- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 9 ta' Ġunju 2017 17:20
Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar - il-Kunsill jaqbel dwar pożizzjoni ta’ negozjar
Fid-9 ta' Ġunju 20177, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar il-proposta għal sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS). L-approċċ ġenerali jikkostitwixxi l-pożizzjoni tal-Kunsill għan-negozjati mal-Parlament Ewropew.
"L-ETIAS ser tgħin biex titjieb is-sigurtà tagħna u biex nipproteġu liċ-ċittadini tagħna. Ser tkun teħtieġ li dawk kollha li m'għandhomx bżonn viża jiġu verifikati qabel ma jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen. Kull min huwa ta’ riskju jista' ma jitħalliex jidħol"
Presidenza Maltija tal-Kunsill
L-ETIAS ser tippermetti kontrolli minn qabel u, jekk meħtieġ, tiċħad l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen. Ser tgħin biex titjieb is-sigurtà interna, tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali, jiġu limitati r-riskji għas-saħħa pubblika u jitnaqqas id-dewmien fil-fruntieri billi l-persuni li jistgħu jkunu ta' riskju f'wieħed minn dawn l-oqsma, jiġu identifikati qabel ma jaslu fil-fruntieri esterni.
Funzjonament tas-sistema
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-elementi li ġejjin.
Is-sistema ser tapplika għal ċittadini minn pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa ta’ viża, kif ukoll għal dawk li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża ta’ transitu fl-ajruport. Huma ser ikunu jeħtieġu jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar qabel il-vjaġġ tagħhom, permezz ta' applikazzjoni online.
L-informazzjoni ppreżentata f'kull applikazzjoni ser tiġi pproċessata awtomatikament kontra bażijiet ta' data oħra tal-UE biex jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet biex l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi miċħuda. Meta ma jiġi identifikat ebda hit jew element li jeħtieġ aktar analiżi, l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tinħareġ awtomatikament fi żmien qasir. Dan mistenni jkun il-każ għall-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet.
Jekk ikun hemm hit jew element li jirrikjedi analiżi, l-applikazzjoni tiġi ttrattata manwalment mill-awtoritajiet kompetenti. F'dan il-każ, l-unità ċentrali ETIAS l-ewwel tivverifika li d-data rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni tikkorrispondi mad-data li twassal għal hit. F'dan il-każ jew meta jibqa' xi dubju, l-applikazzjoni tiġi pproċessata manwalment mill-unità nazzjonali ETIAS tal-istat membru responsabbli. Il-ħruġ jew ir-rifjut ta' applikazzjoni li tkun wasslet għal hit isir mhux aktar tard minn 96 siegħa wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni jew, jekk tkun intalbet informazzjoni addizzjonali, 96 siegħa wara li tkun waslet din l-informazzjoni.
Qabel it-tlugħ abbord ser ikun meħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi tal-baħar u trasportaturi internazzjonali li jġorru gruppi fuq l-art permezz ta’ kowċ jivverifikaw jekk ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandhomx jew le fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida.
L-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma tipprovdix dritt awtomatiku ta' dħul jew ta' soġġorn, huwa l-gwardja tal-fruntiera li jieħu d-deċiżjoni finali.
Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tibqa' valida għal tliet snin jew sa tmiem il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar irreġistrat waqt l-applikazzjoni, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024