Skip to content

Ħames raġunijiet biex nagħtu importanza lir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR)

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) isseħħ meta mikroorganiżmu jibqa' jgħix minkejja li jkun espost għal mediċini mfassla biex irażżnuh jew joqtluh.

L-użu żejjed u l-użu ħażin tal-antimikrobiċi huma l-muturi ewlenin tal-AMR. L-antimikrobiċi – inkluż l-antibijotiċi, l-antivirali, l-antifungali u l-antiparassitiċi – huma mediċini li jintużaw għall-prevenzjoni u l-kura ta' infezzjonijiet fil-bnedmin, fl-annimali jew fil-pjanti.

Dan huwa l-mod kif normalment isseħħ l-AMR:

Użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi → il-batterji jiżviluppaw reżistenza → l-antimikrobiċi jsiru inqas effettivi → il-mard jinfirex aktar faċilment

Fit-13 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni għall-ġlieda kontra l-AMR. L-inizjattiva tfittex li tippromwovi l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi, li ttejjeb il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, u li żżid ir-riċerka u l-innovazzjoni, fost azzjonijiet oħra.

1. Batterji reżistenti jinfettaw madwar 800 000 persuna fis-sena

Fl-2020, aktar minn 800 000 persuna ġew infettati minn batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-Ewropa. Il-mard li rriżulta kien jinkludi l-pulmonite u infezzjonijiet taċ-ċirkolazzjoni tad-demm u intra-addominali.

Minkejja tnaqqis żgħir fl-2020, l-għadd ta' infezzjonijiet qed jikber

Din il-grafika turi l-għadd stmat ta' infezzjonijiet b'batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Verżjoni testwali

Grafika lineari tan-numru ta' infezzjonijiet b'batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-UE u fiż-ŻEE fil-perjodu 2016-2020.

L-għadd ta' infezzjonijiet jikber kull sena bejn l-2016 u l-2019, b'685 433 infezzjoni fl-2016 u 865 767 fl-2019. Fl-2020 in-numru ta' infezzjonijiet huwa iktar baxx, 801 517, forsi minħabba l-bidliet fil-prattiki tas-sorveljanza u tal-kura tas-saħħa matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri meħuda biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-virus.

Skont l-OECD, 70% tal-infezzjonijiet iseħħu f'ambjenti tal-kura tas-saħħa. L-AMR tikkomprometti l-kirurġija, it-trapjanti, il-kura intensiva, u s-saħħa ta' persuni b'sistemi immunitarji mdgħajfa, bħall-pazjenti bil-kanċer, li għalihom infezzjoni sempliċi tista' tikkawża l-mewt.

It-tfal taħt it-12-il sena u l-adulti ta' aktar minn 70 sena huma l-aktar gruppi vulnerabbli. L-irġiel huma wkoll aktar suxxettibbli min-nisa biex jiżviluppaw infezzjonijiet reżistenti.

2. 100 persuna mietu mill-AMR kuljum fl-Ewropa fl-2020

Xi infezzjonijiet li kien hemm kura għalihom fil-passat saru diffiċli jew saħansitra impossibbli li jiġu kkurati. Jekk l-AMR tkompli tiżviluppa, qtugħ żgħir fil-ġilda u infezzjonijiet u kirurġija ħafifa jistgħu jsiru theddida għall-ħajja.

L-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini joqtlu 35 000 persuna kull sena

Din il-grafika turi l-għadd stmat ta' mwiet minħabba infezzjonijiet b'batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-UE u fiż-ŻEE.

Verżjoni testwali

Grafika tal-għadd ta' mwiet minħabba infezzjonijiet b'batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-UE u fiż-ŻEE fil-perjodu 2016-2020. L-għadd ta' mwiet jiżdied kull sena bejn l-2016 u l-2019, bi 30 730 mewt fl-2016 u 38 710 fl-2019.

Fl-2020, l-għadd ta' mwiet jonqos għal 35 813. 35 813 huwa bejn wieħed u ieħor l-għadd ta' passiġġieri li jidħlu fi 13-il bastiment tal-kruċieri.

Il-Greċja u l-Italja kellhom l-ogħla rati ta' mwiet

Din il-grafika turi l-għadd stmat ta' mwiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-AMR għal kull 100 000 persuna skont il-pajjiż fl-2020.

Verżjoni testwali

Bar chart tan-numru ta' mwiet attribwibbli għar-reżistenza għall-antimikrobiċi għal kull 100 000 persuna fil-pajjiżi tal-UE u taż-ŻEE.

Fit-tabella, il-Greċja tispikka bħala l-pajjiż bl-ogħla rata ta' mwiet, b'20 mewta għal kull 100 000 persuna, segwita mill-Italja, b'19-il mewta għal kull 100 000 persuna.

In-Norveġja u n-Netherlands huma l-pajjiżi bl-aktar rati baxxi ta' mwiet, it-tnejn b'2 mewtiet għal kull 100 000 persuna.

Il-medja tal-UE hija ta' 6 mewtiet għal kull 100 000 persuna.

3. L-AMR hija preżenti fl-annimali, fl-ikel, fil-pjanti u fl-ambjent

L-antimikrobiċi jintużaw ukoll għat-trattament tal-bhejjem, tal-akkwakultura u tal-annimali. Jilħqu wkoll l-ambjent permezz tal-awrina u l-ħmieġ tal-bniedem u tal-annimali, ir-rimi mhux xieraq tal-mediċini u l-użu ta' demel ikkontaminat fl-agrikoltura. B'riżultat ta' dan, ir-residwi huma preżenti wkoll fil-ħamrija, fl-ilma u fil-pjanti, u dan iżid ir-riskju ta' aktar kontaminazzjoni.

Il-konsum tal-antibijotiċi fil-bnedmin issa huwa ogħla milli fl-annimali li jipproduċu l-ikel

Il-grafika ta' hawn taħt turi l-konsum tal-antimikrobiċi fl-annimali mrobbija fl-irziezet, meta mqabbel mal-bnedmin. L-użu tal-antibijotiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel qed jonqos.

Verżjoni testwali

Grafika lineari tal-konsum tal-antimikrobiċi fl-annimali mrobbija fl-irziezet, meta mqabbla mal-bnedmin.

L-użu tal-antibijotiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel jonqos minn 154.7 mg ta' ingredjent antimikrobiku attiv għal kull kg ta' bijomassa fl-2014 għal 104.8 mg fl-2018, filwaqt li l-użu fil-bnedmin jiżdied, minn 125.3 mg fl-2014 għal 131.7 fl-2018.

Għalkemm il-konsum fl-annimali qed jonqos, l-użu ħażin għadu jipperikola kemm l-annimali kif ukoll lill-bnedmin, peress li l-annimali jistgħu jittrażmettu batterji reżistenti lill-bnedmin permezz ta' kuntatt dirett jew tal-katina alimentari.

4. Il-ġlieda kontra l-batterji reżistenti tinvolvi spejjeż sostanzjali tal-kura tas-saħħa

L-ispiża stmata tal-AMR għas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa hija ta' €1.1 biljun fis-sena.

Meta infezzjoni ma tirrispondix għal trattament antimikrobiku tal-ewwel linja (l-aktar għażla ta' kura effettiva u sikura għall-pazjent), il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jirrikorru għal alternattiviogħla fil-prezz, bħal mediċini tat-tieni u t-tielet linja (l-aħħar għażliet ta' trattament disponibbli). Il-kumplikazzjonijiet jew it-tul ta' żmien itwal ta' marda jew trattament xi kultant jirrikjedu rikoveri itwal fl-isptar, bl-ispejjeż korrispondenti.

Ir-reżistenza għall-antibijotiċi tal-aħħar istanza qed tikber

Din il-grafika turi li l-AMR għall-antibijotiċi tat-tieni u t-tielet linja, użati meta l-batterji jkunu reżistenti għal antibijotiċi komuni, hija għolja u hija mistennija li tkompli tiżdied fil-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni effettiva, l-esperti jbassru li l-AMR ser tiġġenera piż ekonomiku u tas-saħħa sinifikanti.

Verżjoni testwali

Grafika lineari tar-reżistenza għall-antimikrobiċi għall-antibijotiċi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet linja, fejn ir-reżistenza għall-antibijotiċi tal-ewwel linja hija mbassra li tonqos bi 11% fl-2050 meta mqabbla mal-2005, u r-reżistenza għall-antibijotiċi tat-tieni u t-tielet linja hija mbassra li tiżdied bi 72% u 119% rispettivament sal-2050, meta mqabbla mal-2005.

5. L-AMR tagħmel ħsara lill-ekonomija

Il-mard fit-tul u l-mortalità għandhom impatt dirett fuq l-ekonomiji tagħna. L-AMR tista' tfixkel ukoll il-kummerċ tal-bhejjem u tal-prodotti tal-bhejjem, peress li taffettwa s-saħħa u l-benessri tal-annimali u b'hekk il-produttività tagħhom.

Reżistenza akbar għall-antimikrobiċi tfisser impatt akbar fuq il-PDG globali

Din il-grafika turi t-telf ekonomiku potenzjali li jirriżulta mill-impatt tal-AMR fuq is-saħħa tal-ħaddiema u s-saħħa tal-annimali jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni effettiva.

Verżjoni testwali

Grafika lineari dwar it-telf ekonomiku potenzjali li jirriżulta mill-impatt tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fuq is-saħħa tal-ħaddiema u s-saħħa tal-annimali jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni effettiva.

F'xenarju ottimist b'reżistenza baxxa għall-antimikrobiċi, il-piż ekonomiku huwa mbassar li jkun sinifikanti, b'telf globali tal-PDG ta' 1.1% fl-2050.

F'xenarju pessimist b'reżistenza għolja għall-antimikrobiċi, l-ispejjeż ekonomiċi huma mbassra li jkunu severi, b'telf globali tal-PDG ta' 3.8% fl-2050.

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Awwissu 2025