Skip to content

Theddid ibridu

L-UE u l-istati membri tagħha jaħdmu flimkien biex jipprevjenu, jiġġieldu kontra u jwieġbu għal theddid u kampanji ibridi li jaffettwaw l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha.

X'inhu t-theddid ibridu?

Id-definizzjonijiet ta' theddid u kampanji ibridi jvarjaw, peress li jeħtieġ li jibqgħu flessibbli biex jippermettu rispons xieraq skont in-natura li tkun qed tevolvi tat-theddida.

It-theddid ibridu normalment jirreferi għal attivitajiet koordinati ppjanati li jagħmlu l-ħsara u li jitwettqu b'intenzjoni malizzjuża. L-għan tagħhom hu li jimminaw entità fil-mira, pereżempju stat jew istituzzjoni, bl-użu ta' għadd varjat ta' mezzi, spiss ikkombinati. Dawn il-mezzi jistgħu jinkludu manipulazzjoni ta' informazzjoni, ċiberattakki, influwenza jew koerċizzjoni ekonomika, manuvrar politiku bil-moħbi, diplomazija koerċittiva, jew theddid ta' forza militari.

It-tattiki ibridi jintużaw minn atturi kemm statali kif ukoll mhux statali u qed jikbru fil-kumplessità u s-sofistikazzjoni. Minbarra r-riskju għas-sigurtà, huma theddida għad-demokrazija, billi jattakkaw il-valuri ċentrali tagħha u jippruvaw ikissru s-soċjetà u jimminaw it-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi.

Il-kampanji ibridi huma mfassla b'mod li jagħmilha diffiċli li tinduna bihom u li ssir difiża kontrihom. Huma magħmula b'mod li jkunu inqas mil-livell li jista' jitqies jew jiġi perċepit bħala att ta' gwerra. Għalhekk, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu hija sfida kumplessa u li qed tevolvi l-ħin kollu li għandhom quddiemhom l-Unjoni Ewropea, l-istati membri tagħha u s-sħab tagħha.

Rispons koordinat tal-UE għat-theddid ibridu

Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu hija tal-istati membri individwali tal-UE, dawn jieħdu wkoll azzjoni koordinata biex jiġġieldu dan it-theddid b'mod kollettiv.

Is-sett ta' għodod kontra theddid ibridu

Wara l-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-sigurtà u d-difiża f'Marzu 2022, l-UE stabbiliet sett ta' għodod tal-UE kontra theddid ibridu. Is-sett ta' għodod jinkludi l-miżuri preventivi, kooperattivi, ta' bini ta' stabbiltà, restrittivi u ta' appoġġ, kif jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Kunsill(approvati fil-21 ta' Ġunju 2022) dwar qafas għal rispons koordinat tal-UE għall-kampanji ibridi.

L-iskop tas-sett ta' għodod hu li:

  • jgħin fl-identifikazzjoni ta' kampanji ibridi kumplessi u multidimensjonali
  • jikkoordina reazzjonijiet mfassla apposta u transsettorjali

Billi jaġixxi bħala qafas ġenerali, is-sett ta' għodod kontra theddid ibridu jdaħħal mekkaniżmi u strumenti rilevanti oħra ta' rispons, bħas-sett ta' għodod kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin (FIMI). Barra minn hekk, l-UE żviluppat is-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija biex twieġeb għat-theddid u l-attakki ċibernetiċi.

Fis-16 ta' Marzu 2026, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-avvanz tal-kapaċità tal-UE li tiġġieled it-theddid ibridu, filwaqt li afferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-UE li tuża l-għodod kollha disponibbli biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u tirrispondi għal kampanji ibridi mmirati lejn l-UE, l-istati membri tagħha, u s-sħab tagħha irrispettivament mill-oriġini, l-iskala u l-intensità tagħhom.

L-UE tiddisponi wkoll minn mekkaniżmi tal-UE għall-ġestjoni ta' kriżijiet, inkluż l-Arranġamenti Integrati għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR) tal-Kunsill biex tappoġġa azzjoni koordinata b'rispons għal kriżijiet kbar u kumplessi, u biex tiskambja informazzjoni, eż. dwar l-interferenza fl-elezzjonijiet tal-UE tal-2024.

Timijiet ta' rispons kontra theddid ibridu

F'Mejju 2024, il-Kunsill approva l-qafas ta' gwida għall-istabbiliment prattiku tat-timijiet ta' rispons rapidu tal-UE kontra theddid ibridu.

It-timijiet ta' rispons rapidu kontra theddid ibridu huma wieħed mill-istrumenti fis-sett ta' għodod tal-UE kontra t-theddid ibridu li jappoġġaw lill-istati membri tal-UE, lil pajjiżi sħab, u lill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

Aktar informazzjoni dwar il-qafas tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu:

Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

Kampanji ta' diżinformazzjoni u, aktar ġeneralment, manipulazzjoni ta' informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI) spiss jintużaw minn atturi ta' theddid bħala parti minn kampanja ibrida usa', jew waħedhom. L-UE għandha diversi mekkaniżmi għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġġieled il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin.

Fil-21 ta' Mejju 2024, qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar is-salvagwardja tal-proċessi elettorali minn indħil barrani. Il-konklużjonijiet appellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-istati membri biex iżidu l-azzjoni ta' monitoraġġ kontra tentattivi minn atturi barranin li jinterferixxu fil-proċess demokratiku tal-UE, u biex jagħmlu użu mill-mekkaniżmi, in-networks u l-għodod kollha tal-UE biex jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet, mingħajr ma jimpedixxu dibattitu demokratiku miftuħ.

Reżiljenza tal-infrastruttura kritika

Mill-2022, l-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-infrastruttura kritika. Fit-8 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill adotta leġiżlazzjoni ġdida biex jiżgura li setturi kritiċi bħall-enerġija, l-ilma, it-trasport u s-saħħa jkunu jistgħu jipprevjenu attakki ibridi, jipproteġu kontrihom, iwieġbu għalihom, ilaħħqu magħhom u jirkupraw minnhom, fost affarijiet oħra (id-direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi). Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jsaħħu r-reżiljenza fiżika tal-entitajiet kritiċi.

Barra minn hekk, f'Diċembru 2022, wara l-atti ta' sabotaġġ kontra l-pipeline Nord Stream, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

Ir-rakkomandazzjoni żiedet il-kapaċità tal-UE li tipproteġi l-infrastruttura kritika tagħha u tkopri tliet oqsma ta' prijorità: it-tħejjija, ir-rispons u l-kooperazzjoni internazzjonali.

F'Ġunju 2024, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar pjan ta' azzjoni biex jikkoordina rispons fil-livell tal-UE għal tfixkil fl-infrastruttura kritika b'rilevanza transfruntiera sinifikanti. Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet pjan ta' azzjoni għall-infrastruttura kritika bil-għan li jippromwovi l-għarfien komuni tas-sitwazzjoni dwar l-oriġini u l-konsegwenzi ta' inċident, jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-komunikazzjonijiet pubbliċi u jiżgura rispons effettiv.

Sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni

Fit-28 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-direttiva dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-UE. Ir-regoli l-ġodda jkomplu jtejbu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons għall-inċidenti kemm tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat u tal-UE kollha kemm hi, inkluż fir-rigward ta' attakki ibridi.

Id-direttiva l-ġdida, imsejħa "NIS2", issostitwiet ir-regoli preċedenti dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-direttiva NIS).

Ħidma mas-sħab biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu

Il-ħidma flimkien ma' organizzazzjonijiet u sħab tal-UE hija kruċjali għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

Kooperazzjoni UE-NATO

Is-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija kruċjali għaż-żamma tas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika. L-inizjattivi bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu jinkludu:

  • proposti komuni għal kooperazzjoni b'rabta mat-theddid ibridu
  • djalogu strutturat dwar ir-reżiljenza mibdi fl-2022

L-UE u n-NATO jwettqu wkoll eżerċizzji konġunti fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet, imsejħa eżerċizzji paralleli u kkoordinati (PACE). L-eżerċizzju tal-2024 kellu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirrispondi għal kriżijiet ibridi potenzjali, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE.

Appoġġ għal pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu

L-UE hija impenjata li tappoġġa lill-pajjiżi sħab tagħha fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Il-Missjoni ta' Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM Moldova) hija xempju ta' kooperazzjoni bħal din.

Il-missjoni tnediet f'Mejju 2023 biex tgħin fit-tisħiħ tal-istrutturi tal-maniġġar ta' kriżijiet tal-Moldova u tassisti biex hija ttejjeb ir-reżiljenza tagħha għat-theddid ibridu kif ukoll iċ-ċibersigurtà tagħha.

L-attivitajiet ibridi tar-Russja u l-Belarussja kontra l-UE

Russja

L-UE tikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ibridi persistenti tar-Russja li jinkludu s-sabotaġġ, it-tfixkil tal-infrastruttura kritika, l-attakki ċibernetiċi, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza (FIMI) u t-tentattivi biex jiddgħajfu d-demokrazija u l-proċess elettorali.

Dawn l-attivitajiet malizzjużi huma xhieda tal-imġiba imprudenti u irresponsabbli tar-Russja u n-nuqqas ta' rispett tagħha għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u d-dritt internazzjonali. Jiffurmaw parti minn kampanji ibridi usa', ikkoordinati u li ilhom jeżistu, li għandhom l-għan li jheddu u jimminaw is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-pedamenti demokratiċi tal-UE, tal-istati membri tagħha u tas-sħab tagħha.

L-UE u l-istati membri tagħha ser ikomplu jużaw il-firxa sħiħa ta' għodod disponibbli (inkluż sanzjonijiet) biex jipproteġu, jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal tali mġiba malizzjuża.

Collage li jinkludi turrun gazzetti, laptop, u kaxxa tal-voti trasparenti bil-karti ġo fiha.
L-attivitajiet ibridi tar-Russja: sanzjonijiet tal-UE

L-attivitajiet ibridi tar-Russja: sanzjonijiet tal-UE

Belarussja

L-UE tikkundanna l-attakki ibridi intensifikati tal-Belarussja kontra l-UE u l-istati membri tagħha, inkluż l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u l-vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tal-UE

Il-vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru joħolqu riskji serji għas-sigurtà u s-sikurezza, primarjament għall-avjazzjoni ċivili u għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw stat membru tal-UE u jintimidaw liċ-ċittadini Ewropej permezz ta' theddid dirett għall-avjazzjoni ċivili. L-UE tappella lir-reġim Belarussu biex iwaqqaf minnufih dawn l-azzjonijiet kollha.

Ġew imposti sanzjonijiet fuq ir-reġim Belarussu, u l-UE hija lesta li tieħu aktar miżuri xierqa jekk tali azzjonijiet ikomplu. L-UE mhi ser tittollera l-ebda kampanja ibrida diretta kontra l-UE jew kontra xi wieħed mill-istati membri tagħha.

Persuna żżomm karta bil-kitba "Belarus free".
L-attivitajiet ibridi tal-Belarussja: sanzjonijiet tal-UE

L-attivitajiet ibridi tal-Belarussja: sanzjonijiet tal-UE

Ara wkoll

Prontezza tad-difiża Ewropea

Prontezza tad-difiża Ewropea

Id-difiża tal-UE f'ċifri

Id-difiża tal-UE f'ċifri

Collage li jinkludi torrijiet ta' muniti li jiżdiedu fl-għoli tagħhom, bramel taż-żejt, ajruplani tal-ġlied, u rublu Russu fl-isfond. L-immaġni hija sovrapposta b'kuluri li jixbhu l-bandiera Russa.
Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Marzu 2026