Skip to content

Sanzjonijiet kontra attakki ċibernetiċi

L-UE tista' timponi sanzjonijiet biex tiskoraġġixxi u tirreaġixxi għal attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna lill-UE jew l-istati membri tagħha.

Attakki ċibernetiċi li jheddu lill-UE jew lill-istati membri tagħha

F'Mejju 2019, il-Kunsill stabbilixxa qafas ta' sanzjonijiet li bis-saħħa tiegħu l-UE tista' timponi miżuri restrittivi mmirati biex tiskoraġġixxi u tirrispondi għall-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-istati membri tagħha.

B'mod aktar speċifiku, dan il-qafas jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet, għall-ewwel darba, fuq persuni jew entitajiet li huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki bħal dawn jew li huma involuti f'attakki bħal dawn.

Dan ir-reġim ta' sanzjonijiet ikopri attakki ċibernetiċi li għandhom impatt sinifikanti fuq l-UE u li joriġinaw jew jitwettqu minn barra l-UE, jużaw infrastruttura barra mill-UE, jitwettqu minn persuni jew entitajiet stabbiliti jew li joperaw barra mill-UE jew jitwettqu bl-appoġġ ta' persuni jew entitajiet li joperaw barra mill-UE.

Is-sanzjonijiet jinkludu projbizzjoni fuq persuni li jivvjaġġaw lejn l-UE u ffriżar tal-assi ta' persuni u entitajiet. Barra minn hekk, huwa pprojbit il-forniment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lill-individwi u l-entitajiet sanzjonati jew għall-benefiċċju tagħhom.

Ir-reġim ta' sanzjonijiet attwalment japplika għal 19-il individwu u 7 entitajiet u ġie estiż l-aħħar sat-18 ta' Mejju 2027.

L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-pajjiżi tal-UE jinkludu dawk li jaffettwaw sistemi ta' informazzjoni relatati ma':

  • infrastruttura kritika essenzjali għall-funzjonament vitali tas-soċjetà, jew għas-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà u l-benesseri ekonomiku jew soċjali taċ-ċittadini
  • servizzi meħtieġa għal attivitajiet soċjali u ekonomiċi essenzjali, b'mod partikolari l-enerġija, it-trasport, il-banek, il-finanzi, il-kura tas-saħħa, l-ilma tax-xorb u l-infrastruttura diġitali
  • funzjonijiet kritiċi tal-istat, b'mod partikolari d-difiża, il-governanza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, l-elezzjonijiet pubbliċi, l-infrastruttura ekonomika u ċivili, is-sigurtà interna u r-relazzjonijiet esterni, inkluż missjonijiet diplomatiċi
  • il-ħażna jew l-ipproċessar ta' informazzjoni klassifikata
  • skwadri tal-gvern ta' rispons f'emerġenza

L-individwi sanzjonati taħt dan ir-reġim ta' sanzjonijiet jinkludu ċittadini Russi responsabbli għal sensiela ta' attakki ċibernetiċi mwettqa kontra l-UE u l-istati membri tagħha, inkluż l-attakk tal-2015 fuq il-Parlament Federali Ġermaniż u l-attakki tal-2020 kontra diversi ministeri tal-gvern fl-Estonja.

L-entitajiet sanzjonati jinkludu kumpaniji li jipprovdu servizzi ta' hacking u prodotti użati biex jikkompromettu u jaċċessaw apparati fl-istati membri tal-UE. Dawn l-entitajiet huma bbażati f'pajjiżi mhux tal-UE bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran.

Spinta liċ-ċiberdiplomazija

F'Ġunju 2017, l-UE stabbiliet Qafas għal Rispons Diplomatiku Konġunt tal-UE għal Attivitajiet Ċibernetiċi Malizzjużi (is-"sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija"). Il-qafas jippermetti lill-UE u lill-istati membri tagħha jużaw il-miżuri kollha fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), inkluż sanzjonijiet jekk meħtieġa, biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mmirati lejn l-integrità u s-sigurtà tal-UE u tal-istati membri tagħha.

Is-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija ġie rivedut fl-2023 biex jippermetti l-iżvilupp ta' strateġiji sostnuti, imfassla apposta, koerenti u kkoordinati lejn atturi persistenti ta' theddid ċibernetiku.

L-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà adottata mill-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna f'Diċembru 2020 issaħħaħ ir-rispons diplomatiku tal-UE għall-attakki ċibernetiċi.

F'Ottubru 2024, il-Kunsill stabbilixxa qafas ġdid għal sanzjonijiet b'reazzjoni għall-azzjonijiet destabbilizzanti barra mill-pajjiż min-naħa tar-Russja.

Bis-saħħa ta' dan il-qafas l-UE tista' tqiegħed fil-mira individwi u entitajiet involuti f'azzjonijiet u politiki, inkluż attakki ċibernetiċi, mill-gvern tal-Federazzjoni Russa, li jdgħajfu l-valuri fundamentali tal-UE u l-istati membri tagħha, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħhom, kif ukoll dawk ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

Ara wkoll

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

Theddid ibridu

Theddid ibridu

Ċiberdifiża

Ċiberdifiża

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Mejju 2026