Ċiberdifiża
Il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-investimenti biex tidentifika, tiskoraġġixxi, u tipproteġi u tiddefendi aħjar kontra għadd dejjem jikber ta' attakki ċibernetiċi.
Iċ-ċiberspazju bħala qasam ta' gwerra
Iċ-ċiberspazju huwa meqjus bħala l-ħames qasam ta' gwerra, u huwa kritiku għall-operazzjonijiet militari daqs l-art, il-baħar, l-ajru u l-ispazju. Huwa qasam li jinkludi kollox, minn networks u infrastruttura ta' informazzjoni u telekomunikazzjoni u d-data li jappoġġaw, sa sistemi tal-kompjuter, proċessuri u kontrolluri.
Iċ-ċiberspazju sar qasam strateġiku dejjem aktar ikkontestat u kamp għall-kompetizzjoni strateġika. Barra minn hekk, l-infrastruttura diġitali u dik fiżika hija interdipendenti, li jfisser li inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà jistgħu jfixklu jew jagħmlu ħsara lill-infrastruttura kritika – bħan-networks tal-enerġija u tat-trasport – li fuqhom jiddependu l-forzi armati fl-UE.
F'dawn l-aħħar snin, atturi statali u mhux statali intensifikaw l-attakki ċibernetiċi, l-ispjunaġġ u l-kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati lejn l-UE u l-istati membri tagħha, inkluż is-settur tad-difiża. L-imġiba malizzjuża minn dawn l-atturi żdiedet b'mod esponenzjali wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.
L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien biex jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej, lill-forzi armati nazzjonali u lill-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tal-UE kontra t-theddid ċibernetiku. Dawn qed jagħtu spinta lill-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża u l-investimenti fiha u jsaħħu l-kapaċità tal-UE li tipprevjeni, tidentifika, tiddefendi kontra l-attakki ċibernetiċi, tirkupra minnhom u tiskoraġġixxi l-attakki ċibernetiċi.
Il-qafas ewlieni għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża huwa l-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża. L-UE tikkoopera wkoll dwar id-difiża fil-qasam taċ-ċiberspazju permezz tal-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), f'kollaborazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u l-Europol. L-EDA tappoġġa lill-istati membri fil-bini ta' forza tax-xogħol militari b'ħiliet fil-qasam taċ-ċiberdifiża u tiżgura d-disponibbiltà ta' teknoloġija taċ-ċiberdifiża proattiva u reattiva.
Politika dwar iċ-ċiberdifiża
Filwaqt li jibni fuq il-qafas ta' politika dwar iċ-ċiberdifiża adottat fl-2014 u aġġornat fl-2018, fit-22 ta' Mejju 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li l-UE u l-istati membri tagħha jkomplu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għat-theddid ċibernetiku u jsaħħu ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża komuni tagħhom kontra mġiba malizzjuża u atti ta' aggressjoni fiċ-ċiberspazju.
F'konformità mal-konklużjonijiet, f'Ottubru 2024 il-Kunsill approva l-ewwel "ċensiment ċibernetiku tal-UE" li qatt sar, li jsegwi l-progress fl-implimentazzjoni tal-politika.
Il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża hija mibnija fuq erba' pilastri, li jkopru firxa wiesgħa ta' inizjattivi:
naġixxu flimkien għal ċiberdifiża aktar b'saħħitha
ninvestu fil-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża
nassiguraw l-ekosistema tad-difiża tal-UE
inkunu sħab biex nindirizzaw sfidi komuni
Naġixxu flimkien għal ċiberdifiża aktar b'saħħitha
L-attakki ċibernetiċi spiss ikunu ta' natura transfruntiera u jista' jkollhom impatt fiżiku fuq l-infrastruttura kritika fl-UE. Inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà jistgħu jkunu ta' tfixkil kbir wisq biex stat membru wieħed jew diversi stati membri affettwati jindirizzawhom waħedhom. Dawn jistgħu jiffurmaw ukoll parti minn attakki ibridi akbar imwettqa minn atturi statali jew mhux statali bil-għan li jiddestabbilizzaw l-ekonomija u s-soċjetà, li jdgħajfu l-infrastruttura kritika meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-UE jew li jipperikolaw u jagħmlu ħsara lill-funzjonament tad-demokraziji, anki permezz ta' attakki fuq l-infrastrutturi tal-elezzjoni.
F'konformità mal-Boxxla Strateġika, l-istati membri u atturi rilevanti oħra għandhom jaġixxu flimkien għal ċiberdifiża aktar b'saħħitha, billi jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-komunitajiet ċibernetiċi militari u ċivili.
Inizjattivi konkreti taħt dan il-pilastru jinkludu:
- żvilupp ulterjuri tal-Konferenza taċ-Ċiberkmandanti tal-UE
- l-istabbiliment ta' Network Operazzjonali għall-Iskwadri Militari ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (MICNET)
- il-ħolqien ta' Ċentru ta' Koordinazzjoni tal-UE għaċ-Ċiberdifiża biex jissaħħu l-koordinazzjoni u l-għarfien tas-sitwazzjoni, b'mod partikolari għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK
- it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-intelligence ċibernetika tal-UE
- żieda fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji ċibernetiċi
Nassiguraw l-ekosistema tad-difiża tal-UE
F'dawn l-aħħar snin, l-għadd ta' attakki ċibernetiċi żdied b'mod drammatiku, inkluż attakki fuq il-katina tal-provvista bl-għan ta' spjunaġġ ċibernetiku, ransomware jew tfixkil. Fl-2020, l-attakk fuq il-katina tal-provvista ta' SolarWinds affettwa lil aktar minn 18 000 organizzazzjoni fuq livell globali, inkluż aġenziji tal-gvern, negozji ewlenin, u kumpaniji tad-difiża. Dan l-inċident u oħrajn urew ħtieġa ċara li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza ċibernetika tal-entitajiet li huma attivi fl-ekosistema tad-difiża tal-UE, inkluż l-entitajiet militari, l-industrija tad-difiża u l-operaturi privati.
Biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni tagħhom, l-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu fuq l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà biex kemm l-oqsma militari kif ukoll dawk ċivili jkunu siguri.
Il-Kunsill ħeġġeġ lill-istati membri biex:
- isaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika taċ-ċiberdifiża Ewropea biex jiġu żviluppati u pprovduti kapaċitajiet ta' ċiberdifiża bi spettru sħiħ
- inaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tagħhom fil-kapaċitajiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom
- jiżviluppaw u jsiru esperti ta' teknoloġiji mill-aktar avvanzati fil-qasam taċ-ċiberdifiża
Ninvestu fil-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża
It-titjib fit-teknoloġija huwa essenzjali biex jinżamm vantaġġ fuq il-kompetituri u l-avversarji, li wkoll qed jinvestu ħafna f'teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, il-ħiliet u l-kompetenzi huma essenzjali biex jingħelbu d-dipendenzi strateġiċi fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża fl-Ewropa. L-industrija Ewropea tad-difiża jeħtieġ li żżomm ħiliet ewlenin u li tikseb oħrajn ġodda biex tibqa' f'pożizzjoni li twassal soluzzjonijiet ta' teknoloġija avvanzata f'kuntest globali.
F'dan il-kuntest, jeħtieġ li l-istati membri jżidu b'mod sinifikanti l-investimenti biex jibnu, iżommu u jiżviluppaw aktar il-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża interoperabbli. B'dan il-mod, għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-pjattaformi ta' kooperazzjoni tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), u l-mekkaniżmi ta' finanzjament, bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali.
Il-Kunsill jistieden lill-istati membri biex jindirizzaw id-diskrepanza fil-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jisfruttaw is-sinerġiji bejn l-inizjattivi militari, ċivili u tal-infurzar tal-liġi.
Inkunu sħab biex nindirizzaw sfidi komuni
Peress li t-theddid ċibernetiku jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, l-UE tikkoopera ma' pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali – bħall-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) – biex issaħħaħ is-sigurtà kollettiva u tipproteġi liċ-ċittadini. L-UE qed tfittex li tistabbilixxi sħubijiet imfassla apposta fil-qasam taċ-ċiberdifiża, inkluż dwar il-bini tal-kapaċità taċ-ċiberdifiża permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.
Iċ-ċiberdifiża għandha tiġi diskussa mas-sħab fil-qafas ta' djalogi u konsultazzjonijiet dwar iċ-ċibernetika u dwar is-sigurtà u d-difiża.
Iċ-ċibernetika tikkostitwixxi wieħed mill-oqsma ta' prijorità ewlenin tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO. L-UE qed tippromwovi aktar sinerġiji man-NATO, inkluż dwar ir-reazzjonijiet għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'pajjiżi terzi, it-taħriġ, l-eżerċizzji u l-għarfien tas-sitwazzjoni.
- Ċiberdifiża: Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jisħqu fuq l-importanza li tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE biex tiffaċċa t-theddid ċibernetiku (stqarrija għall-istampa, 23 ta' Mejju 2023)
- Ċiberdifiża: Il-Kunsill jaġġorna l-qafas ta' politika (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Novembru 2019)
- Komunikazzjoni konġunta dwar il-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża (Ġurnal uffiċjali tal-UE)
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 21 ta' Marzu 2025