Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Frar 2019 17:45

L-UE tagħti spinta lill-ekonomija tad-data tagħha hekk kif il-Kunsill japprova ftehim dwar użu mill-ġdid aktar mifrux ta’ data ffinanzjata pubblikament

Ammonti vasti ta’ data miżmuma mis-settur pubbliku, bħal data meteoroloġika u ambjentali, ser ikunu disponibbli aktar malajr u faċilment għall-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ġodda, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ soċjetà ibbażata fuq id-data inġenerali. Illum, l-ambaxxaturi tal-istati membri kkonfermaw il-ftehim bejn il-presidenza Rumena u l-Parlament Ewropew dwar riforma li ser taġġorna r-regoli tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tad-data tas-settur pubbliku bl-avvanzi fit-teknoloġiji diġitali. Ir-regoli l-ġodda ser ikomplu jistimulaw l-innovazzjoni diġitali, speċjalment fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. Intlaħaq ftehim proviżorju fit-22 ta’ Jannar.

Din ir-riforma hija pass importanti fil-provvista ta’ materja prima ewlenija għall-intelliġenza artifiċjali u applikazzjonijiet oħra li jiddependu mid-disponibbiltà ta’ ammonti kbar ta’ data. Hija toħloq opportunitajiet kbar għas-setturi kollha tal-ekonomija, waqt li tistimola impjiegi ġodda u tkabbir. Alexandru Petrescu, Ministru għall-Komunikazzjoni u s-Soċjetà tal-Informazzjoni tar-Rumanija, President tal-Kunsill

Il-qbil jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) lil hinn mill-korpi tas-settur pubbliku, biex jinkludi impriżi pubbliċi fis-setturi tat-trasport u tal-utilitajiet. Mhu ser ikun hemm l-ebda obbligu fuq dawn is-setturi biex jagħmlu d-data disponibbli sakemm mhux meħtieġa fid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni jew fid-Direttiva dwar il-PSI stess, iżda jekk jiddeċiedu li jirrilaxxaw id-data, huma għandhom jirrispettaw l-istess prinċipji bħall-korpi tas-settur pubbliku, inkluż dwar it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-ftehimiet esklużivi. Ser ikun hemm salvagwardja kontra żvantaġġ kompetittiv li ser tipproteġi l-impriżi pubbliċi li joperaw f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji privati.

Ir-riforma tintroduċi l-kunċett ta’ ġabriet ta’ data b’valur għoli li għandhom isiru disponibbli mingħajr ħlas permezz ta’ interfaċċa għall-programmi tal-applikazzjonijiet (API). It-test jistabbilixxi sitt kategoriji wiesgħa ta’ ġabriet ta’ data b’valur għoli: dik ġeospazjali, dik dwar l-osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent, dik meteoroloġika, dik dwar l-istatistika, dik dwar il-kumpaniji u s-sjieda ta’ kumpaniji, u dik dwar il-mobbiltà. Din il-lista ser tiġi aġġornata u ser jiġu magħżula ġabriet speċifiċi minn dawk il-kategoriji (eż. mapep u kodiċijiet postali mill-kategorija ġeospazjali) permezz tal-leġislazzjoni sekondarja.

Ir-regoli ser ikopru wkoll data relatata mar-riċerka ffinanzjata pubblikament li hija diġà disponibbli f’repożitorji pubbliċi, u ser iħeġġu t-tixrid ta’ data dinamika, bħal data dwar it-trasport jew it-temp f’ħin reali li ġejja minn sensuri jew satelliti.

B’mod ġenerali, id-data tas-settur pubbliku normalment ser tkun disponibbli mingħajr ħlas jew bi spiża marġinali. Madankollu, minħabba li xi korpi tas-settur pubbliku huma meħtieġa li jiġġeneraw id-dħul, f’ċerti sitwazzjonijiet huma permessi xi tariffi limitati għad-data.

Minħabba li d-direttiva l-ġdida tippromwovi wkoll l-użu ta’ data miftuħa (data f’formati miftuħa li jistgħu jiġu użati u kondiviżi liberament għal kwalunkwe skop), il-kunċett ta’ data miftuħa ġie miżjud fit-titlu tagħha biex tirrifletti dan.

L-istati membri ser ikollhom sentejn mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tagħha fil-leġislazzjoni nazzjonali. Minħabba li d-direttiva tistabbilixxi biss standards minimi, l-istati membri huma liberi li jmorru lil hinn minnhom fir-regoli nazzjonali tagħhom.

Il-proposta hija komponent ewlieni tal-'pakkett dwar id-data' ppubblikat mill-Kummissjoni f'April 2018 skont l-istrateġija għal suq uniku diġitali.

Wara l-approvazzjoni tal-lum fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, it-test ser jiġi vverifikat mill-perspettiva legali u lingwistika. L-att legali mbagħad jeħtieġ li jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan mistenni li jseħħ din ir-rebbiegħa.

It-test maqbul dalwaqt ser ikun disponibbli fuq din il-paġna web.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024