u għall-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa. Issa ngħaddu kollox f'idejn il-presidenza Pollakka biex nagħmlu progress fuq dawn il-fajls f'taħditiet futuri mal-Parlament.

Bálint Nagy, Ministru tal-Istat tal-Ungerija għat-Trasport

Sikurezza fit-toroq

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar l-iskwalifiki mis-sewqan bħala parti mill-hekk imsejjaħ "pakkett dwar is-sikurezza fit-toroq", li jippermetti lill-presidenza tidħol f'negozjati interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl. L-abbozz ta' direttiva huwa segwitu għad-dikjarazzjoni ministerjali tal-Belt Valletta ta' Marzu 2017, li appellat għal azzjoni biex tintemm l-impunità relattiva tal-awturi mhux residenti ta' reati tat-traffiku serji. Ladarba tkun fis-seħħ, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser ittejjeb is-sikurezza fit-toroq Ewropej billi tiżgura, fost affarijiet oħra, li s-sewwieqa li jkollhom il-liċenzja tas-sewqan tagħhom irtirata fi stat membru minħabba ksur serju tar-regoli tat-traffiku, ma jitħallewx isuqu fl-UE kollha.

Drittijiet tal-passiġġieri

Il-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu rigward żewġ regolamenti dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE, u dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali, bħala parti mill-hekk imsejjaħ "pakkett dwar il-mobbiltà tal-passiġġieri", li jippermetti lill-presidenza tidħol f'taħditiet interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar dawk il-fajls. Iż-żewġ proposti għandhom l-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-qafas attwali f'termini tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri, partikolarment billi jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni. Barra minn hekk, it-tieni proposta għandha l-għan li telimina d-diskrepanzi regolatorji f'termini tal-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-fornituri differenti ta' servizzi tal-ivvjaġġar involuti fi vjaġġi multimodali meta l-passiġġieri jużaw diversi modi differenti tat-trasport biex jaslu minn post għal ieħor.

Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru. Il-ministri qablu dwar il-ħtieġa li jiġi ssimplifikat il-qafas legali għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru biex il-protezzjoni uniformi tal-passiġġieri tal-ajru tiġi żgurata b'leġiżlazzjoni mhux ambigwa li tenfasizza l-aktar kwistjonijiet importanti. Il-qafas il-ġdid għandu jsib kompromess tajjeb bejn l-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-passiġġieri u li jinżammu kostijiet raġonevoli għal-linji tal-ajru. Kien hemm ukoll kunsens qawwi dwar il-ħtieġa li jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa. Barra minn hekk, il-ministri qablu dwar il-ħtieġa li tittejjeb l-informazzjoni għall-passiġġieri u tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-drittijiet tagħhom b'definizzjonijiet u skadenzi ċari. Qablu wkoll li r-reviżjoni għandha tnaqqas il-piż amministrattiv u ttejjeb il-kundizzjonijiet ekwi bejn il-linji tal-ajru. F'dan il-kuntest, il-ministri qablu li jkomplu jaħdmu fuq dan il-fajl mill-aktar fis fil-Kunsill.

Trasport intermodali

Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-direttiva tal-1992 dwar it-trasport ikkombinat.

Affarijiet oħra

Proposti leġiżlattivi attwali

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-fajls leġiżlattivi li ġejjin, li dwarhom għadhom għaddejjin negozjati informali mal-Parlament Ewropew:

  • id-direttiva l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan, bħala parti mill-pakkett dwar is-"sikurezza fit-toroq"
  • ir-regolament il-ġdid dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), bħala parti mill-pakkett dwar is-"sikurezza marittima"
  • ir-regolament il-ġdid dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea, bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-"ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija"

Suġġetti oħra

Trasport fuq l-art

Id-delegazzjoni Bulgara u dik Ċeka, Pollakka, Rumena, Slovakka u Taljana infurmaw lill-Kunsill dwar l-inizjattiva konġunta tagħhom għal politika awtomobilistika Ewropea mġedda li ssib bilanċ bejn il-kompetittività u l-ambizzjoni klimatika.

Trasport marittimu

Id-delegazzjoni Bulgara u dik Ċiprijotta, Griega, Kroata, Maltija, Portugiża, Rumena, Spanjola u Taljana ġibdu l-attenzjoni tal-Kunsill għall-impatt negattiv possibbli tal-estensjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) fuq it-trasport marittimu u fuq il-kompetittività tal-portijiet tal-UE.

Avjazzjoni

Franza, bl-appoġġ tad-delegazzjonijiet kollha, infurmat lill-Kunsill dwar it-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE rigward il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru mas-Saltna tal-Oman. Id-delegazzjoni Litwana infurmat lill-Kunsill ukoll dwar l-inkursjonijiet ta' oġġetti mhux awtorizzati minn pajjiżi terzi ġewwa l-istati membri tal-UE.

Trasport intermodali

Id-delegazzjoni Estonjana, dik Latvjana u dik Litwana ppreżentaw id-dokument informali konġunt tagħhom dwar il-programm li jmiss tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa III. Id-delegazzjoni Spanjola qajmet il-kwistjoni tar-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għal avvenimenti estremi relatati mal-klima u ġeofiżiċi. Il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill ukoll dwar ir-rwol tal-pjanijiet soċjali għall-klima fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar fit-trasport.

Programm ta' ħidma tal-presidenza

Id-delegazzjoni Pollakka ppreżentat il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2025.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Mejju 2025