Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 24 ta' Settembru 2015 01:45

Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern, 23/09/2015

Il-lejla t-tajba, 

L-objettivi tiegħi għal dan is-Summit kienu li nieqfu nakkużaw lil xulxin apertament billi jkollna diskussjoni sinċiera fost il-mexxejja dwar in-natura tal-problema u s-soluzzjonijiet possibbli. It-tieni, biex naslu għal qbil dwar miżuri għall-perijodu qasir li jridu jiġu attwati qabel il-Kunsill Ewropew regolari tagħna dwar il-migrazzjoni tliet ġimgħat oħra. 

Illejla, id-diskussjoni tagħna kienet ibbażata fuq il-fatti, mhux l-emozzjonijiet. Hemm tmien miljun persuna spostata fis-Sirja, filwaqt li madwar erba’ miljun persuna ħarbu lejn pajjiżi ġirien tas-Sirja. Ser inkunu qed nitkellmu dwar miljuni ta’ refuġjati potenzjali li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa mis-Sirja waħedha. Biex ma nsemmux l-Iraq, l-Afganistan, l-Eritrea u postijiet oħra. Reċentement żort il-kampijiet tar-refuġjati fit-Turkija u l-Ġordan u smajt biss messaġġ wieħed: aħna determinati li mmorru l-Ewropa. Jidher ċar li l-akbar fluss ta’ refuġjati u migranti għadu ġej. Għalhekk irridu nikkoreġu l-politika ta’ bibien u twieqi miftuħin. Issa l-enfasi għandha tkun fuq il-protezzjoni adatta tal-fruntieri esterni tagħna u fuq l-assistenza esterna lir-refuġjati u l-pajjiżi ġirien tagħna. 

Fid-dawl ta’ dan, il-mexxejja qablu dwar aktar għajnuna għal-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-pajjiżi l-oħra fir-reġjun. Ser tiġi offruta aktar assistenza fi skambju għal kooperazzjoni msaħħa. Ser jiġi mobilizzat mill-inqas biljun euro addizzjonali bħala għajnuna għar-refuġjati fir-reġjun permezz tal-UNHCR u l-Programm Dinji tal-Ikel. F’dan ir-rigward, ippermettuli nirringrazzja lil dawk il-mexxejja li wieġbu għat-talba tiegħi ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda u li diġà offrew mill-ġdid flus għall-Programm Dinji tal-Ikel. 

Il-mexxejja qablu wkoll li l-kaos attwali fil-fruntieri esterni tagħna jrid jintemm. Ġestjoni tajba u kontroll tal-fruntieri esterni tagħna hi r-responsabbiltà komuni tagħna. Ma jkunx ġust li l-Italja jew il-Greċja jew pajjiżi oħra jġorru l-piż kollu. Għalhekk, aħna lkoll qbilna li noffru l-għajnuna b’kull mod possibbli, inkluż il-kooperazzjoni fuq hotspots. Fil-fatt din hija kisba importanti, peress li sa ftit jiem ilu s-suġġett ta’ hotspots deher ferm kontroversjali. Illum kellna diskussjoni pożittiva u fi spirtu ta’ kooperazzjoni l-mexxejja kollha qablu li sal-aħħar ta' Novembru ser jiġu stabbiliti hotspots. 

Il-miżuri li llum qbilna dwarhom mhux ser itemmu l-kriżi. Iżda dawn huma kollha passi meħtieġa fid-direzzjoni t-tajba. Nistennew li sa ma nerġgħu niltaqgħu fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru tkun diġà saret ħidma sostanzjali. Illejla kulħadd qed jaqbel li ma nistgħux inkomplu għaddejjin kif konna. Jekk ma tinbidilx il-paradigma attwali, iż-żona Schengen tkun teżisti biss fit-teorija. 

Jean-Claude issa ser jidħol f’aktar dettall dwar id-diversi miżuri li għandhom jitwettqu. Iżda nixtieq nirringrazzja lilu u lit-tim tiegħu speċifikament għall-isforzi kbar li għamlu tul l-aħħar ġimgħat. L-għajnuna tagħkom kienet viżibbli ħafna illum.

Grazzi.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024