- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Ġunju 2016
- 16:30
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:
1. IFAKKAR li ttieħdu passi importanti b'ħeffa bħal qatt qabel fl-aħħar snin biex tiġi stabbilita l-Unjoni Bankarja. Wara valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti kollha fl-Unjoni Bankarja, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ġie stabbilit kompletament fl-2014 u l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni sar operazzjonali fl-2016.
2. Barra minn hekk, IFAKKAR fil-fatt li kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew u implimentaw fil-liġi nazzjonali d-dispożizzjonijiet legali rilevanti tal-ġabra unika tar-regoli. B'dan ġew żgurati regolamentazzjoni aktar konsistenti u superviżjoni ta' kwalità għolja fl-UE kollha permezz ta': rekwiżiti prudenzjali aktar b'saħħithom għall-banek, introdotti skont id-Direttiva u r-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta' Kapital (CRDIV/CRR); qafas ġdid ta' rkupru u riżoluzzjoni għall-banek, stabbilit skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD); il-funzjonament ta' Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSs), imsaħħa bid-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DSGD).
3. Rigward l-SRF, ITENNI li l-Istati Membri parteċipanti qablu mal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) fit-8 ta' Diċembru 2015 rigward Ftehim armonizzat dwar Faċilità ta' Self , li jipprovdi linji ta' kreditu nazzjonali lill-SRB biex jiġu appoġġati l-kompartimenti nazzjonali tal-SRF f'każ ta' nuqqasijiet possibbli ta' finanzjament f'dak il-kompartiment wara l-każijiet ta' riżoluzzjoni tal-banek matul il-perijodu ta' transizzjoni. L-Istati Membri kollha li għadhom ma ffirmawx il-Ftehim dwar Faċilità ta' Self mal-SRB jimpenjaw ruħhom li jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun, sa mhux aktar tard minn Settembru 2016.
4. IQIS li dawn il-kisbiet, flimkien mal-miżuri tal-BĊE u miżuri nazzjonali, taw kontribut sinifikanti lill-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li reġġgħu lura l-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji, immitigaw il-perikoli morali u naqqsu r-riskju għall-involviment tal-mezzi finanzjarji pubbliċi.
5. Filwaqt li wieħed jibni fuq il-progress importanti li sar, u fil-kuntest tal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, JIRRIAFFERMA l-importanza tal-Unjoni Bankarja bl-għan tat-tlestija tagħha.
6. JIRRIKONOXXI li, għal dan l-għan, ser ikollhom jittieħdu passi ulterjuri f’termini tat-tnaqqis u l-kondiviżjoni tar-riskji fis-settur finanzjarju, f’sekwenza xierqa, sabiex jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi li fadal.
7. JISSOTTOLINJA l-importanza tal-ħidma li qed titwettaq minn diversi istituzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Bankarja, tal-UE28 u fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari l-ħidma tal-Kummissjoni biex:
a) tipproponi emendi għall-qafas leġislattiv fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-istandard tal-Kapaċità Totali ta' Assorbiment tat-Telf (TLAC) u r-rieżami tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL). Il-Kunsill ser jaħdem biex jiżgura regoli konsistenti u ammonti adegwati ta’ buffers li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament, li jikkontribwixxu għal proċess ta’ riżoluzzjoni effiċjenti u ordnat f’konformità mal-BRRD għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li għalihom ir-rikapitalizzazzjoni interna tkun l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni validata.
b) tippreżenta proposta dwar approċċ komuni għall-ġerarkija tal-kredituri tal-banek, sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali f’każ ta’ riżoluzzjoni.
c) tipproponi emendi għas-CRR/CRDIV bħala parti minn eżerċizzju ta' rieżami globali, li għandu jirriżulta fi:
i. armonizzazzjoni jew speċifikazzjoni ulterjuri ta' opzjonijiet u diskrezzjonijiet nazzjonali (ONDs) mogħtija lill-Istati Membri, li jista' jikkontribwixxi wkoll għall-objettiv li titnaqqas il-frammentazzjoni finanzjarja;
ii. implimentazzjoni u finalizzazzjoni tar-riformi li fadal ta' Basel inkluż l-introduzzjoni ta' proporzjon ta' ingranaġġ, possibbilment stabbilit għal aktar minn 3% għall-banek sistemiċi, u l-introduzzjoni ta' proporzjon ta' finanzjament stabbli nett;
d) tipproponi proposta leġislattiva għal armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-liġi tal-insolvenza fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li tista' wkoll tappoġġa l-isforzi għat-tnaqqis tal-livelli futuri tas-self improduttiv;
e) twettaq aktar ħidma fuq l-eżami ta' jekk u kif l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-applikazzjoni ta' għodod ta' moratorju jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti ta' istituzzjoni fil-perijodu ta' qabel, u possibbilment ta' wara, intervent.
8. F’dan il-kuntest, JISSOTTOLINJA l-passi ewlenin li ġejjin:
a) Rigward il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-banek stabbiliti fil-paragrafu 7, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016. Fuq dik il-bażi, il-Kunsill ser jibda ħidma teknika immedjatament bil-ħsieb ta' implimentazzjoni rapida. Il-Kunsill jissottolinja l-importanza li jiġu kkunsidrati speċifiċitajiet Ewropej fl-implimentazzjoni ta’ standards regolatorji globali, inklużi l-istandards ta’ Basel, fl-UE;
b) Dwar il-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill jieħu nota tal-intenzjoni tal-Istati Membri biex tinbeda ħidma f’Settembru 2016 jekk u meta l-Istati Membri parteċipanti kollha jkunu ttrasponew il-BRRD b'mod sħiħ. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ser jieħu kont ukoll tal-istabbiliment tal-arranġamenti ta’ finanzjament transitorju, filwaqt li jinnota li l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li jiffirmaw il-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self sa dak iż-żmien. Huma jirriaffermaw il-ħtieġa li jkun hemm garanzija ta’ kontinġenza komuni kompletament operazzjonali sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu ta’ transizzjoni. Meta x-xogħol jitlesta, jista’ jiġi deċiż, f'konformità mal-miżuri tat-tnaqqis tar-riskju msemmija fil-paragrafu (a), li l-garanzija ta' kontinġenza tista' ssir operazzjonali qabel tmiem il-perijodu ta’ transizzjoni;[1]
c) Dwar it-trattament regolatorju ta' esponimenti sovrani, il-Kunsill jaqbel li wieħed għandu jistenna l-eżiti tal-Kumitat ta' Basel. Wara l-ħidma tal-Kumitat ta’ Basel il-Kunsill ser jikkunsidra l-passi possibbli li jmiss fil-kuntest Ewropew;
d) Dwar l-Iskema Ewropea ta’ Garanzija tad-Depożiti (EDIS), il-Kunsill ser ikompli xogħol kostruttiv fil-livell tekniku. In-negozjati fil-livell politiku ser jibdew hekk kif ikun sar biżżejjed progress ulterjuri dwar il-miżuri tat-tnaqqis tar-riskju, kif imsemmi hawn fuq. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jieħu nota tal-intenzjoni tal-Istati Membri li jkollhom rikors għal ftehim intergovernattiv meta n-negozjati politiċi dwar l-EDIS jibdew;
e) Il-Kunsill ser jivvaluta kull sena l-progress li jkun sar dwar il-miżuri msemmija hawn fuq lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja.
9. JIRRIAFFERMA li d-diskussjonijiet dwar il-miżuri rilevanti għall-Istati Membri kollha jkomplu jsiru fil-livell tal-UE28 biex jiġi żgurat li l-Unjoni Bankarja tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha u biex jiġi ppreservat is-suq uniku fl-UE.
[1] L-arranġamenti dwar il-garanzija ta’ kontinġenza tal-SRF għandhom ikunu fiskalment newtrali fuq perijodu medju, għandhom jiżguraw trattament ekwivalenti fl-Istati Membri parteċipanti kollha u ma għandhom jikkawżaw l-ebda spiża għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-Unjoni Bankarja.
Ara l-paġna tal-laqgħaKuntatti għall-istampa
- Lidija Tisma
- +32 2 281 79 14
- +32 476 77 01 96
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.