PAK: Pagamenti diretti wara l-2013
X'inhuma l-bidliet fil-pagamenti diretti?
Il-pagamenti diretti (jiġifieri appoġġ għad-dħul bażiku lill-bdiewa biex jikkumpensahom għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi li jipprovdu): Ser ikun hemm ridistribuzzjoni gradwali tal-appoġġ fi ħdan l-istati membri jew ir-reġjuni, biex jitnaqqsu l-akbar differenzi fil-livelli ta' appoġġ li jirċievu l-bdiewa fl-UE.
Tnaqqis tal-pagamenti diretti: Il-pagamenti diretti lil farms kbar ser jitnaqqsu mill-inqas b'5% għal ammonti 'l fuq minn €150 000 fis-sena. Dak li jiġi ffrankat ser jibqa' fl-istat membru biex jintuża għal żvilupp rurali.
Biedja ekoloġika
Prattiki ta' biedja ekoloġika taħt ir-riforma tal-PAK jinkludu:
- iż-żamma ta' żona minima ta' bur permanenti
- it-tkabbir ta' mill-anqas tliet għelejjel differenti fuq ir-raba'
- iż-żamma ta' żona minima koperta b'karatteristiċi tal-pajsaġġ bħal sisien tal-ħaxix u għadajjar, strixex ta' art mistrieħa, żoni ta' foresta jew żoni b'għelejjel li jgħinu l-kwalità tal-ħamrija u l-ilma
Żbilanċi eżistenti fil-livelli ta' pagament bejn l-istati membri ser jiġu parzjalment livellati: L-istati membri li l-livell medju attwali tagħhom ta' pagament dirett għal kull ettaru huwa anqas minn 90% tal-medja tal-UE ser jaraw il-livell tagħhom jogħla b'mod gradwali. Sal-2019, il-livell minimu fl-UE kollha għandu jkun bejn wieħed u ieħor ta' €196 għal kull ettaru. Din il-konverġenza ser tiġi ffinanzjata mill-istati membri li l-livell medju tal-pagament dirett tagħhom huwa aktar mill-medja tal-UE.
Il-pagamenti diretti lill-bdiewa ġodda u l-bdiewa żgħażagħ (taħt l-40 sena) ser jiżdiedu għall-ewwel ħames snin ta' attività. Dan ser ikun minbarra miżuri ta' appoġġ oħra disponibbli skont programmi ta' żvilupp rurali.
Fil-futur, il-bdiewa li jirċievu biss ammont żgħir f'pagamenti diretti ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn 'skema għal bdiewa żgħar' simplifikata. Din ser tnaqqas il-burokrazija kemm għal bdiewa żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali.
Ekoloġizzazzjoni: 30% tal-pagamenti diretti ser jingħataw lill-bdiewa dment li josservaw prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Il-produzzjoni organika ser titqies awtomatikament li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-ekoloġizzazzjoni. In-nuqqas ta' rispett tal-kondizzjonijiet ta' ekoloġizzazzjoni jwasslu għal penali.
Fil-futur il-'bdiewa attivi' biss ser jirċievu finanzjament. Ir-regoli l-ġodda jiċċaraw li sidien ta' ħafna artijiet mingħajr ebda attività agrikola reali u kumpanniji b'żoni kbar ta' bur (bħall-ajruporti) mhumiex ser ikunu jistgħu jitolbu pagamenti għall-farms.
Żieda fil-flessibbiltà għall-istati membri fl-użu tal-kwadri finanzjarji nazzjonali tagħhom: L-istati membri kollha ser ikunu jistgħu jmexxu sa 15% tal-fondi tagħhom bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK. L-istati membri li għandhom il-pakketti tal-pagamenti diretti tagħhom anqas mill-medja tal-UE jistgħu saħansitra jittrasferixxu sa 25% tal-fondi tagħhom tat-tieni pilastru għall-ewwel pilastru.