"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 6 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà (ENISA) u dwar il-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Kif nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-infrastruttura diġitali tal-UE?" Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-miri u l-objettivi tal-programm ta' politika għad-deċennju diġitali 2030.

Zoltán Kovács. Ministru tal-istat Ungeriż għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet internazzjonali

Kienet laqgħa ta' suċċess: approvajna żewġ ġabriet ta' konklużjonijiet biex inkomplu nsaħħu l-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà u nipprovdu gwida ċara dwar il-ħtiġijiet futuri tal-infrastruttura diġitali tal-UE. Kellna wkoll diskussjoni utli dwar kif nilħqu l-miri ambizzjużi tagħna għal dan id-deċennju u issa ser ngħaddu r-responsabbiltà lill-presidenza Pollakka biex tkompli l-ħidma fil-qasam diġitali.

Zoltán Kovács. Ministru tal-istat Ungeriż għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet internazzjonali

Zoltán Kovács. Ministru tal-istat Ungeriż għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet internazzjonali

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ENISA

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà (ENISA). Il-ministri għarfu r-rwol kruċjali tal-ENISA fl-ekosistema Ewropea taċ-ċibersigurtà b'segwitu għal inizjattivi leġiżlattivi reċenti, bħall-att dwar ir-reżiljenza ċibernetika (CRA) jew id-direttiva riveduta dwar in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni (NIS 2), li taw lill-aġenzija kompiti addizzjonali. Il-konklużjonijiet għarfu wkoll l-appoġġ tal-ENISA lill-istati membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika. Madankollu, appellaw għal aktar titjib u azzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-istabbiliment ta' pjattaforma unika ta' rapportar. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-kontribut importanti tal-ENISA fit-tisħiħ tal-għarfien komuni tas-sitwazzjoni, kif ukoll fl-iżvilupp ta' rispons komuni għal inċidenti jew kriżijiet ċibernetiċi fuq skala kbira. Fl-aħħar nett, il-ministri enfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni tal-aġenzija ma' atturi oħra fl-ekosistema ċibernetika, iżda wkoll ma' organizzazzjonijiet u sħab internazzjonali u mas-settur privat.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtiġijiet futuri tal-infrastruttura diġitali tal-UE

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Kif nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-infrastruttura diġitali tal-UE?". Il-ministri wasslu ġabra komprensiva ta' messaġġi dwar it-trawwim tal-innovazzjoni, l-iżgurar tas-sigurtà u r-reżiljenza, il-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, u l-ixprunar tal-investimenti fl-infrastrutturi diġitali bil-ħsieb li jsir progress fl-għanijiet tal-kompetittività u t-trasformazzjoni diġitali tal-UE. It-test tal-konklużjonijiet jittratta mistoqsijiet importanti, bħall-ħtieġa li tiġi vvalutata bir-reqqa l-konverġenza possibbli tal-cloud u t-telekomunikazzjoni fl-ekosistema diġitali u l-konsolidazzjoni tas-suq, fejn il-ħtieġa għal kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti ġiet enfasizzata minn għadd konsiderevoli ta' ministri. Matul id-dibattitu ma' xi ministri, issemmew ukoll kwistjonijiet regolatorji, fejn ġiet issottolinjata l-importanza li tinżamm il-possibbiltà ta' kontroll ex ante fuq ċerti swieq ta' aċċess, kif ukoll li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-istati membri, il-kompetizzjoni, u l-benesseri tal-konsumaturi fil-kuntest tal-migrazzjoni mir-ram għall-fibra.

Dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-programm ta' politika għad-deċennju diġitali 2030

Fuq inizjattiva tal-presidenza, il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni intitolat "L-objettivi u l-miri tad-deċennju diġitali 2030 fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi reċenti". Id-diskussjoni tat lill-ministri opportunità biex jiddiskutu l-miri u l-objettivi tal-programm fil-kuntest tal-iżviluppi reċenti fl-isfera teknika, dik ekonomika u dik soċjetali, bil-ħsieb tar-reviżjoni tiegħu fl-2026.

Filwaqt li esploraw l-azzjonijiet possibbli meħtieġa biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi sal-iskadenza tal-2030, il-ministri ddiskutew jekk l-UE għandhiex tikkalibra mill-ġdid il-miri tad-deċennju diġitali tagħha fl-2026 biex jirriflettu l-pass rapidu tal-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, bħas-6G, l-IA u l-proliferazzjoni tal-cloud computing bħala teknoloġija abilitanti. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet ukoll dwar kif jista' jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tal-innovazzjoni teknoloġika filwaqt li żżomm għanijiet realistiċi u li jistgħu jintlaħqu. Għal dan l-għan, il-ministri qablu li l-UE għandha ssaħħaħ ir-rabta bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni fit-teknoloġiji emerġenti. Barra minn hekk, il-ministri rriflettew dwar kif l-Ewropa tista' tippożizzjona ruħha aħjar fil-konfront tal-kompetituri globali fit-teknoloġiji mill-aktar avvanzati ewlenin u fil-faċilitazzjoni tal-adozzjoni tagħhom u dwar kif tista' tasserixxi l-pożizzjoni tagħha fl-ekosistema diġitali globali. Fl-aħħar nett, il-ministri esploraw modi kif l-UE tista' tiżgura li l-għanijiet tal-infrastruttura diġitali tagħha jallinjaw ruħhom mal-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali.

Affarijiet oħra

Il-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) għarraf lill-Kunsill dwar l-iżviluppi reċenti fl-organizzazzjoni u l-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar l-Assemblea Dinjija għall-Istandardizzazzjoni tat-Telekomunikazzjoni (WTSA) tal-UIT, li saret mill-15 sal-24 ta' Ottubru 2024 fi New Delhi, l-Indja.

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali f'dak li jirrigwarda l-konvenzjoni qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u tat ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-avvenimenti dwar l-affarijiet diġitali organizzati fit-tieni nofs tal-2024.

Il-Kummissjoni ppreżentat l-istudju ppubblikat reċentement dwar il-futur tas-settur postali u ddeskriviet l-inizjattivi internazzjonali reċenti fil-qasam diġitali b'enfasi fuq il-kunsilli tal-kummerċ u t-teknoloġija u s-sħubijiet diġitali. Elaborat ukoll dwar ir-roaming mal-pajjiżi kandidati tal-UE, b'enfasi speċjali fuq l-Ukrajna, il-Moldova, il-Georgia, u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent.

Id-delegazzjoni Franċiża għarrfet lill-ministri dwar it-tħejjijiet għas-summit ta' azzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) li ġej, li għandu jsir f'Pariġi fl-10 u l-11 ta' Frar 2025. Id-delegazzjoni Awstrijaka infurmat lill-Kunsill dwar il-qafas ta' referenza tal-pajjiż għall-kompetenza diġitali, filwaqt li d-delegazzjoni Griega ppreżentat l-istrateġija nazzjonali tagħha għall-ħarsien tal-minorenni online.

Id-delegazzjoni Belġjana, Estonjana, Finlandiża, Ġermaniża, Griega, Irlandiża, Netherlandiża, Slovakka u dik Żvediża semmew il-ħtieġa għal regolamentazzjoni diġitali aħjar għall-SMEs fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett, il-presidenza Pollakka li jmiss ippreżentat il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma tagħha għal-ewwel nofs tal-2025.

Ikla ta' nofsinhar informali

Waqt ikla ta' nofsinhar informali u fil-preżenza tal-Viċi Segretarju Ġenerali tal-UIT, Tomas Lamanauskas, il-ministri ddiskutew modi kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UIT u tissaħħaħ l-influwenza tal-UE fi ħdan l-organizzazzjoni. Il-ministri rrikonoxxew li r-relazzjoni tal-UE mal-UIT hija importanti mhux l-inqas minħabba li l-UIT timmaniġġja l-ispettru tar-radju f'livell dinji, tagħmel avvanzi fl-istandards dinjin tat-telekomunikazzjoni, u tappoġġa konnettività affordabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Xi wħud issottolinjaw ukoll li l-UIT għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni ta' standards diġitali li jkunu inklużivi, sostenibbli u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Il-ministri qablu li s-sehem tal-istati membri u tal-UE fl-attivitajiet tal-UIT jeħtieġ li jiġi vvalutat fid-dawl tat-teknoloġiji diġitali ġodda emerġenti u d-dinamika ġeopolitika li ssawwar l-infrastruttura u l-governanza diġitali futuri. F'dan il-kuntest, il-ministri rriflettew dwar kif tista' tissaħħaħ aktar il-koordinazzjoni tal-istati membri fir-rigward tal-UIT, liema oqsma partikolari għandhom jiġu kkunsidrati għal tali kooperazzjoni u x'tip ta' riżorsi u mekkaniżmi huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025