Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Ġunju 2017 10:45

Il-portabbiltà tas-servizzi diġitali madwar l-UE: il-Kunsill jadotta regoli ġodda

Illum il-Kunsill adotta regoli ġodda li jippermettu lill-konsumaturi li jkunu ħallsu għal servizzi tal-kontenut online f’pajjiżhom sabiex jaċċessawhom meta jżuru pajjiż ieħor fl-UE.

“Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE mhux ser jibqgħu mċaħħda minn servizzi online bħal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba-e jew logħob li jkunu ħallsu għalihom f’pajjiżhom. Flimkien mat-tmiem tat-tariffi tar-roaming, dan huwa progress importanti fil-ħolqien ta’ suq uniku diġitali ta’ benefiċċju għal kulħadd.”

Il-Presidenza Maltija

Aċċess għal abbonamenti minn barra l-pajjiż mingħajr ħlas żejjed

Ir-regolament il-ġdid ser itejjeb il-kompetittività billi jinkoraġġixxi l-innovazzjoni fis-servizzi online u jattira aktar konsumaturi. Dan huwa wieħed mill-objettivi tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali biex jinħoloq suq intern reali għal kontenut u servizzi diġitali.

Huwa ser japplika għas-servizzi kollha ta' kontenut online li huma pprovduti bi ħlas. Is-servizzi ta’ xandir bla ħlas, bħal dawk ipprovduti minn ċerti xandara pubbliċi, ser ikollhom l-għażla li jibbenefikaw mir-regolament dment li jivverifikaw il-pajjiż tar-residenza tal-abbonati tagħhom.

L-ostakli attwali għall-portabbiltà transkonfinali ta' servizzi online jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trasmissjoni ta' kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur bħal xogħlijiet awdjoviżivi, kif ukoll drittijiet għal avvenimenti sportivi b’valur kummerċjali kbir spiss jingħataw liċenzja fuq bażi territorjali. Fornituri tas-servizzi online jistgħu jagħżlu li jaqdu swieq speċifiċi biss.

L-għoti ta’ portabbiltà transkonfinali mhijiex ser tkun soġġetta għal xi ħlas addizzjonali.

Verifika tal-istat membru ta' residenza

Il-miżuri l-ġodda ser jiżguraw aċċess ugwali minn barra l-pajjiż għal kontenut li jkun ġie legalment akkwistat jew abbonat mill-konsumatur fl-istat membru ta’ residenza meta jkun fuq btajjel, vjaġġi ta' negozju jew soġġorni limitati ta' studenti.

Sabiex jiġu evitati l-abbużi, il-fornituri tas-servizz ser jivverifikaw l-istat membru ta' residenza tal-abbonati. Il-verifiki ser jitwettqu f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-fornitur ser jiġi awtorizzat iwaqqaf l-aċċess għas-servizz online meta l-abbonat ma jkunx jista’ jagħti prova tal-istat membru ta’ residenza tiegħu jew tagħha.

Il-mezz ta’ verifika ser ikun raġonevoli, proporzjonat u effettiv. Dan ser jikkonsisti mill-użu ta’ mhux aktar minn żewġ kriterji minn lista ta’ mezzi ta’ verifika. Dawn jistgħu jinkludu karta tal-identità, kont tal-bank jew kard ta’ kreditu; l-indirizz ta’ fejn hu installat l-apparat biex jingħataw is-servizzi; il-ħlas mill-abbonat ta’ tariffa tal-liċenzja għal servizz ieħor; indirizz uffiċjali fejn jintbagħat il-kont jew dak postali; eċċ.

Iżda d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ser ikollhom il-possibbiltà li jawtorizzaw l-użu tal-kontenut tagħhom mingħajr l-obbligu li jivverifikaw ir-residenza tal-abbonat.

Dħul fis-seħħ

Ir-regoli l-ġodda ser jibdew japplikaw fl-ewwel kwart tal-2018 (disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE).

Id-deċiżjoni tal-lum issegwi ftehim li ntlaħaq fis-7 ta’ Frar 2017 bejn il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew. Il-Parlament ivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-18 ta' Mejju 2017.

Ir-regolament ġie adottat f’laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, mingħajr diskussjoni.

Kuntest

Iż-żieda fl-użu ta’ tagħmir portabbli bħal tablets u smartphones tiffaċilita l-aċċess għall-użu ta’ servizzi ta’ kontenut online irrispettivament minn fejn jinsabu l-konsumaturi.

Min-naħa tal-konsumaturi, hemm domanda li qed tikber b'rata mgħaġġla għall-aċċess għal kontenut u għal servizzi online innovattivi, mhux biss f'pajjiżhom iżda wkoll meta jkunu lil hinn minn djarhom. B'riżultat ta' dan, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta' servizzi ta’ kontenut online fis-suq uniku jridu jiġu eliminati.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024