Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Marzu 2023 18:45

Il-Kunsill jilħaq qbil dwar l-emendi għad-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali

Illum il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu ("approċċ ġenerali") dwar proposta biex tiġi rieżaminata d-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Ir-regoli l-ġodda ser joffru protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent billi jnaqqsu l-emissjonijiet dannużi mill-installazzjonijiet industrijali u l-azjendi intensivi tat-trobbija tal-bhejjem fl-arja, fl-ilma u permezz ta' skariki ta' skart.

Romina Pourmokhtari, ministru Żvediż għall-klima u l-ambjent
It-tniġġis jikkawża mard serju u ħsara lill-ambjent. L-għan tal-UE għall-2050 huwa li tnaqqas it-tniġġis għal livelli li ma jkunux ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Il-qbil tal-Kunsill li ntlaħaq illum dwar l-emissjonijiet industrijali jistabbilixxi regoli aktar b'saħħithom biex jiġi indirizzat it-tniġġis fis-sors. Dan ser jistabbilixxi limiti ta' tniġġis f'livelli aktar effettivi u ser jagħti gwida ċara lill-industrija u lill-azjendi l-kbar tat-trobbija tal-bhejjem biex jagħmlu l-investimenti t-tajba sabiex it-tniġġis tagħhom jitnaqqas b'mod effettiv.
Romina Pourmokhtari, ministru Żvediż għall-klima u l-ambjent
Romina Pourmokhtari, ministru Żvediż għall-klima u l-ambjent

Id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija l-istrument ewlieni tal-UE li jirregola t-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali u azjendi intensivi tat-trobbija tal-bhejjem, bħall-ossidu tan-nitroġenu, l-ammonijaka, il-merkurju, il-metan u d-diossidu tal-karbonju. L-installazzjonijiet u l-azjendi agrikoli fuq skala industrijali huma meħtieġa joperaw skont permess, mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali, bl-użu tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) bħala standard.

Il-bidliet ewlenin introdotti mill-Kunsill

Fl-approċċ ġenerali tagħhom, l-istati membri emendaw il-proposta tal-Kummissjoni biex jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għal azjendi intensivi tat-trobbija tal-bhejjem b'għadd ta' Unitajiet ta' Bhejjem (LSU) ogħla minn 350 LSU għall-baqar u l-ħnieżer, 280 LSU għat-tjur u 350 LSU għal azjendi agrikoli mħallta. L-azjendi agrikoli estensivi jiġu esklużi. Ir-regoli l-ġodda jiġu applikati b'mod progressiv billi jibdew bl-akbar azjendi agrikoli.

Fil-qbil l-istati membri jaċċettaw li jinkludu attivitajiet ta' estrazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva. Huma introduċew limitu ta' 500 tunnellata ta' kapaċità ta' produzzjoni kuljum għall-minerali mhux tal-enerġija u l-metalli mhux maħduma prodotti fuq skala industrijali. L-istati membri eskludew il-ġipsum mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva u inkludew livell limitu għall-idroġenu prodott permezz tal-elettrolizzar tal-ilma.

L-approċċ ġenerali introduċa l-flessibbiltà meħtieġa biex l-istati membri jadattaw id-dispożizzjonijiet dwar il-penali u l-kumpensi f'każ ta' danni għas-saħħa għas-sistemi legali nazzjonali differenti tagħhom.

L-istati membri introduċew deroga mill-valuri limitu tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli fil-każ ta' kriżi li twassal għal tfixkil serju jew nuqqas ta' provvista ta' enerġija jew riżorsi, materjal jew tagħmir essenzjali – taħt kondizzjonijiet stretti.

L-approċċ ġenerali jinkludi deroga limitata fiż-żmien għall-impjanti ta' kombustjoni li huma parti minn sistema iżolata żgħira, mhux interkonnessa mal-grilja tal-enerġija kontinentali. L-għan huwa li jingħataw biżżejjed żmien biex jistabbilixxu grilji interkonnessi, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija.

L-approċċ ġenerali jispeċifika l-objettivi għaċ-ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni industrijali u l-emissjonijiet (INCITE) proposti mill-Kummissjoni. Jiċċara wkoll ħafna partijiet oħra tal-proposta u jagħmel l-aħjar biex inaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u l-awtoritajiet nazzjonali.

Sfond u passi li jmiss

Issa li l-Kunsill laħaq approċċ ġenerali, in-negozjati mal-Parlament Ewropew jistgħu jibdew hekk kif dan tal-aħħar ikun adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu.

L-installazzjonijiet industrijali - bħall-produzzjoni tal-elettriku u tas-siment, il-ġestjoni tal-iskart, l-inċinerazzjoni tal-iskart u t-trobbija intensiva tal-bhejjem - li l-attivitajiet tagħhom huma elenkati fid-direttiva, huma meħtieġa joperaw skont permess, mogħti mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-permess jistabbilixxi valuri limitu għall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu emessi mill-impjanti. Il-permessi jkopru l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-użu tal-materja prima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-istorbju, il-prevenzjoni ta' inċidenti ambjentali, u r-restawr tas-sit mal-għeluq. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma bbażati fuq l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) sabiex jiġu ristretti l-emissjonijiet.

L-Unità tal-Bhejjem (LSU) hija unità ta' referenza li tuża koeffiċjenti bbażati fuq ir-rekwiżiti tal-għalf għal tipi differenti ta' annimali u normalment tkun akbar mill-għadd ta' annimali f'azjenda agrikola partikolari.

L-objettiv ewlieni tar-reviżjoni huwa li jsir progress lejn l-ambizzjoni tal-UE ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi.

Ir-regoli l-ġodda ser:

  • idaħħlu aktar installazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva (b'mod partikolari aktar azjendi intensivi tat-trobbija tal-bhejjem fuq skala kbira)
  • jagħmlu l-permessi aktar effettivi
  • inaqqsu l-piż amministrattiv
  • iżidu t-trasparenza, u
  • jagħtu aktar appoġġ lil teknoloġiji rivoluzzjonarji u approċċi innovattivi oħra
Tabella dwar ix-xejra ta' tnaqqis fit-tniġġis mill-industriji.
Xejriet fl-emissjonijiet industrijali tal-UE (Infografika)

Xejriet fl-emissjonijiet industrijali tal-UE (Infografika)

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025