Emissjonijiet industrijali
L-attivitajiet industrijali jikkawżaw emissjonijiet ta' sustanzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Il-pajjiżi tal-UE stabbilew regoli komuni biex jillimitaw dawn l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara.
X'inhuma l-emissjonijiet industrijali?
Il-proċessi u l-attivitajiet industrijali jiġġeneraw emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa bħall-ossidu tan-nitroġenu, l-ammonijaka, il-merkurju u d-diossidu tal-karbonju, li jniġġsu l-ilma, l-arja u l-art u jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, lill-ambjent u lin-natura.
Il-produzzjoni tal-elettriku, it-trattament u l-ġestjoni tal-iskart, it-trobbija tal-bhejjem jew il-produzzjoni tas-siment huma eżempji ta' attivitajiet industrijali li jirrilaxxaw emissjonijiet li jniġġsu l-ambjent.
Ir-rimi ta' sustanzi niġġiesa fl-ambjent jista' jwassal għal kundizzjonijiet tas-saħħa bħall-ażma, il-bronkite, il-kanċer u l-insuffiċjenza tal-qalb. L-emissjonijiet huma meqjusa responsabbli għal eluf ta' mwiet prematuri kull sena.
Skont l-istimi tal-2017, l-emissjonijiet industrijali jikkawżaw ħsara li tammonta għal bejn €277 u €433 biljun fis-sena għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Il-pajjiżi tal-UE kif jindirizzaw l-emissjonijiet industrijali?
L-UE stabbiliet regoli biex tindirizza t-tniġġis industrijali.
Id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija l-att leġiżlattiv ewlieni tal-UE għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis minn impjanti industrijali kbar, inkluż azjendi agrikoli tal-bhejjem, fl-UE.
L-objettiv ġenerali tagħha huwa li tgħin fil-protezzjoni tal-ekosistemi u tas-saħħa tal-bniedem.
Ir-regoli għandhom l-għan li:
- jipprevjenu u jikkontrollaw l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fuq l-art mill-akbar impjanti industrijali tal-Ewropa
- jimminimizzaw l-użu tar-riżorsi
- jagħmlu l-proċessi aktar effiċjenti
- jinkoraġġixxu l-prattiki tal-ekonomija ċirkolari
- jiżguraw il-prevenzjoni u l-kontroll tal-iskart
Id-direttiva tkopri aktar minn 50 000 impjant li jinsabu f'pajjiżi tal-UE li huma kollettivament responsabbli għall-emissjoni ta' 20% tas-sustanzi niġġiesa kollha fl-arja u fl-ilma, u 40% tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE (dawn in-numri jistgħu jiżdiedu wara r-reviżjoni tad-direttiva adottata fl-2024).
Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali: ċifri ewlenin (Infografika)
L-attivitajiet industrijali regolati mir-regoli tal-UE jinkludu l-impjanti tal-enerġija, ir-raffineriji, il-faċilitajiet tat-trattament u l-inċinerazzjoni tal-iskart, il-produzzjoni tal-metalli, tas-siment, tal-ħġieġ, tas-sustanzi kimiċi, tal-polpa u l-karta, tal-ikel u x-xorb, u t-trobbija intensiva tal-ħnieżer u t-tjur.
L-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma indirizzati wkoll mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.
Kif taħdem id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali?
Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-impjanti industrijali u l-azjendi agrikoli tal-bhejjem kbar jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni ambjentali tagħhom u jimmonitorjawha, kif ukoll li jagħmlu sforzi biex jikkontrollaw l-emissjonijiet tagħhom.
L-operaturi industrijali elenkati fid-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jingħataw permess biex joperaw mingħand l-awtorità tal-pajjiż li jkunu jinsabu fih.
Il-valuri limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi niġġiesa emessi minn impjant huma definiti fil-permessi, u huma msejsa fuq l-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT). Il-BATs huma definiti mill-Kummissjoni f'koordinazzjoni ma' esperti mill-istati membri, l-industrija u l-organizzazzjonijiet ambjentali.
Il-permessi għandhom iqisu l-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-impjant, li tkopri, fost affarijiet oħra, l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-użu tal-materja prima, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jorganizzaw spezzjonijiet fuq il-post mill-inqas darba kull sena sa kull tliet snin, bl-użu ta' kriterji bbażati fuq ir-riskju.
L-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jippubblikaw informazzjoni dwar:
- permessi u talbiet għal applikazzjoni
- riżultati tal-monitoraġġ
Il-Portal Ewropew dwar l-Emissjonijiet Industrijali jintuża biex tinġabar u tiġi ppreżentata data dwar l-emissjonijiet industrijali.
Xejriet fl-emissjonijiet industrijali tal-UE (Infografika)
X'ser jinbidel fid-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali?
Valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-impatt tad-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali stabbiliet li r-regoli tal-UE qdew rwol importanti biex inaqqsu s-sustanzi niġġiesa emessi mill-industrija, speċjalment dawk emessi fl-arja. Madankollu, l-istudju wera li l-kontribut ta' dawn ir-regoli għad-dekarbonizzazzjoni u l-ekonomija ċirkolari kien aktar limitat.
F'April 2022, il-Kummissjoni ressqet propostigħall-aġġornament u l-immodernizzar tar-regolidwar l-emissjonijiet industrijali (li jemendaw id-direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali u d-direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfill).
L-għan huwa li jiġu riveduti r-regoli attwali sabiex jiġu adattati għall-ambizzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-klima u t-tniġġis, kif ippreżentati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.L-objettiv aħħari huwa li tiġi stimulata trasformazzjoni profonda ta' impjanti agroindustrijali kbar biexsal-2050 tinkiseb ekonomija ċirkolari, kompetittiva, bi tniġġis żero u b'impatt newtrali fuq il-klima.
Aspetti ewlenin tar-reviżjoni
L-elementi ewlenin tar-reviżjoni huma:
- l-inklużjoni ta' aktar impjanti industrijali fil-leġiżlazzjoni
- il-permessi jsiru aktar effettivi
- it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi
- iż-żieda fl-aċċess għall-informazzjoni, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika
- aktar appoġġ mogħti lit-teknoloġiji rivoluzzjonarji u approċċi innovattivi oħra
Ir-regoli l-ġodda ser jiftħu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli biex japplikaw ukoll għal:
- aktar azjendi agrikoli kbar tat-trobbija intensiva tal-ħnieżer u t-tjur iżda mhux tal-baqar
- is-settur tal-minjieri
- impjanti kbar għall-produzzjoni tal-batteriji
L-istati membri ser ikollhom jistabbilixxu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal dawk li jiksru l-miżuri adottati għall-implimentazzjoni tad-direttiva. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiżguraw li n-nies ikunu intitolati jitolbu kumpensfejn tkun saret ħsara lil saħħithom b'riżultat ta' ksur tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-direttiva.
Il-permessi għall-installazzjonijiet industrijali issa ser jinħarġu elettronikament, permezz ta' sistema ta' permessi elettroniċi li għandha tiġi stabbilita sa mhux aktar tard mill-2035. Permezz tagħha l-permessi ser jingħataw bi proċeduri aktar faċli u effiċjenti. Fil-permessi, l-awtoritajiet kompetenti ser jinkludu valuri limitu vinkolanti tal-prestazzjoni ambjentali (EPLVs) biex jawtorizzaw l-istabbiliment tal-installazzjonijiet u t-tħaddim tagħhom.
Ir-regoli l-ġodda ser jeħtieġu wkoll li l-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-direttiva sal-2028 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem. Barra minn hekk jista' jsir rieżami fir-rigward tal-prodotti agrikoli importati minn pajjiżi barra l-UE bil-għan li jiġi żgurat li dawn il-prodotti jkollhom standards ambjentali bħal dawk fis-seħħ fl-UE.
Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-emissjonijiet industrijali tikkonċerna wkoll regolament dwar ir-rappurtar ta' data ambjentali mill-installazzjonijiet industrijali (KE Nru 166/2006). Ir-regoli l-ġodda ser jissostitwixxu r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti (PRTR Ewropew) bil-Portal Ewropew dwar l-Emissjonijiet Industrijali.
F'Marzu 2023, il-pajjiżi tal-UE fil-Kunsill qablu dwar pożizzjoni komuni għan-negozjati – "approċċ ġenerali" – dwar ir-reviżjoni tad-direttiva abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni ta' Marzu 2022. Aktar tard f'Ġunju l-Kunsill qabel dwar ir-regolament dwar il-portal dwar l-emissjonijiet industrijali.
F'Novembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju fit-trilogi dwar ir-regoli riveduti kemm għad-direttiva kif ukoll għall-portal dwar l-emissjonijiet.
Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'April 2024.
- Emissjonijiet industrijali: il-Kunsill japprova regoli aġġornati biex iħarsu l-ambjent aħjar (stqarrija għall-istampa, 12 ta' April 2024)
- Emissjonijiet industrijali: il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara mill-industrija u jittejjeb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni (stqarrija għall-istampa, 29 ta' Novembru 2023)
- Patt Ekoloġiku Ewropew: il-Kunsill jaqbel li l-installazzjonijiet industrijali jipprovdu data aħjar dwar l-emissjonijiet ambjentali tagħhom (stqarrija għall-istampa, 7 ta' Ġunju 2023)
- Il-Kunsill jilħaq qbil dwar l-emendi għad-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (stqarrija għall-istampa, 16 ta' Marzu 2023)
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' April 2024