- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' Frar 2021 12:00
L-Ukrajna: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Seba' snin wara l-annessjoni vjolenti u illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mill-Federazzjoni Russa, l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata bis-sħiħ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonali tagħha.
L-Unjoni Ewropea ttenni li ma tirrikonoxxix dan il-ksur tad-dritt internazzjonali u tkompli tikkundannah. Huwa jibqa' sfida diretta għas-sigurtà internazzjonali, b'implikazzjonijiet serji għall-ordni legali internazzjonali li jipproteġi l-integrità territorjali, l-għaqda u s-sovranità tal-Istati kollha.
L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata biex timplimenta bis-sħiħ il-politika tagħha ta' nonrikonoxximent, inkluż permezz ta' miżuri restrittivi u kooperazzjoni f'fora internazzjonali. L-Unjoni Ewropea terġa' tappella lill-Istati Membri tan-NU biex jikkunsidraw miżuri simili ta' nonrikonoxximent f'konformità mar-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014. L-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix u mhix ser tirrikonoxxi ż-żamma ta' elezzjonijiet fil-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa.
Il-militarizzazzjoni li qed tiżdied tal-peniżola mill-Federazzjoni Russa, inkluż għadd ta' eżerċizzji militari u l-bini ta' bastimenti tal-gwerra, għadha qed tħalli impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, ir-Russja imponiet iċ-ċittadinanza u l-lieva fil-forzi armati tagħha fuq ir-residenti tal-Krimea. F'konformità mar-Riżoluzzjoni 75/29 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Diċembru 2020, l-Unjoni Ewropea tfakkar fl-effetti negattivi tal-annessjoni illegali fuq l-istabbiltà reġjonali, kif muri mill-użu mhux ġustifikat tal-forza militari mir-Russja kontra l-Ukrajna fil-25 ta' Novembru 2018. Barra minn hekk, il-Federazzjoni Russa għandha tieqaf tbiddel l-istruttura demografika tal-popolazzjoni tal-peniżola bir-risistemazzjoni tal-popolazzjoni ċivili tagħha stess fil-peniżola.
L-Unjoni Ewropea tikkundanna l-bini tal-Pont ta' Kerch u l-ftuħ ta' sezzjoni ferrovjarja mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna. Dawn jikkostitwixxu tentattivi ulterjuri biex il-peniżola annessa illegalment tiġi integrata bil-forza mar-Russja, u huma ksur ulterjuri tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. L-UE tistenna li r-Russja tiżgura l-passaġġ ħieles u bla xkiel mill-Istrett ta' Kerch mill-Baħar ta' Azov u lejh, skont id-dritt internazzjonali. Ir-restrizzjonijiet illegali għal dan il-passaġġ għadhom għaddejjin u għandhom konsegwenzi ekonomiċi negattivi għall-portijiet tal-Ukrajna fil-Baħar ta' Azov kif ukoll għar-reġjun kollu.
Wara l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa, il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea marret sostanzjalment għall-agħar. B'kont meħud tad-deċiżjoni storika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Jannar 2021, l-Unjoni Ewropea tappella għall-konformità sħiħa tar-Russja mad-dritt umanitarju internazzjonali, mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, fosthom 75/192 tas-16 ta' Diċembru 2020. Ir-residenti tal-peniżola qed iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet sistematiċi tal-libertajiet fundamentali tagħhom, bħal-libertà tal-espressjoni, tar-reliġjon jew tat-twemmin u tal-assoċjazzjoni, u d-dritt ta' assemblea paċifika. Il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-avukati difensuri jħabbtu wiċċhom ma' indħil u intimidazzjoni f'ħidmiethom. It-Tatari tal-Krimea għadhom ippersegwitati b'mod inaċċettabbli, miżmuma taħt pressjoni u għandhom id-drittijiet tagħhom miksura serjament. Irid jiġi żgurat li t-Tatari tal-Krimea, l-Ukreni u l-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha fil-peniżola jkollhom il-possibbiltà li jżommu u jiżviluppaw il-kultura, l-edukazzjoni, l-identità u t-tradizzjonijiet tal-wirt kulturali tagħhom, li bħalissa qed jiġu mhedda mill-annessjoni illegali. Azzjonijiet distruttivi kontra l-wirt kulturali tal-peniżola, bħal teżori arkeoloġiċi, opri tal-arti, mużewijiet jew siti storiċi, li baqgħu jsiru bla heda, iridu jieqfu.
Skont ir-Riżoluzzjoni 75/192 tas-16 ta' Diċembru 2020 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, huwa essenzjali li l-mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess bla xkiel għall-Krimea u Sevastopol. Il-każijiet pendenti kollha ta' ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem bħall-għajbien sfurzat, it-tortura u l-qtil, il-vjolenza, prosekuzzjonijiet b'motivazzjoni politika, diskriminazzjoni u fastidju jridu jiġu investigati bir-reqqa. Dawk kollha detenuti fil-peniżola tal-Krimea u kkundannati bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż Emir-Usein Kuku u l-ħames konvenuti miegħu, Oleh Prykhodko, Enver Omerov li ġie kkundannat reċentement, Riza Omerov u Ayder Dzhapparov, iridu jinħelsu immedjatament. Il-projbizzjoni tal-attivitajiet tal-Mejlis, korp awtonomu tat-Tatari tal-Krimea, trid titreġġa' lura. Ir-Russja trid tieħu wkoll miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni ambjentali, li ħżienet sew minn wara l-annessjoni illegali.
L-UE tilqa' l-isforzi diplomatiċi mmirati lejn ir-restawr tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ser tikkunsidra ideat konkreti tal-Ukrajna f'dan ir-rigward, f'konformità mal-politika stabbilita ta' nonrikonoxximent.
Din id-Dikjarazzjoni qed tinħareġ fis-seba' anniversarju mill-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mill-Federazzjoni Russa, imfakkra mill-Ukrajna fis-26 ta' Frar 2021.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u l-Albanija1), l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
1)Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Peter Stano Kelliem Ewlieni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
- +32 2 295 45 53
- +32 460 75 45 53
- @ExtSpoxEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2024