"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Data dwar il-passiġġieri

Il-kondiviżjoni tad-data dwar il-passiġġieri hija utli għall-prevenzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u ta' kriminalità serja. Id-direttiva dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandha l-għan li tirregola t-trasferiment ta' data bażika bħal din mil-linji tal-ajru lill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li r-regolamenti dwar informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri jistabbilixxu regoli għall-ġbir u t-trasferiment ta' data aktar personali lill-awtoritajiet nazzjonali.

X'inhi d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri?

Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) hija informazzjoni personali pprovduta mill-passiġġieri u li tinġabar u tinżamm mill-kumpaniji tal-ajru. Din tinkludi informazzjoni bħall-isem tal-passiġġier, id-dati tal-vjaġġi, l-itinerarji, in-numru tas-siġġu, il-bagalji, id-dettalji ta' kuntatt u l-mezzi ta' pagament.

Id-Direttiva dwar il-PNR tirregola t-trasferiment ta' din id-data lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-istati membri u l-ipproċessar tagħha għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar test ta' kompromess f'Diċembru 2015. Fl-14 ta' April 2016, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu. Il-Kunsill imbagħad adotta d-direttiva fil-21 ta' April 2016. L-istati membri kellhom sentejn biex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-direttiva.

X'inhi l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri?

L-informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API) tirreferi għall-identità tal-passiġġier, li ġeneralment tinkiseb mid-dokumenti tal-ivvjaġġar jew il-passaporti, bħal:

  • l-isem sħiħ
  • id-data tat-twelid
  • in-nazzjonalità

Din l-informazzjoni tiġi trażmessa lill-awtoritajiet tal-gvern u tista' tkun għodda utli għall-kontroll fuq il-fruntiera jew għall-ipproċessar tas-sigurtà tal-gvernijiet.

F'Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi għal regolamenti biex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u biex tiżdied is-sigurtà interna. Fl-1 ta' Marzu 2024, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar il-liġi l-ġdida.

Regoli tal-UE biex jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu

Il-kriminalità organizzata u l-attivitajiet terroristiċi sikwit jinvolvu l-ivvjaġġar internazzjonali. Bħala reazzjoni għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni skont il-Konvenzjoni ta' Schengen, l-UE tipprevedi l-iskambju ta' data personali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Is-sistema tal-PNR tikkomplementa l-għodod li diġà jeżistu biex jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera. L-ipproċessar tad-data tal-PNR jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jindividwaw persuni mhux suspettati b'reati jew terroriżmu qabel ma l-analiżi ta' data speċifika turi li dawn fil-fatt jistgħu jkunu.

Il-parti l-kbira tal-istati membri diġà jużaw id-data tal-PNR li tingħata skont il-liġi nazzjonali lill-pulizija jew awtoritajiet oħra. Is-sistema tal-PNR tal-UE tarmonizza d-dispożizzjonijiet legali tal-istati membri, u b'hekk tiġi evitata l-inċertezza legali u n-nuqqasijiet fis-sigurtà, filwaqt li fl-istess ħin tħares il-protezzjoni tad-data.

L-UE diġà ffirmat ftehimiet li jippermettu lill-kumpaniji tal-ajru tal-UE jittrasferixxu data tal-PNR lejn l-Istati Uniti u l-Awstralja.

Fi Frar 2020, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati bejn l-UE u l-Ġappun għal ftehim dwar il-PNR.

F'April 2025, il-Kunsill adotta deċiżjoni li formalment tikkonkludi ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-użu ta' data tal-PNR.

Id-direttiva dwar il-PNR għandha l-għan li tirregola t-trasferiment ta' data tal-PNR mingħand il-linji tal-ajru lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll l-ipproċessar ta' din id-data min-naħa tagħhom. Skont id-direttiva, il-linji tal-ajru jridu jipprovdu d-data tal-PNR għat-titjiriet li jidħlu jew li jitilqu mill-UE. L-istati membri huma permessi, iżda mhux obbligati, li jiġbru d-data tal-PNR li tikkonċerna titjiriet magħżula ġewwa l-UE.

Id-direttiva tistabbilixxi li d-data tal-PNR miġbura tista' tiġi pproċessata biss għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja.

Fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet, id-data tal-PNR tista' tintuża b'diversi modi:

  • għal valutazzjoni qabel il-wasla jew qabel it-tluq ta' passiġġieri skont kriterji ta' riskju definiti, jew sabiex jiġu identifikati persuni speċifiċi
  • bħala kontribut fl-iżvilupp ta' dawn il-kriterji ta' riskju
  • għal investigazzjonijiet jew proċedimenti speċifiċi

Sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, għall-privatezza u għan-nondiskriminazzjoni, id-direttiva tinkludi ġabra ta' limitazzjonijiet għat-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data tal-PNR:

  • id-direttiva tipprojbixxi l-ġbir u l-użu ta' data sensittiva
  • id-data tal-PNR tista' tinżamm għal perjodu ta' ħames snin biss, u għandha tiġi depersonalizzata wara perjodu ta' sitt xhur sabiex is-suġġett tad-data ma jibqax immedjatament identifikabbli
  • l-istati membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri biex titratta u tipproteġi d-data; din l-unità trid tinkludi uffiċjal tal-protezzjoni tad-data
  • l-istati membri jridu jiżguraw li l-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni ċara dwar il-ġbir tad-data tal-PNR u dwar drittijiethom
  • l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR ma jistax ikun l-unika bażi għad-deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali negattivi jew li jolqtu serjament lil persuna
  • it-trasferiment tad-data tal-PNR lejn pajjiżi terzi jista' jsir biss f'ċirkostanzi limitati ħafna u skont il-każ

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' April 2025